Assistenza fl-irkupru għall-koeżjoni u għat-territorji tal-Ewropa (REACT-EU)

REACT-EU hija programm biex isewwi d-dannu soċjali u ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, u biex iħejji għal irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti. REACT-EU timmira li timmobilizza EUR 47.5 biljun addizzjonali mill-fondi strutturali għas-snin 2021 u 2022, u li żżid il-flessibbiltà fl-infiq tal-politika ta’ koeżjoni.

Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 177 u 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU).

L-isfond

Sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, it-tnaqqis fl-attività ekonomika fl-Unjoni kkawża dannu konsiderevoli, b’mod partikolari żieda fil-qgħad u tnaqqis fl-ekonomija. Fit-28 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet il-pakkett REACT-EU biex ittaffi l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 għar-reġjuni li l-aktar intlaqtu mill-kriżi. Hija tikkomplementa żewġ proposti preċedenti, l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+), li t-tnejn li huma emendaw ir-regoli dwar l-infiq tal-Politika ta’ Koeżjoni. REACT-EU tieħu l-forma ta’ emendi mmirati għar-Regolament UE (Nru) 1303/2013, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li huwa l-qafas ġuridiku li jirregola l-perjodu ta’ programmazzjoni attwali tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Il-proposta tal-Kummissjoni

Oriġinarjament, il-Kummissjoni pproponiet EUR 54.8 biljun (fil-prezzijiet tal-2018) f’fondi addizzjonali għall-perjodu 2020-2022 għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD).

Minn dan l-ammont totali, EUR 4.8 biljun kellhom isiru disponibbli fl-2020 bħala suppliment għall-programmi eżistenti fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li r-riżorsi addizzjonali ta’ EUR 50 biljun għall-perjodu 2021-2022 ikunu fornuti permezz tal-Istrument Ewropew għall-Irkupru (Next Generation EU).

Għall-FEŻR u l-FSE, ikunu disponibbli fondi addizzjonali skont objettiv tematiku uniku ġdid imsejjaħ “trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u t-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija” fl-ambitu tal-għan “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi”.

Għall-FEŻR, dawn ir-riżorsi addizzjonali kellhom primarjament jintużaw biex jappoġġjaw investimenti fi prodotti u servizzi għas-servizzi tas-saħħa u biex joffru appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju jew appoġġ ta’ investiment għall-SMEs, inklużi spejjeż operattivi u tal-persunal u miżuri ta’ saħħa u sikurezza.

Għall-FSE, ir-riżorsi addizzjonali kellhom primarjament jintużaw biex iħarsu l-impjiegi, inkluż permezz ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u appoġġ għall-persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari għal persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, appoġġ għal miżuri favur l-impjieg taż-żgħażagħ u l-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll biex isaħħu l-aċċess għal servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, inkluż għat-tfal.

Sa 4% tar-riżorsi addizzjonali disponibbli għall-programmi fil-qafas tal-FEŻR u l-FSE jistgħu jiġu allokati għall-assistenza teknika.

Il-fondi kellhom jitqassmu fost l-Istati Membri abbażi ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni u skont ċerti kriterji ta’ allokazzjoni, li jqisu l-prosperità relattiva tal-Istati Membri u l-firxa tal-effetti tal-kriżi attwali fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom. M’hemm l-ebda tqassim skont ir-reġjun, kif is-soltu jsir fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni.

Il-Kummissjoni pproponiet rata għolja ta’ prefinanzjament (50%) sabiex tiżgura li l-appoġġ jingħata malajr lill-ekonomija reali. Barra minn hekk, appoġġ addizzjonali jista’ jiġi ffinanzjat kompletament mill-baġit tal-UE, mingħajr ebda ħtieġa ta’ kofinanzjament nazzjonali, u dan b’differenza mir-regoli tas-soltu dwar il-politika ta’ koeżjoni.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill

Fis-Summit tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta’ Lulju 2020, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE approvaw baġit ta’ EUR 47.5 biljun għal REACT-EU għall-perjodu 2021-2022, bħala parti mill-ftehim dwar il-pjan ta’ rkupru Ewropew. Madankollu, dan huwa 5% inqas mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Bi qbil mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew, fit-22 ta’ Lulju 2020 il-Kunsill qabel dwar mandat parzjali għal negozjati mal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jsir aktar investiment fis-setturi tal-kultura u tat-turiżmu, li ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija. Huwa żied ukoll dispożizzjoni ġdida li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri temporanji għall-użu flessibbli tal-fondi f’każ ta’ kriżi fil-futur.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-proposta REACT-UE kellha l-għan li temenda r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Din ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li tqiegħed lill-Parlament u lill-Kunsill f’livell ugwali. Il-Parlament għalhekk kellu rwol kruċjali x’jaqdi. Fi ħdan il-Parlament, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (REGI) ħa t-tmexxija ta’ dan il-fajl f’idejh, u adotta r-rapport tal-Kumitat fis-7 ta’ Settembru 2020. Ir-rapport inkluda għadd ta’ emendi importanti għall-proposta tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, huwa saħaq fuq il-ħtieġa li jinżamm il-baġit inizjali propost mill-Kummissjoni, minkejja t-tnaqqis tal-Kunsill Ewropew. Irrakkomanda wkoll li l-investimenti jkunu ffukati fuq: is-saħħa u l-infrastruttura soċjali, is-sistemi u s-servizzi tas-saħħa għal kulħadd, inklużi ż-żoni transfruntiera, ir-reġjuni ultraperiferiċi, iż-żoni affettwati mit-tranżizzjoni industrijali u d-depopolazzjoni, it-turiżmu u l-kultura, l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-gruppi żvantaġġati. Barra minn hekk, saħaq fuq il-ħtieġa li l-fondi addizzjonali jintużaw ukoll għall-impenji baġitarji fl-2023 u l-2024, jiġifieri lil hinn mill-iskadenza tal-2022 tal-Kummissjoni. Ir-rapport fakkar ukoll li kwalunkwe deroga għar-regoli normali tal-infiq tal-Politika ta’ Koeżjoni setgħet tkun biss ta’ natura temporanja, u li l-prinċipji ta’ responsabbiltà demokratika jridu jiġu salvagwardjati. Fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Settembru 2020, il-Parlament ikkonferma l-mandat biex jinfetħu negozjati interistituzzjonali mal-Kunsill abbażi tar-rapport tal-Kumitat. Fl-aħħar laqgħa tat-trilogu tat-18 ta’ Novembru 2020 intlaħaq qbil politiku mal-Kunsill li qies ħafna mill-punti ta’ tħassib ewlenin tal-Parlament, fosthom l-importanza li jingħata appoġġ lill-objettivi tal-koeżjoni soċjali u tal-klima fl-irkurpu mill-kriżi u l-possibbiltà li jingħata appoġġ lill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. Il-qbil jikkonferma wkoll id-deċiżjoni ta’ Lulju tal-Kunsill Ewropew, li tistabbilixxi l-baġit ta’ REACT-EU f’EUR 47.5 biljun għall-perjodu 2021-2022, mingħajr finanzjamenti addizzjonijiet għall-2020 fil-qasam tal-koeżjoni. Il-Parlament ikkonferma l-qbil waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2020. Ir-Regolament REACT-EU daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2020.

Barra minn hekk, fit-12 ta’ April 2022 il-Parlament adotta regolament biex jingħata aktar prefinanzjament fl-ambitu ta’ REACT-EU. Dawn il-fondi addizzjonali għandhom jgħinu lill-Istati Membri jsibu tarf l-isfidi li jirriżultaw mill-għadd eċċezzjonalment għoli ta’ persuni li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Għandhom ukoll jappoġġjaw lit-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn irkupru ekonomiku reżiljenti mill-pandemija tal-COVID-19.

 

Frédéric Gouardères