Il-Bank Ewropew tal-Investiment
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni Ewropea billi jipprovdi finanzjament ta’ proġetti fit-tul, garanziji u konsulenza. Huwa jappoġġja proġetti kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha. L-azzjonisti tiegħu huma l-Istati Membri tal-UE. Il-BEI huwa l-azzjonist maġġoritarju tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u ż-żewġ organizzazzjonijiet flimkien jiffurmaw il-Grupp tal-BEI. Fi ħdan il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa tal-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI huwa parti minn strateġija usa’ li għandha l-għan li tegħleb id-diskrepanza kbira fl-investiment billi tnaqqas il-piż minn fuq l-investituri ta’ wħud mir-riskji inerenti fil-proġetti.
Il-bażi ġuridika
- L-Artikoli 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Aktar dispożizzjonijiet rigward il-BEI jinsabu fl-Artikoli 15, 126, 175, 209, 271, 287, 289 u 343 tat-TFUE;
- Il-Protokoll (Nru 5) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Protokoll (Nru 28) dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali li huma mehmuża mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
L-objettivi
Skont l-Artikolu 309 tat-TFUE, il-kompitu tal-BEI huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ibbilanċjat u kostanti tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni. Il-BEI, fis-setturi kollha tal-ekonomija, jiffaċilita l-finanzjament tal-proġetti li:
- ifittxu li jiżviluppaw reġjuni inqas żviluppati;
- ifittxu li jimmodernizzaw jew jikkonvertu l-intrapriżi, jew jiżviluppaw attivitajiet ġodda li ma jistgħux jiġu ffinanzjati kompletament bil-mezzi disponibbli fl-Istati Membri individwali;
- ikunu ta’ interess komuni għal bosta Stati Membri.
Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni (l-Artikolu 175 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 28). Minbarra dan, huwa jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ miżuri lil hinn mill-UE li jappoġġjaw il-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni (l-Artikolu 209 tat-TFUE).
L-attivitajiet tal-BEI jiffokaw fuq sitt oqsma ta’ prijorità: il-klima u l-ambjent; l-iżvilupp; l-innovazzjoni u l-ħiliet; in-negozji ż-żgħar; l-infrastruttura; u l-koeżjoni.
Ir-riżorsi u l-istrumenti
A. Ir-riżorsi
Sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu, il-BEI primarjament jagħmel użu mir-riżorsi tiegħu proprji u s-swieq kapitali internazzjonali (l-Artikolu 309 tat-TFUE).
1. Ir-riżorsi proprji
Ir-riżorsi proprji huma pprovduti mill-membri tal-BEI, jiġifieri l-Istati Membri (l-Artikolu 308 tat-TFUE). Il-kontribuzzjoni għall-kapital minn kull Stat Membru individwali hija stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Istatut tal-BEI u tiġi kkalkolata skont il-piż ekonomiku tal-Istati Membri. Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI ddeċieda li l-bqija tal-Istati Membri jżidu b’mod proporzjonali s-sottoskrizzjonijiet kapitali tagħhom sabiex jinżamm l-istess livell ta’ kapital sottoskritt globali (EUR 243.3 biljun). Minn Marzu 2020, il-kapital sottoskritt tal-BEI żdied b’EUR 5.5 biljun addizzjonali, wara d-deċiżjoni ta’ żewġ Stati Membri li jżidu s-sottoskrizzjonijiet kapitali tagħhom (il-Polonja u r-Rumanija). Il-kapital sottoskritt totali tal-BEI issa jammonta għal EUR 248.8 biljun.
2. Is-swieq kapitali
Il-BEI jakkwista l-maġġoranza tar-riżorsi tas-self tiegħu minn swieq kapitali internazzjonali, prinċipalment permezz tal-ħruġ ta’ bonds. Huwa wieħed mill-akbar mutwanti sovranazzjonali fid-dinja. Il-klassifikazzjoni tal-kreditu eċċellenti hija importanti sabiex jinkiseb finanzjament kosteffiċjenti. L-aġenziji ewlenin tal-klassifikazzjoni tal-kreditu attwalment jattribwixxu l-ogħla klassifikazzjoni lill-BEI, u dan jirrifletti l-kwalità tal-portafoll tas-self tiegħu. Il-BEI ġeneralment jiffinanzja terz ta’ kull proġett, iżda l-finanzjament ta’ appoġġ jista’ jilħaq il-50 %.
B. L-istrumenti
Il-BEI juża firxa wiesgħa ta’ strumenti differenti, iżda prinċipalment self u garanziji. Madankollu, ġew żviluppati wkoll għadd ta’ strumenti oħra aktar innovattivi bi profil ta’ riskju ogħla. Se jkunu ddisinjati aktar strumenti f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-finanzjament provdut mill-BEI jista’ jiġi kkombinat ukoll ma’ finanzjament minn sorsi oħra tal-UE (inter alia, il-baġit tal-UE), proċess magħruf bħala “taħlit” (“blending”). Minbarra l-finanzjament tal-proġetti, il-BEI għandu wkoll funzjoni konsultattiva.
Is-self huwa pprovdut fil-forma ta’ self dirett jew intermedju. Is-self dirett ta’ proġetti huwa soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, pereżempju t-total tal-ispejjeż ta’ investiment irid ikun iktar minn EUR 25 miljun, u s-self jista’ jkopri biss sa 50 % tal-ispejjeż tal-proġett. Is-self intermedju jikkonsisti f’self lill-banek lokali jew intermedjarji oħra li, min-naħa tagħhom, jappoġġjaw lill-benefiċjarju finali. Il-maġġoranza tas-self isir fl-UE.
Minbarra l-attivitajiet ta’ self aktar tradizzjonali tiegħu, il-BEI juża wkoll faċilitajiet ta’ taħlit biex iħallat is-self tiegħu ma’ għotjiet minn korpi pubbliċi jew organizzazzjonijiet filantropiċi.
It-tmexxija u l-istruttura
A. It-tmexxija
Il-BEI għandu personalità ġuridika, f’konformità mal-Artikolu 308 tat-TFUE. Huwa mmexxi u amministrat minn Bord tal-Gvernaturi, Bord tad-Diretturi u Kumitat ta’ Tmexxija (l-Artikolu 6 tal-Istatut). Kumitat tal-Verifika jeżamina l-attivitajiet tal-Bank (l-Artikolu 12 tal-Istatut).
1. Il-Bord tal-Gvernaturi
a. Il-kompożizzjoni
Il-Bord tal-Gvernaturi jikkonsisti mill-ministri nnominati mill-Istati Membri (l-Artikolu 7(1) tal-Istatut).
b. Ir-rwol
Il-Bord tal-Gvernaturi jistabbilixxi direttivi ġenerali għall-politika tal-kreditu tal-Bank u jiżgura l-implimentazzjoni tagħha (l-Artikolu 7(2) tal-Istatut). Skont l-Artikolu 7(3) tal-Istatut, il-Bord tal-Gvernaturi huwa meħtieġ li:
- jiddeċiedi jekk għandux iżid il-kapital sottoskritt;
- jiffissa l-prinċipji applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament imwettqa fil-qafas tal-kompiti tal-Bank;
- jeżerċita s-setgħat stabbiliti għall-ħatra u l-irtirar obbligatorju tal-membri tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitat ta’ Tmexxija;
- jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ finanzi għall-operazzjonijiet ta’ investiment li jridu jsiru, parzjalment jew għal kollox, lil hinn mill-UE;
- japprova r-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi, il-karta tal-bilanċ annwali, ir-rapport tal-introjtu, u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank.
Huwa jaħtar is-sitt membri tal-Kumitat tal-Verifika (l-Artikolu 12(1) tal-Istatut), kif ukoll il-membri tal-Bord tad-Diretturi (l-Artikolu 9(2) tal-Istatut) u tal-Kumitat ta’ Tmexxija (l-Artikolu 11(1) tal-Istatut).
2. Il-Bord tad-Diretturi
a. Il-kompożizzjoni
Il-Bord tad-Diretturi jikkonsisti minn 28 direttur u 31 direttur supplenti. Id-diretturi jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni jinnominaw direttur kull wieħed (l-Artikolu 9(2) tal-Istatut).
b. Ir-rwol (l-Artikolu 9 tal-Istatut)
Il-Bord tad-Diretturi jiddeċiedi dwar:
- l-għoti ta’ finanzjamenti, b’mod partikolari fil-forma ta’ self u garanziji;
- l-assunzjoni ta’ self;
- l-iffissar ta’ rati ta’ mgħax fuq is-self mogħti, kif ukoll il-kummissjoni u imposti oħra.
Huwa jiżgura li l-Bank huwa mmexxi b’mod xieraq u ġestit f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-Istatut u mad-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi.
3. Il-Kumitat ta’ Tmexxija
a. Il-kompożizzjoni
Il-Kumitat ta’ Tmexxija jikkonsisti minn President u tmien Viċi Presidenti, maħtura għal perjodu ta’ sitt snin mill-Bord tal-Gvernaturi fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi. Il-ħatriet tagħhom jistgħu jiġġeddu (l-Artikolu 11(1) tal-Istatut).
b. Ir-rwol
Il-Kumitat ta’ Tmexxija huwa responsabbli għall-operazzjoni ta’ kuljum tal-Bank, taħt l-awtorità tal-President u s-superviżjoni tal-Bord tad-Diretturi; huwa jħejji d-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, u jiżgura li dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati (l-Artikolu 11(3) tal-Istatut).
4. Il-Kumitat ta’ Verifika (l-Artikolu 12 tal-Istatut)
a. Il-kompożizzjoni
Il-Kumitat ta’ Verifika jikkonsisti minn sitt membri maħtura mill-Bord tal-Gvernaturi (l-Artikolu 12(1) tal-Istatut).
b. Ir-rwol
Kull sena, il-Kumitat ta’ Verifika jivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank tmexxew sew u l-kotba tiegħu nżammu b’mod xieraq. Għal dan l-iskop, huwa jivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank saru f’konformità mal-formalitajiet u l-proċeduri previsti mill-Istatut u r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (l-Artikolu 12(2) tal-Istatut). Huwa jikkonferma jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni finanzjarja oħra fil-kontijiet annwali mfassla mill-Bord tad-Diretturi, jagħtux stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Bank (l-Artikolu 12(3) tal-Istatut).
B. L-istruttura
Il-Grupp tal-BEI ġie stabbilit fl-2000 u jikkonsisti mill-BEI u l-FEI, li twaqqaf fl-1994 u twaqqaf bħala sħubija pubblika-privata ma’ tliet gruppi ta’ azzjonisti ewlenin: il-BEI, bħala l-azzjonist maġġoritarju bi 62.2 %, il-Kummissjoni (30 %), u bosta istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati (7.8 %). Il-FEI jipprovdi diversi forom ta’ strumenti ta’ kapital ta’ riskju, pereżempju l-kapital ta’ riskju nnifsu. Is-self tal-FEI huwa ffokat fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u juża firxa wiesgħa ta’ strumenti innovattivi bil-għan li jtejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament.
Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa
Minn mindu bdiet il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-UE sofriet minn livelli baxxi ta’ investiment. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa” pprovdiet gwida dwar kif terġa’ tingħata l-ħajja lill-investiment fl-UE, jinħolqu l-impjiegi u jitrawmu t-tkabbir fit-tul u l-kompetittività. Il-qafas leġiżlattiv għall-inizjattiva l-ġdida ġie ppreżentat fil-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Ir-regolament ġie adottat fil-25 ta’ Ġunju 2015.
Il-FEIS għandu l-għan li jiġġenera investiment privat permezz tal-mobilizzazzjoni tal-fondi pubbliċi u joħloq ambjent favorevoli għall-investiment. Intużaw garanzija inizjali tal-UE ta’ EUR 16-il biljun lill-BEI, flimkien ma’ impenn ta’ EUR 5 biljun mill-BEI nnifsu, biex jiġu mmobilizzati fondi privat, u sa nofs l-2018 il-FEIS qabeż l-għan tiegħu li jiġġenera EUR 315-il biljun addizzjonali f’finanzi għall-investiment fl-UE.
Ir-Regolament dwar il-FEIS stabbilixxa wkoll iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) bil-għan li jipprovdi assistenza konsultattiva u teknika għall-identifikazzjoni, it-tħejjija u l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ investiment.
Ir-Regolament dwar il-FEIS 2.0 ġiet adottat f’Diċembru 2017 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018. Dan ir-Regolament estenda d-durata tal-FEIS (sal-aħħar tal-2020) u jwettaq titjib ulterjuri lill-fond u lill-EIAH. Wieħed mill-elementi ewlenin huwa ż-żieda fil-garanzija tal-UE għal EUR 26 biljun u l-impenn tal-BEI għal EUR 7.5 biljun, bil-għan li jiġu mobilizzati EUR 500 biljun ta’ finanzjament addizzjonali għall-investiment.
InvestEU
Adottat f’Marzu 2021 bħala s-suċċessur tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, InvestEU jiġbor flimkien il-FEIS u 13-il strument finanzjarju ieħor tal-UE. Huwa jiffoka fuq erba’ oqsma ta’ politika ewlenin (l-infrastruttura sostenibbli; ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; l-SMEs; l-investiment soċjali u l-ħiliet) u għandu l-għan li jimmobilizza EUR 372 biljun f’investiment addizzjonali bejn l-2001 u l-2027. Il-programm jikkonsisti mill-Fond InvestEU, iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU u l-Portal InvestEU.
L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jużaw InvestEU biex jimplimentaw il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).
Il-“bank klimatiku” tal-UE
F’Ġunju 2019, il-Kunsill Ewropew talab lill-BEI “jintensifika l-attivitajiet tiegħu b’appoġġ għal azzjoni klimatika”. Il-BEI wieġeb f’Novembru 2019 bi strateġija ġdida dwar il-klima u politika ġdida dwar is-self fis-settur tal-enerġija.
Il-BEI impenja ruħu li jallinja l-attivitajiet ta’ finanzjament kollha tiegħu mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. B’mod partikolari, il-BEI se jżid is-sehem ta’ investimenti fl-ambitu tal-prijorità “azzjoni klimatika u sostenibbiltà ambjentali” sa 50 % sal-2025. Il-BEI waqaf jiffinanzja proġetti tal-fjuwils fossili fi tmiem l-2021.
Il-politika l-ġdida tal-BEI dwar is-self fis-settur tal-enerġija, li se tirregola l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-enerġija, hija bbażata fuq ħames prinċipji:
- li tiġi prijoritizzata l-effiċjenza fl-enerġija bil-ħsieb li tiġi appoġġjata l-mira l-ġdida tal-UE fl-ambitu tad-Direttiva tal-UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija;
- li jingħata lok għad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija permezz ta’ żieda fl-appoġġ għal teknoloġija b’livell baxx jew żero ta’ karbonju, bil-għan li jinkiseb sehem ta’ 32 % ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE kollha sal-2030;
- li jiżdied il-finanzjament għall-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, il-ħżin innovattiv tal-enerġija u l-mobilità elettronika;
- li jiġi żgurat l-investiment fil-grilja li huwa essenzjali għal sorsi ta’ enerġija intermittenti u ġodda bħal dawk eoliċi u solari, kif ukoll it-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet transfruntiera; u
- li jiżdied l-impatt tal-investiment biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni tal-enerġija lil hinn mill-UE.
Ir-rispons għall-kriżi tal-COVID-19
Fl-2020, bħala parti mir-rispons tal-UE għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19, il-BEI ħoloq fond ta’ garanzija ta’ EUR 25 biljun biex jippermetti lill-Grupp tal-BEI jżid l-appoġġ tiegħu għall-kumpaniji fl-Istati Membri kollha billi jimmobilizza ammont addizzjonali sa EUR 200 biljun.
Dan ġie flimkien ma’ pakkett ta’ appoġġ immedjat ta’ mhux aktar minn EUR 40 biljun, li kkonsista fi:
- skemi ta’ garanzija dedikati għall-banek ibbażati fuq programmi eżistenti, għal skjerament immedjat, li jimmobilizzaw finanzjament sa EUR 20 biljun;
- linji ta’ likwidità dedikati għall-banek biex jiżguraw EUR 10 biljun addizzjonali ta’ appoġġ għall-kapital operatorju għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja; u
- programmi ta’ xiri ta’ titoli garantiti b’assi dedikati biex jippermettu lill-banek jittrasferixxu riskju fuq portafolli ta’ self lill-SMEs, billi jimmobilizzaw EUR 10 biljun ta’ appoġġ ieħor.
Rispons għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna
L-attivitajiet tal-BEI relatati mal-Ukrajna jmorru lura għall-2007. Huwa jopera fl-Ukrajna f’konformità mal-politika Ewropea tal-viċinat, is-Sħubija tal-Lvant u ftehimiet bilaterali oħra tal-UE. Mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, il-BEI żied l-appoġġ tiegħu. Minn Marzu 2022, EUR 668 miljun f’assistenza immedjata lill-Ukrajna ġew żborżati bis-sħiħ bħala parti mill-ewwel pagamenti fi ħdan l-istrument ta’ Rispons Urġenti ta’ Solidarjetà għall-Ukrajna, appoġġjat minn garanzija tal-UE. It-tieni pakkett ta’ appoġġ finanzjarju immedjat għall-ħtiġijiet essenzjali fi ħdan l-istrument beda f’Lulju 2022, appoġġjat ukoll minn garanzija tal-UE. Il-finanzjament mill-istrument għandu l-għan li jgħin lill-Ukrajna tirranġa l-infrastruttura li ġarrbet ħsara, terġa’ tibda s-servizzi muniċipali u tappoġġja miżuri urġenti ta’ effiċjenza enerġetika bi tħejjija għall-istaġun ta’ kesħa. Sa Ottubru 2022, ġew żborżati EUR 1.05 biljun u EUR 540 miljun ġew allokati għall-2023. Barra minn hekk, il-BEI kkoordina donazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja li ammontaw għal EUR 3.6 miljun, filwaqt li pprijoritizza l-għajnuna ta’ emerġenza għall-persuni milquta mill-kunflitt fl-Ukrajna u fil-pajjiżi ġirien tagħha.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Skont l-Artikolu 308 tat-TFUE, il-Parlament jiġi kkonsultat meta jiġi emendat l-Istatut tal-BEI. Il-BEI jagħti rendikont dirett lill-Istati Membri. Huwa m’għandux obbligi ta’ rapportar formali lill-Parlament, u lanqas mhu responsabbli għalih. Madankollu, f’ġest ta’ rieda tajba, il-President tal-BEI jaċċetta stediniet biex jidher fil-plenarja u fil-laqgħat rilevanti tal-kumitati tal-Parlament, u l-BEI huwa miftuħ għal mistoqsijiet mill-Membri tal-PE.
Kull sena, kumitat parlamentari jirrieżamina l-attivitajiet tal-BEI u jippreżenta rapport fil-plenarja, li għaliha jiġi mistieden il-President tal-BEI.
Fl-ambitu tar-Regolament eżistenti, il-Parlament japprova l-ħatra tad-Direttur Amministrattiv u l-Viċi Direttur Amministrattiv tal-FEIS. L-approprjazzjonijiet annwali mill-baġit tal-UE relatati mal-fond ta’ garanzija jiġu awtorizzati mill-Parlament u mill-Kunsill bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali.
Il-Parlament kien involut, bħala koleġiżlatur, fl-adozzjoni tal-inizjattivi tal-FEIS u ta’ InvestEU.
Christian Scheinert