Iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), l-Iżvizzera u t-Tramuntana

Iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ġiet stabbilita fl-1994 biex testendi d-dispożizzjonijiet tal-UE dwar is-suq intern tagħha għall-pajjiżi taż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA). Il-partijiet taż-ŻEE huma n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. L-Iżvizzera hija membru tal-EFTA iżda mhux taż-ŻEE. L-UE u s-sħab Nordiċi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE (in-Norveġja u l-Iżlanda) huma marbuta wkoll permezz ta’ diversi “politiki tat-Tramuntana” u fora li jiffokaw fuq it-truf tat-Tramuntana tal-Ewropa, li qed jevolvu b’rata mgħaġġla, u fuq ir-reġjun Artiku kollu kemm hu.

Il-bażi ġuridika

Għaż-ŻEE: l-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni).

Għall-Iżvizzera: il-Ftehim ta’ Assigurazzjoni tal-1989, il-Ftehimiet Bilaterali I tal-1999, il-Ftehimiet Bilaterali II tal-2004.

Iż-ŻEE

A. L-objettivi

L-iskop taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huwa li s-suq intern tal-UE jiġi estiż għall-pajjiżi taż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA). Il-pajjiżi attwali tal-EFTA ma jixtiqux jingħaqdu mal-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE marbuta mas-suq intern issir parti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE ġaladarba jaqblu li jinkorporawha. L-amministrazzjoni u l-ġestjoni taż-ŻEE huma kondiviżi bejn l-UE u l-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE fi struttura b’żewġ pilastri. Id-deċiżjonijiet jittieħdu minn korpi konġunti taż-ŻEE (il-Kunsill taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, il-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE u l-Kumitat Konsultattiv taż-ŻEE).

B. L-isfond

Fl-1992, is-seba’ membri li kienu jiffurmaw l-EFTA dak iż-żmien innegozjaw ftehim biex jippermettilhom jieħdu sehem fil-proġett ambizzjuż tas-suq intern tal-Komunità Ewropea, li ġie varat fl-1985 u twettaq għalkollox fl-aħħar tal-1992. Il-Ftehim ŻEE ġie ffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

L-għadd ta’ membri tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE, madankollu, ċkien ftit wara: l-Iżvizzera għażlet li ma tirratifikax il-Ftehim wara li r-referendum dwar il-kwistjoni m’għaddiex, filwaqt li l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja saru membri tal-UE fl-1995. L-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein biss baqgħu fiż-ŻEE. L-għaxar Stati Membri l-ġodda li ssieħbu mal-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 saru awtomatikament parti miż-ŻEE, kif għamlu l-Bulgarija u r-Rumanija meta aderew mal-Unjoni fl-2007. L-istess jgħodd għall-Kroazja fl-2013, għalkemm f’dan il-każ, il-ftehim dwar il-parteċipazzjoni tagħha fiż-ŻEE ilu jiġi applikat b’mod proviżorju minn April 2014. Dan se jidħol fis-seħħ formalment ladarba r-ratifika mill-Istati Membri kollha tkun tlestiet.

F’Ġunju 2009, l-Iżlanda applikat għal sħubija fl-UE bħala mezz biex toħroġ mill-kriżi finanzjarja globali tal-2007-2008. Il-Kunsill aċċetta l-applikazzjoni tal-Iżlanda fis-17 ta’ Ġunju 2010, u n-negozjati bdew f’Ġunju 2011. Madankollu, f’Marzu 2015, il-Gvern Iżlandiż iddikjara, f’ittra indirizzata lill-Kunsill tal-UE, li “l-Iżlanda m’għandhiex titqies bħala pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE”. Għalkemm il-gvern ma rtirax l-applikazzjoni b’mod uffiċjali, l-UE bħalissa ma tittrattax lill-Iżlanda bħala pajjiż kandidat.

C. Il-kamp ta’ applikazzjoni taż-ŻEE

Iż-ŻEE tmur lil hinn mill-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tradizzjonali (FTA) billi testendi d-drittijiet u l-obbligi sħaħ tas-suq intern tal-UE għall-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE (bl-eċċezzjoni tal-Iżvizzera). Iż-ŻEE tinkorpora l-erba’ libertajiet tas-suq intern (il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital) u l-politiki relatati (il-kompetizzjoni, it-trasport, l-enerġija u l-kooperazzjoni ekonomika u monetarja). Il-Ftehim jinkludi politiki orizzontali relatati strettament mal-erba’ libertajiet: il-politiki soċjali (fosthom is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, il-liġi tax-xogħol u t-trattament indaqs tan-nisa u tal-irġiel); il-politiki dwar il-ħarsien tal-konsumatur, l-ambjent, l-istatistika u l-liġi tal-kumpaniji; u għadd ta’ politiki ta’ akkumpanjament, bħall-politiki relatati mar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, li mhumiex ibbażati fuq l-acquis tal-UE jew atti ġuridikament vinkolanti, imma huma implimentati permezz ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni.

D. Il-limiti taż-ŻEE

Il-Ftehim ŻEE ma jistabbilixxix dispożizzjonijiet vinkolanti fis-setturi kollha tas-suq intern jew f’politiki oħra taħt it-Trattati tal-UE. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet vinkolanti tiegħu ma jikkonċernawx:

  • il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd (minkejja li l-Ftehim fih dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd);
  • l-unjoni doganali;
  • il-politika kummerċjali komuni;
  • il-politika estera u ta’ sigurtà komuni;
  • il-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni (minkejja li l-pajjiżi kollha tal-EFTA jagħmlu parti miż-żona Schengen);
  • l-unjoni ekonomika u monetarja.

E. L-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi taż-ŻEE

1. L-inkorporazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE

It-testi ġodda dwar is-suq intern tal-UE jiġu eżaminati mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, magħmul minn rappreżentanti tal-UE u tat-tliet stati tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE. Dan il-korp, li jiltaqa’ darba fix-xahar, jiddeċiedi liema leġiżlazzjoni u atti tal-UE (azzjonijiet, programmi, eċċ.) għandhom jiġu inkorporati fiż-ŻEE. Il-leġiżlazzjoni tiġi inkorporata formalment permezz tad-dħul tal-atti rilevanti fil-listi ta’ protokolli u annessi tal-Ftehim ŻEE. B’dan il-mod, eluf ta’ atti ġew inkorporati fil-Ftehim ŻEE. Il-Kunsill taż-ŻEE, kompost minn rappreżentanti tal-Kunsill tal-UE u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE, jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena biex ifassal linji gwida politiċi għall-Kumitat Konġunt. Il-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet għall-iffaċilitar tal-input mill-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE f’diversi stadji tal-proċedura leġiżlattiva tal-UE qabel ma tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida (tfassil tad-deċiżjonijiet).

2. It-traspożizzjoni

Ladarba att tal-UE jkun ġie inkorporat fil-Ftehim ŻEE, dan irid jiġi traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE (jekk dan ikun meħtieġ fl-ambitu ta’ dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali). It-traspożizzjoni tista’ ssir permezz ta’ deċiżjoni tal-gvern, jew jaf tirrikjedi approvazzjoni tal-parlament. It-traspożizzjoni hija kompitu formali u, f’din il-fażi, l-atti jista’ jsirilhom biss aġġustamenti tekniċi.

3. Il-monitoraġġ

Wara li l-leġiżlazzjoni tas-suq intern tkun ġiet estiża għall-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE, it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni jiġu monitorjati mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u mill-Qorti tal-EFTA. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA żżomm tabella ta’ valutazzjoni tas-suq intern li żżomm rendikont dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-pajjiżi taż-ŻEE.

4. Ir-rwol tal-parlamenti

Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-parlamenti nazzjonali tal-Istati tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE huma involuti mill-qrib fil-monitoraġġ tal-Ftehim ŻEE. L-Artikolu 95 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) taż-ŻEE, li jiltaqa’ darbtejn fis-sena. Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE jospitaw dan il-kumitat b’sistema ta’ rotazzjoni, u l-presidenza tiegħu talterna kull sena bejn Membru tal-Parlament Ewropew u membru parlamentari nazzjonali ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE. Kull delegazzjoni hija magħmula minn 12-il membru. Il-membri parlamentari tal-Assemblea Federali Żvizzera jattendu l-laqgħat bħala osservaturi. Il-leġiżlazzjoni kollha tal-UE li tapplika għaż-ŻEE hija soġġetta għall-iskrutinju tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE, li l-membri tiegħu għandhom id-dritt li jressqu mistoqsijiet orali jew bil-miktub lir-rappreżentanti tal-Kunsill taż-ŻEE u tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom f’rapporti jew f’riżoluzzjonijiet. L-istess proċedura tapplika għall-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Kull sena, il-Kumitat Parlamentari Konġunt jadotta riżoluzzjoni dwar ir-rapport annwali tal-Kumitat Konġunt dwar il-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, fejn jiddikjara l-fehmiet tiegħu dwar il-progress li jkun sar fl-inkorporazzjoni tad-dritt tal-UE u l-akkumulazzjoni eżistenti ta’ xogħol pendenti, u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-funzjonament xieraq tas-suq intern.

L-Iżvizzera

Bħala membru tal-EFTA, l-Iżvizzera ħadet sehem fin-negozjati għall-Ftehim ŻEE u ffirmatu fit-2 ta’ Mejju 1992. Immedjatament wara, il-Gvern Żvizzeru ppreżenta applikazzjoni għall-adeżjoni mal-UE fit-22 ta’ Mejju 1992. Madankollu, wara r-referendum tas-6 ta’ Diċembru 1992 li rriżulta f’vot kontra l-parteċipazzjoni fiż-ŻEE, il-Kunsill Federali Żvizzeru ma kompliex bil-ħidma favur is-sħubija tal-pajjiż mal-UE u maż-ŻEE. Minn dak iż-żmien, l-Iżvizzera żviluppat ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE permezz ta’ ftehimiet bilaterali sabiex tissalvagwardja l-integrazzjoni ekonomika tagħha mal-UE. Ir-relazzjonijiet bilaterali ffaċċjaw diffikultajiet fi Frar 2014 minħabba l-inizjattiva kontra l-immigrazzjoni li ħadet l-Iżvizzera, u l-eżitu tagħha xeħet dubju fuq il-prinċipji ta’ moviment ħieles u s-suq uniku li huma l-bażi ta’ dawn ir-relazzjonijiet. Fis-16 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament Żvizzeru adotta l-Att Federali dwar iċ-Ċittadini Barranin u l-Integrazzjoni tagħhom, li jimplimenta r-riżultat tar-referendum tal-2014 b’mod li jillimita l-effett tiegħu, u dan witta t-triq biex bdew jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżvizzera.

L-UE u l-Iżvizzera ffirmaw aktar minn 120 ftehim bilaterali, inklużi ftehim ta’ kummerċ ħieles fl-1972 u żewġ sensiliet ewlenin ta’ ftehimiet bilaterali settorjali li allinjaw porzjon kbir tad-dritt Żvizzeru ma’ dak tal-UE fil-mument tal-iffirmar. L-ewwel sett ta’ ftehimiet settorjali (magħruf bħala Bilaterali I) ġie ffirmat fl-1999 u daħal fis-seħħ fl-2002. Dawn is-seba’ ftehimiet (dwar il-moviment liberu tal-persuni, it-trasport bl-ajru, it-trasport fuq l-art, il-kummerċ fi prodotti agrikoli, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, l-akkwist pubbliku u l-kooperazzjoni fir-riċerka) ikopru l-kwistjonijiet tal-moviment liberu u l-ftuħ reċiproku tas-suq. Sett ieħor ta’ ftehimiet settorjali (Bilaterali II) ġie ffirmat fl-2004 u daħal fis-seħħ b’mod gradwali fil-perjodu 2005-2009. Bażikament, dawn il-ftehimiet jirrigwardaw it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika u jestendu l-kooperazzjoni dwar l-ażil u l-ivvjaġġar ħieles fi ħdan il-fruntieri ta’ Schengen. Ikopru wkoll il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fis-sistema ta’ Dublin, fil-programm MEDIA tal-UE u fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, kif ukoll it-tassazzjoni fuq it-tfaddil, il-prodotti agrikoli pproċessati, l-istatistika, il-ġlieda kontra l-frodi, u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji Żvizzeri għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE.

Filwaqt li l-ftehimiet saħħew ir-relazzjonijiet ekonomiċi, ħolqu wkoll network kumpless ta’ obbligi li xi drabi huwa inkonsistenti. Il-ftehimiet bilaterali jridu jiġu aġġornati regolarment u m’għandhomx il-karattru dinamiku tal-Ftehim ŻEE. Apparti hekk, m’għandhomx arranġamenti ta’ monitoraġġ jew mekkaniżmi effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Biex tinstab soluzzjoni għal dawn il-problemi, fit-22 ta’ Mejju 2014 l-UE -u l-Iżvizzera bdew negozjati bejniethom dwar Ftehim Qafas Istituzzjonali (IFA). In-negozjati fittxew li jsolvu diversi kwistjonijiet diffiċli, li jvarjaw mill-kundizzjonijiet għall-fornituri tas-servizzi tal-UE fl-Iżvizzera sar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-soluzzjoni tat-tilwim. In-negozjati dwar l-IFA ġew konklużi fil-livell politiku fit-23 ta’ Novembru 2018. Madankollu, il-Kunsill Federali Żvizzeru ma setax jaqbel dwar it-test finali minħabba tħassib min-naħa tal-Iżvizzera li “l-miżuri ta’ akkumpanjament”[1] u l-inkorporazzjoni tal-acquis tal-UE dwar il-moviment liberu tal-persuni ma kinux ġew riflessi b’mod adegwat. Għaldaqstant dan vara konsultazzjoni interna wiesgħa mal-kumitati rilevanti tal-Assemblea Federali Żvizzera, il-partiti, il-cantons, is-sħab soċjali u l-komunità akkademika u tar-riċerka, li se sservi bħala l-bażi biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-Ftehim għandux jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni quddiem l-Assemblea Federali Żvizzera jew le. Matul il-konsultazzjoni, li ntemmet f’April 2019, tqajmu għadd ta’ kwistjonijiet li dwarhom in-naħa Żvizzera talbet kjarifika ulterjuri.

Matul il-konsultazzjoni, tqajjem tħassib rigward il-moviment liberu tal-persuni bejn l-Iżvizzera u l-UE. Fis-27 ta’ Settembru 2020, fl-Iżvizzera saret votazzjoni popolari, sponsorjata mill-Partit Popolari Żvizzeru (SVP), dwar it-terminazzjoni tal-ftehim mal-UE dwar il-moviment liberu tal-persuni. Kważi 62% tal-votanti rrifjutaw l-inizjattiva tal-SVP.

Wara l-votazzjoni popolari u ladarba l-kundizzjonijiet relatati mal-COVID-19 kienu jippermettu, f’Jannar 2021 reġgħu bdew id-diskussjonijiet dwar il-kjarifiki tal-IFA. Madankollu, fis-26 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill Federali Żvizzeru informa lill-Kummissjoni Ewropea bid-deċiżjoni tiegħu li jtemm in-negozjati. Il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni ta’ dispjaċir dwar id-deċiżjoni li ħa l-Kunsill Federali Żvizzeru, filwaqt li insistiet li mingħajr dan il-ftehim, il-modernizzazzjoni tar-relazzjoni bilaterali ma kinitx se tkun possibbli u li l-ftehimiet bilaterali eżistenti kienu se jintilfu maż-żmien.

Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Federali Żvizzeru adotta sett ta’ linji gwida għall-pakkett ta’ negozjar tiegħu mal-UE. Minn Marzu 2022 ’l hawn, in-negozjaturi ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill Federali Żvizzeru ltaqgħu diversi drabi biex jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposti l-ġodda. Minn dak iż-żmien ’l hawn, saru għadd ta’ laqgħat fil-livell politiku u dak tekniku sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposti l-ġodda.

Fil-21 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Federali Żvizzeru approva l-parametri għal mandat ta’ negozjar mal-UE. Id-diskussjonijiet se jkomplu fuq din il-bażi, fil-livell politiku u dak tekniku, bil-għan li jissolvew il-kwistjonijiet pendenti.

Il-politiki tat-Tramuntana

L-UE hija involuta b’mod attiv f’għadd ta’ politiki u fora li jiffokaw fuq it-truf tat-Tramuntana tal-Ewropa, li qed jevolvu b’rata mgħaġġla, u fuq ir-reġjun Artiku kollu kemm hu. B’mod partikolari, wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022, twaqqfet kull kooperazzjoni mar-Russja f’dan ir-rigward. L-UE hija attiva fil-fora li ġejjin:

  • id-Dimensjoni tat-Tramuntana, li mill-2007 ’l hawn serviet bħala politika komuni għall-UE, ir-Russja, in-Norveġja u l-Iżlanda. Din il-politika wasslet għal sħubiji settorjali effettivi għall-kooperazzjoni fir-reġjun Baltiku u dak ta’ Barents. Id-Dimensjoni tat-Tramuntana tinkludi korp parlamentari – il-Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana – li l-Parlament Ewropew huwa membru fundatur tiegħu;
  • il-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS), li ġie varat fl-1992 mill-UE u mill-istati tax-xatt ta’ dan il-baħar wara li l-USSR xoljiet. L-Istati Membri kollha tas-CBSS jipparteċipaw fil-Konferenza Parlamentari tal-Baħar Baltiku (BSPC), li l-Parlament Ewropew huwa membru tagħha wkoll;
  • il-kooperazzjoni fir-reġjun ta’ Barents, li tiġbor fiha r-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja u dak tal-majjistral tar-Russja. Din titwettaq permezz tal-Kunsill Reġjonali ta’ Barents li huwa sottostatali, il-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents li huwa interstatali u li l-UE hija membru tiegħu, u konferenza parlamentari li l-Parlament Ewropew huwa membru tagħha;
  • l-affarijiet tal-Artiku ċirkumpolari: il-politika tal-UE dwar l-Artiku hija bbażata fuq komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni/Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (2008, 2012 u 2016 u 2021), konklużjonijiet tal-Kunsill (2009, 2014, 2016 u 2019) u riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew (2011, 2014, 2017 u 2021). Fis-16 ta’ Marzu 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar politika integrata tal-UE għall-Artiku, filwaqt li l-aktar riżoluzzjoni reċenti tiegħu, dwar “The Arctic: opportunities, concerns and security challenges” (L-Artiku: opportunitajiet, tħassib u sfidi għas-sigurtà), ġiet adottata fil-plenarja fis-7 ta’ Ottubru 2021;
  • fit-13 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE żvelaw il-politika l-ġdida tal-UE għall-Artiku. L-UE ilha mill-2013 tattendi l-laqgħat tal-Kunsill tal-Artiku li, madankollu, għadu ma ddeċidiex dwar it-talba tal-UE tal-2008 għal status formali ta’ osservatur. Il-Parlament Ewropew huwa membru tal-Konferenza tad-Deputati Parlamentari tar-Reġjun Artiku;
  • il-Parlament Ewropew jiġi mistieden regolarment għas-sessjonijiet annwali tal-Kunsill Nordiku u jipparteċipa fihom. Fis-6 ta’ Ottubru 2020, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament approvat it-talba tal-Kunsill Nordiku biex jinbdew relazzjonijiet aktar formali bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; Il-laqgħat interparlamentari bejn l-UE u l-Kunsill Nordiku jsiru kull sena. Barra minn hekk, delegazzjonijiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill Nordiku tal-Punent (li jinkludi membri parlamentari mill-Gżejjer Faeroe, Greenland u l-Iżlanda) jiltaqgħu darba fis-sena.

 

[1]Miżuri ta’ akkumpanjament”: għadd ta’ miżuri introdotti unilateralment mill-Iżvizzera fl-2006 biex jipproteġu s-suq tax-xogħol tagħha. Dawn jinkludu rekwiżiti ta’ notifika għall-fornituri tas-servizzi tal-UE, kontribuzzjonijiet mill-operaturi tal-UE biex ikopru l-ispejjeż tal-kummissjonijiet tripartitiċi Żvizzeri, l-obbligu għan-negozji tal-UE li jipprovdu garanziji tad-depożiti u ċerti sanzjonijiet. L-UE tqis li dawn il-miżuri huma inkompatibbli mal-moviment liberu tal-persuni u ostaklu għall-kummerċ u s-servizzi.

María Álvarez López / Algirdas Razauskas