Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa strument finanzjarju fi ħdan il-Politika ta’ Koeżjoni, li jfittex li jipprovdi appoġġ lit-territorji li qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi serji b’riżultat tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li l-għan tiegħu huwa li sal-2050 l-UE ssir newtrali għall-klima.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

L-isfond

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa wieħed mill-għodod ewlenin tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġa r-reġjuni fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika sal-2050.

F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li stabbilixxa pjan direzzjonali għal politika ġdida ta’ tkabbir għall-UE. Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u bil-għan li l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE jintlaħaq b’mod effettiv u ekwu, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-ħolqien ta’ Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, inkluż Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Il-komunikazzjoni tgħid li l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta għandu jiffoka fuq ir-reġjuni u s-setturi li huma l-aktar milquta mit-tranżizzjoni minħabba d-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwils fossili, inklużi l-faħam, il-peat u ż-żejt tax-shale, u fuq proċessi industrijali intensivi mil-lat ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Il-mekkaniżmu jikkonsisti minn tliet pilastri:

  • Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;
  • Skema apposta fl-ambitu tal-programm InvestEU;
  • Faċilità ta’ self għas-settur pubbliku pprovduta mill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiġu mobilizzati investimenti addizzjonali fir-reġjuni kkonċernati.

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta primarjament se jipprovdi għotjiet. L-iskop tal-iskema apposta għat-tranżizzjoni fl-ambitu tal-InvestEU huwa li tattira investimenti privati. L-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom jingranaw il-finanzjament pubbliku.

L-appoġġ ipprovdut permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa ffukat fuq id-diversifikazzjoni ekonomika tat-territorji l-aktar milquta mit-tranżizzjoni klimatika kif ukoll fuq it-taħriġ mill-ġdid u l-inklużjoni attiva tal-ħaddiema u ta’ dawk li qed ifittxu impjieg f’tali territorji. Il-kriterji tal-eleġibbiltà għall-investimenti fl-ambitu taż-żewġ pilastri l-oħra tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jkunu usa’ sabiex jingħata wkoll appoġġ għal attivitajiet relatati mat-tranżizzjoni enerġetika.

L-objettivi

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa għodda ewlenija biex jiġu appoġġati t-territorji l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u tiġi evitata żieda fid-disparitajiet reġjonali. L-objettivi ewlenin tiegħu huma li jtaffi l-impatt tat-tranżizzjoni billi jiffinanzja d-diversifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija lokali u billi jtaffi r-riperkussjonijiet negattivi fuq l-impjiegi. Sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jappoġġa investimenti f’oqsma bħall-konnettività diġitali, it-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet, ir-riġenerazzjoni tas-siti industrijali, it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u l-assistenza teknika.

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa implimentat skont regoli ta’ ġestjoni kondiviża, li jfisser kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-Istati Membri se jkollhom jissottomettu pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta sabiex ikollhom aċċess għall-appoġġ tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Dawn il-pjanijiet jiddeskrivu l-oqsma speċifiċi ta’ intervent, abbażi tal-impatti ekonomiċi u soċjali tat-tranżizzjoni. B’mod partikolari, dawn il-pjanijiet għandhom iqisu t-telf mistenni ta’ impjiegi u t-trasformazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni tal-faċilitajiet industrijali bl-ogħla intensitajiet ta’ gassijiet serra.

Il-baġit u r-regoli finanzjarji

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri kollha. Il-kriterji tal-allokazzjoni huma bbażati fuq l-emissjonijiet industrijali f’reġjuni b’intensitajiet għolja ta’ karbonju, l-impjiegi fl-industrija u fl-estrazzjoni minn minjieri tal-faħam u tal-linjite, il-produzzjoni tal-peat u taż-żejt tax-shale, u l-livell ta’ żvilupp ekonomiku. L-Istati Membri li għadhom ma impenjawx ruħhom li jimplimentaw l-objettiv li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 se jingħataw biss 50 % tal-allokazzjoni ppjanata għalihom. Il-livell ta’ kofinanzjament tal-UE tal-proġetti huwa stabbilit skont il-kategorija tar-reġjun fejn ikunu jinsabu dawn il-proġetti. Għal reġjuni inqas żviluppati, dan huwa stabbilit għal massimu ta’ 85 %, għal reġjuni fi tranżizzjoni 70 % u għal reġjuni aktar żviluppati 50 %.

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għandu baġit kumplessiv ta’ EUR 17.5-il biljun għall-perjodu 2021-2027. EUR 7.5 biljun huma ffinanzjati fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali u EUR 10 biljun addizzjonali huma ffinanzjati fl-ambitu tan-NextGenerationEU.

L-Istati Membri jistgħu jikkomplementaw l-allokazzjoni tagħhom tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta bir-riżorsi allokati fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Matul in-negozjati dwar il-proposta tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Parlament Ewropew kien partikolarment imħasseb dwar l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u ppropona miżuri li se jgħinu biex il-proċess iseħħ mingħajr ma jkomplu jikbru d-disparitajiet bejn ir-reġjuni, u mingħajr ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

Il-Parlament Ewropew issuġġerixxa li jitwessa’ l-ambitu tal-attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, sabiex jinkludi dawk tal-mikrointrapriżi, tal-universitajiet u tal-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, kif ukoll l-innovazzjoni diġitali u l-attivitajiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Dan jippermetti lir-reġjuni, lin-nies, lill-intrapriżi u lil partijiet ikkonċernati oħra jindirizzaw b’mod effettiv il-konsegwenzi soċjali, fuq l-impjiegi, ekonomiċi u ambjentali marbuta mat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew ippropona sensiela ta’ esklużjonijiet għal ċerti attivitajiet ekonomiċi, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-aspett soċjali tal-fond.

Fl-2020, il-Parlament Ewropew ippropona li jiġi allokat baġit sostanzjalment ogħla għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Dan ippermetta li jsiru trasferimenti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus fuq bażi volontarja. Il-Parlament Ewropew irrakkomanda wkoll iż-żieda ta’ “Mekkaniżmu ta’ Kumpens Ekoloġiku”, li jista’ jalloka finanzjament addizzjonali lill-Istati Membri li jirnexxilhom inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom b’rata aktar mgħaġġla milli mistenni.

It-test finali tar-regolament li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ġie adottat formalment mill-Parlament fit-18 ta’ Mejju u mill-Kunsill f’votazzjoni fis-7 ta’ Ġunju 2021. L-att finali ġie ffirmat fl-24 ta’ Ġunju u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-30 ta’ Ġunju 2021.

 

Frédéric Gouardères