Sal-lum ġew adottati sitt oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP), inkluż il-QFP 2021-2027. It-Trattat ta’ Liżbona ttrasforma l-QFP minn ftehim interistituzzjonali għal regolament. Stabbilit għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin, l-għan tal-QFP huwa li jiżgura li n-nefqa tal-UE tiżviluppa b’mod ordnat u fil-limiti tar-riżorsi proprji tagħha. Dan jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li magħhom irid jikkonforma l-baġit annwali tal-UE. Ir-Regolament dwar il-QFP jistabbilixxi limiti massimi għan-nefqa għall-kategoriji wiesgħa tal-infiq imsejħa intestaturi. Wara l-proposti inizjali tagħha tat-2 ta’ Mejju 2018 u wara t-tifqigħa tal-COVID-19, fis-27 ta’ Mejju 2020 il-Kummissjoni pproponiet pjan ta’ rkupru (NextGenerationEU) li kien jinkludi proposti riveduti għall-QFP 2021-2027 u r-riżorsi proprji, u l-istabbiliment ta’ strument ta’ rkupru b’valur ta’ EUR 750 biljun (fi prezzijiet tal-2018). Il-pakkett ġie adottat fis-16 ta’ Diċembru 2010 wara li seħħew in-negozjati interistituzzjonali. Rieżami tal-funzjonament tal-QFP, u, kif xieraq, proposti għal reviżjoni, huma mistennija sal-1 ta’ Jannar 2024, data li l-Parlament talab li tiġi antiċipata.

Il-bażi ġuridika

  • L-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027;
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19
  • Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.

L-isfond

Fis-snin tmenin, inħolqot atmosfera ta’ kunflitt fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet minħabba inkompatibbiltà dejjem akbar bejn ir-riżorsi disponibbli u l-ħtiġijiet reali tal-baġit. Il-kunċett ta’ perspettiva finanzjarja pluriennali ġie żviluppat bħala tentattiv biex inaqqas il-kunflitt, iżid id-dixxiplina baġitarja u jtejjeb l-implimentazzjoni permezz ta’ ppjanar aħjar. L-ewwel ftehim interistituzzjonali (FII) għal dan il-għan ġie konkluż fl-1988. Dan kien fih il-perspettiva finanzjarja għall-1988-1992 (magħrufa wkoll bħala l-pakkett Delors I), li kellha l-għan li tforni r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni baġitarja tal-Att Uniku Ewropew. Fid-29 ta’ Ottubru 1993 intlaħaq qbil dwar FII ġdid, flimkien mal-perspettiva finanzjarja għall-1993-1999 (il-pakkett Delors II), li ppermetta l-irduppjar tal-Fondi Strutturali u ż-żieda tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji (1.4.1.1). It-tielet FII dwar il-perspettiva finanzjarja għall-2000-2006, magħruf ukoll bħala l-Aġenda 2000, ġie ffirmat fis-6 ta’ Mejju 1999, u wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu kien li jiżgura r-riżorsi neċessarji għall-finanzjament tat-tkabbir. Il-qbil dwar ir-raba’ FII, li kopra l-perjodu 2007-2013, intlaħaq fis-17 ta’ Mejju 2006.

It-Trattat ta’ Liżbona ttrasforma l-QFP minn ftehim interistituzzjonali għal regolament tal-Kunsill li għandu jiġi adottat unanimament, suġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, skond proċedura leġiżlattiva speċjali. Minbarra li jiddetermina “l-ammonti tal-limiti massimi annwali ta’ approprjazzjonijiet għal impenji skont il-kategorija tal-infiq u tal-limitu massimu annwali ta’ approprjazzjonijiet għall-pagamenti”, l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li l-QFP irid ukoll “jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit”.

Il-ħames QFP, li jkopri l-perjodu 2014-2020, kien l-ewwel wieħed li ra tnaqqis fl-ammonti globali f’termini reali. Waħda mill-prekundizzjonijiet tal-Parlament biex jaċċetta l-QFP kienet għalhekk reviżjoni obbligatorja ta’ nofs it-terminu li tagħti lok għall-valutazzjoni mill-ġdid u l-aġġustament tal-ħtiġijiet baġitarji matul il-perjodu tal-QFP, jekk dan ikun meħtieġ. Il-ftehim żgura wkoll, inter alia, aktar flessibbiltà biex jippermetti l-użu sħiħ tal-ammonti ppjanati u fehim dwar it-triq lejn sistema ġenwina ta’ riżorsi proprji għall-UE. Fl-20 ta’ Ġunju 2017 ġie adottat QFP rivedut għall-2014-2020 b’appoġġ addizzjonali għall-miżuri relatati mal-migrazzjoni, l-impjiegi u t-tkabbir. L-Istrument ta’ Flessibbiltà u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza ġew imsaħħa wkoll, u dan ippermetta li aktar fondi jiġu trasferiti aktar faċilment bejn l-intestaturi u s-snin tal-baġit, sabiex tkun possibbli reazzjoni għal avvenimenti mhux previsti u għal prijoritajiet ġodda.

Il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027

Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi għal QFP li jkopri s-snin mill-2021 sal-2027. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tammonta għal EUR 1 134.6 biljun (fi prezzijiet tal-2018) f’approprjazzjonijiet ta’ impenn, li jirrappreżentaw 1.11% tal-ING tal-UE-27. Din kien fiha, fost oħrajn, żidiet għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni, is-sigurtà, id-difiża, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-riċerka. Ġie propost tnaqqis b’mod partikolari għall-politika ta’ koeżjoni u dik agrikola. L-arkitettura ġenerali kellha tiġi razzjonalizzata (37 programm ta’ nefqa minflok 58) u l-Kummissjoni pproponiet sett ta’ strumenti speċjali barra mil-limiti massimi tal-QFP biex tittejjeb il-flessibbiltà fl-ibbaġitjar tal-UE. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) se jkun integrat fil-QFP. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li timmodernizza s-sistema tad-dħul, bl-introduzzjoni ta’ diversi kategoriji ġodda ta’ riżorsi proprji.

Fl-14 ta’ Marzu 2018 u fit-30 ta’ Mejju 2018 il-Parlament adotta riżoluzzjonijiet dwar il-QFP għall-2021-2027. Fl-14 ta’ Novembru 2018, il-Parlament kompla jiddeskrivi l-mandat ta’ negozjar tiegħu, inklużi l-emendi għar-Regolament dwar il-QFP u għall-proposti għall-FII, u ġabra sħiħa ta’ ċifri bi tqassim skont l-intestatura u l-programm. Huwa speċifika li l-limitu massimu tal-QFP għall-impenji għandu jiżdied mill-1.0% (għall-UE-28) għall-1.3% tal-ING tal-UE (għall-UE-27), jiġifieri EUR 1 324 biljun (fi prezzijiet tal-2018), li jikkorrispondu għal żieda ta’ 16.7% fuq il-proposta tal-Kummissjoni. L-allokazzjonijiet għall-politika agrikola komuni u l-politika ta’ koeżjoni għandhom jibqgħu l-istess f’termini reali, filwaqt li diversi prijoritajiet – inklużi Orizzont Ewropa, Erasmus+ u LIFE – għandhom jissaħħu aktar; għandhom jinħolqu Garanzija għat-Tfal ġdida (EUR 5.9 biljun) u Fond għal Tranżizzjoni Enerġetika ġdid (EUR 4.8 biljun); il-finanzjament għall-aġenziji deċentralizzati involuti fil-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri għandu jiżdied b’aktar minn erba’ darbiet (għal aktar minn EUR 12-il biljun). Il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-ilħuq tal-objettivi klimatiċi għandha tiġi stabbilita fuq minimu ta’ 25% tan-nefqa tal-QFP għall-2021-2027, tiġi integrata fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha, u tiżdied għal 30% sa mhux aktar tard mill-2027. Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP għandha tkun obbligatorja.

Fit-30 ta’ Novembru 2018 u fil-5 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill ippubblika abbozz ta’ “kaxxa ta’ negozjar”, li tinkludi wkoll kwistjonijiet orizzontali u settorjali li normalment jaqgħu taħt il-programmi ta’ nfiq suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja (li safa kkritikat mill-Parlament)[1]. Il-Kunsill kien favur ammont globali tal-QFP ta’ EUR 1 087 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn, fi prezzijiet tal-2018 (1.07% tal-ING tal-UE-27), ferm aktar baxx mill-aspettattivi tal-Parlament.

Fl-10 ta’ Ottubru 2019 u fit-13 ta’ Mejju 2020, il-Parlament aġġorna l-mandat tiegħu wara l-elezzjonijiet Ewropej u talab lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal pjan ta’ kontinġenza tal-QFP biex tipprovdi xibka ta’ sikurezza biex tipproteġi l-benefiċjarji tal-programmi tal-Unjoni f’każ li jkun hemm bżonn li l-QFP attwali jiġi estiż, fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-Kunsill Ewropew.

Sadattant, fl-14 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Fond għal Tranżizzjoni Ġusta bħala element addizzjonali fil-pakkett ta’ proposti għall-QFP, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u l-effetti ekonomiċi serji tal-lockdowns meħtieġa, il-Kummissjoni ppubblikat proposti emendati fis-27 u t-28 ta’ Mejju 2020[2] għal QFP ta’ EUR 1 100 biljun u strument ta’ rkupru addizzjonali, NextGenerationEU (NGEU)[3], b’valur ta’ EUR 750 biljun (fi prezzijiet tal-2018), li minnhom EUR 500 biljun se jitħallsu fil-forma ta’ għotjiet u EUR 250 biljun fil-forma ta’ self. Il-pakkett kien jinvolvi proposti leġiżlattivi għal strumenti finanzjarji ġodda kif ukoll bidliet għall-programmi tal-QFP diġà mressqa. Il-finanzjament tal-pakkett addizzjonali kellu jiġi żgurat billi jittieħed self fis-swieq finanzjarji. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni emendat ukoll il-proposta għal Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji biex tippermetti s-self sas-somma ta’ EUR 750 biljun. Finalment, il-pakkett tal-Kummissjoni kien jinkludi żieda ta’ EUR 11.5 miljun fil-limitu massimu għall-impenji għas-sena 2020 fi ħdan il-QFP 2014-2020, bil-għan li jiġi mobilizzat l-appoġġ qabel il-QFP il-ġdid.

Fil-21 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet[4] dwar l-isforz ta’ rkupru (NextGenerationEU), il-QFP 2021-2027, u r-riżorsi proprji. Sforz ta’ rkupru fl-ammont ta’ EUR 750 biljun ġie approvat għas-snin 2021-2023. Madankollu, il-komponent tal-għotjiet tnaqqas minn EUR 500 biljun għal EUR 390 biljun u dak tas-self żdied minn EUR 250 biljun għal EUR 360 biljun. Il-Kunsill Ewropew irrifjuta r-reviżjoni ’l fuq tal-limitu massimu tal-QFP għas-sena 2020. Il-limitu massimu globali għall-impenji fil-QFP 2021-2027 ġie stabbilit f’EUR 1 074.3 biljun. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet iddikjaraw li kien ser jiġi introdott reġim ta’ kondizzjonalità biex jiġu protetti l-baġit u l-NGEU. Mill-1 ta’ Jannar 2021 intlaħaq qbil dwar riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat u kienet ippjanata ħidma favur l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji oħra matul il-QFP 2021-2027, biex jintużaw għall-ħlasijiet lura bikrija tas-self fil-qafas tan-NGEU. Il-bażi ġuridika proposta tal-NGEU kienet l-Artikolu 122 tat-TFUE, li jippermetti lill-UE tistabbilixxi miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, mingħajr ma jiġi involut il-Parlament fil-proċedura leġiżlattiva.

Il-Parlament immedjatament irreaġixxa għal dawn il-konklużjonijiet f’riżoluzzjoni adottata fit-23 ta’ Lulju 2020, li fiha talab il-ħolqien tal-istrument ta’ rkupru bħala att storiku, iżda ddeplora t-tnaqqis li sar għal programmi orjentati lejn il-futur. Insista li żidiet immirati flimkien maċ-ċifri proposti mill-Kunsill Ewropew iridu jiffokaw fuq programmi relatati mal-klima, it-tranżizzjoni diġitali, is-saħħa, iż-żgħażagħ, il-kultura, l-infrastruttura, ir-riċerka, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-solidarjetà. Barra minn hekk, huwa tenna li mhux se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-QFP mingħajr ftehim dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, bil-għan li tal-inqas jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-NGEU (il-kapital u l-interess), sabiex jiġu żgurati l-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tiegħu. Il-Parlament talab ukoll, bħala parti mill-awtorità baġitarja, li jkun involut bis-sħiħ fl-istrument ta’ rkupru, f’konformità mal-metodu Komunitarju.

It-taħditiet trilaterali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni bdew f’Awwissu 2020 u ġew konklużi fl-10 ta’ Novembru 2020. Ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-QFP 2021-2027 ġie adottat fis-17 ta’ Diċembru, wara l-approvazzjoni tal-Parlament.

Is-27 Stat Membru kollha rratifikaw id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji sal-31 ta’ Mejju 2021, u dan ippermetta lill-UE tibda toħroġ dejn fis-swieq kapitali taħt l-NGEU.

Mekkaniżmu ġdid li jipproteġi l-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, li jikkostitwixxi kundizzjoni oħra stabbilita mill-Parlament għall-approvazzjoni tiegħu, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Qafas finanzjarju pluriennali (UE-27) (EUR miljun, prezzijiet tal-2018)

Approprjazzjonijiet ta’ impenn 2021 2022 2023 2024 2025 2026 2027 Total2021-2027
1. Suq uniku, innovazzjoni u diġitali 19 712 19 666 19 133 18 633 18 518 18 646 18 473 132 781
2. Koeżjoni, reżiljenza u valuri 49 741 51 101 52 194 53 954 55 182 56 787 58 809 377 768
2a. Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali 45 411 45 951 46 493 47 130 47 770 48 414 49 066 330 235
2b. Reżiljenza u valuri 4 330 5 150 5 701 6 824 7 412 8 373 9 743 47 533
3. Riżorsi naturali u ambjent 55 242 52 214 51 489 50 617 49 719 48 932 48 161 356 374
li minnhom: nfiq marbut mas-suq u ħlasijiet diretti 38 564 38 115 37 604 36 983 36 373 35 772 35 183 258 594
4. Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri 2 324 2 811 3 164 3 282 3 672 3 682 3 736 22 671
5. Sigurtà u difiża 1 700 1 725 1 737 1 754 1 928 2 078 2 263 13 185
6. Viċinat u d-dinja 15 309 15 522 14 789 14 056 13 323 12 592 12 828 98 419
7. Amministrazzjoni pubblika Ewropea 10 021 10 215 10 342 10 454 10 554 10 673 10 843 73 102
li minnhom: nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet 7 742 7 878 7 945 7 997 8 025 8 077 8 188 55 852
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN 154 049 153 254 152 848 152 750 152 896 153 390 155 113 1 074 300
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ PAGAMENT 156 557 154 822 149 936 149 936 149 936 149 936 149 936 1 061 058

Il-Parlament irnexxielu jiggarantixxi b’mod partikolari:

  • Ammont addizzjonali ta’ EUR 15-il biljun meta mqabbel mal-proposta ta’ Lulju 2020, għall-programmi ewlenin: Orrizont Ewropa, Erasmus+, il-programm l-UE għas-Saħħa, InvestEU, il-Fond għall-Ġestjoni tal-Fruntieri, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), l-Għajnuna Umanitarja, il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri, Ewropa Kreattiva ;
  • Pjan direzzjonali legalment vinkolanti għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda tal-UE;
  • Żieda progressiva tal-limitu massimu kumplessiv għall-QFP 2021-2027 minn EUR 1 074.3 biljun għal EUR 1 085.3 biljun fi prezzijiet tal-2018 (spjegazzjoni hawn isfel);
  • Ammont addizzjonali ta’ EUR 1 biljun għall-Istrument ta’ Flessibbiltà;
  • Pass proċedurali ġdid (il-“proċedura ta’ skrutinju baġitarju”) għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi futuri għal kriżi bbażati fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE, b’implikazzjonijiet baġitarji potenzjalment sinifikanti;
  • L-involviment tal-Parlament fl-użu tad-dħul assenjat estern (EAR) tal-NGEU, rivalutazzjoni ġenerali tal-EAR u l-għoti u t-teħid b’self fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju, u tal-arranġamenti għall-kooperazzjoni fin-negozjati futuri tal-QFP;
  • Metodoloġija mtejba li tittraċċa l-klima biex tintlaħaq il-mira ta’ mill-inqas 30% tan-nefqa tal-QFP/NGEU biex jiġu appoġġati l-objettivi klimatiċi[5];
  • Mira annwali ġdida tal-bijodiversità (7.5% fl-2024 u 10% fl-2026 u fl-2027) u t-tfassil ta’ metodoloġija biex titkejjel in-nefqa relevanti għall-ġeneru;
  • Riforma tal-ġbir, il-kwalità u l-komparabbiltà tad-data dwar il-benefiċjarji sabiex il-baġit tal-UE jiġi protett aħjar, inkluża n-nefqa tal-NGEU.

Komponenti oħra tal-QFP 2021-2027 li jikkorrispondu għall-prijoritajiet tal-Parlament jinkludu:

  • L-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-UE;
  • Il-livelli globali ta’ finanzjament għall-agrikoltura u l-koeżjoni ta’ daqs komparabbli għall-2014-2020;
  • Il-ħolqien tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

Is-sors ewlieni għaż-żidiet (EUR 11-il biljun) jiġi minn mekkaniżmu ġdid marbut mal-multi miġbura mill-Unjoni u jirriżulta f’allokazzjonijiet addizzjonali awtomatiċi għall-programmi kkonċernati fl-2022-2027. Il-limitu massimu globali ta’ seba’ snin tal-QFP għalhekk se jilħaq EUR 1 085.3 biljun fi prezzijiet tal-2018 b’mod inkrementali, jiġifieri EUR 2 biljun ogħla f’termini reali mil-limitu ekwivalenti tal-QFP 2014-2020 (EUR 1 083.3 biljun fi prezzijiet tal-2018 mingħajr ir-Renju Unit, u bil-FEŻ). Żidiet ulterjuri (EUR 2.5 biljun) jiġu minn bilanċi li jibqgħu mhux allokati fil-limiti massimi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew. EUR 1 biljun jiġi minn rimborżi mill-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP (Fond Ewropew għall-Iżvilupp) għall-benefiċċju tal-NDICI. EUR 0.5 biljun jiġi minn approprjazzjonijiet diżimpenjati fil-qasam tar-riċerka għall-benefiċċju ta’ Orizzont Ewropa (l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju).

Skont il-FII, il-ħlasijiet lura u l-interessi tal-irkupru tad-dejn għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-perjodu 2021-2027, “inkluż permezz ta’ dħul suffiċjenti minn riżorsi proprji ġodda introdotti wara l-2021”. Dan mingħajr preġudizzju għal kif din il-kwistjoni se tiġi indirizzata fil-QFP futuri mill-2028 ’l hemm u l-mira espressa li jiġu ppreservati l-programmi u l-fondi tal-UE.

Fit-22 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet riżorsi proprji ġodda u emenda mmirata tar-Regolament QFP. Il-Parlament adotta riżoluzzjoni interim dwar din l-emenda fit-13 ta’ Settembru 2022. L-emenda hija mmirata, fost affarijiet oħra, biex jiġi introdott mekkaniżmu ġdid li jippermetti li l-limiti massimi jiżdiedu b’mod awtomatiku sabiex jakkomodaw kwalunkwe dħul addizzjonali li jirriżulta minn riżorsi proprji ġodda għall-ħlas lura bikri tad-dejn ta’ NextGenerationEU.

Il-Kummissjoni ddikjarat li sal-1 ta’ Jannar 2024[6] se tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal-QFP u, jekk ikun il-każ, tressaq proposti ta’ reviżjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar l-għajnuna lill-Ukrajna u r-rikostruzzjoni tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li “dawn il-ħtiġijiet mhux previsti maħluqa mill-gwerra fl-Ewropa jmorru lil hinn mill-mezzi disponibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali attwali”. ”.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/2496 emenda l-QFP bħala parti minn pakkett adottat mill-Parlament fl-24 ta’ Novembru 2022, skont proċedura ta’ urġenza. Dan jestendi l-kopertura baġitarja attwalment applikabbli għas-self lill-Istati Membri għal self ta’ assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna, għas-snin 2023 u 2024: f’każ ta’ inadempjenza, l-ammonti meħtieġa jiġu mmobilizzati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, sal-limiti tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji (mill-hekk imsejjaħ marġni ta’ manuvra). Total ta’ EUR 18-biljun f’assistenza makrofinanzjarja huwa mistenni li jiġi pprovdut lill-Ukrajna fl-2023.

Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Parlament talab “proposta leġiżlattiva għal reviżjoni komprensiva tal-QFP mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ewwel trimestru tal-2023”. Biex jistabbilixxi l-aġenda, fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar “It-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027:baġit reżiljenti tal-UE adattat għal sfidi ġodda”, li jistabbilixxi t-talbiet ewlenin tagħha:

  • Flessibbiltà suffiċjenti u kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet,
  • Riżorsi addizzjonali biex jiġu ffinanzjati ambizzjonijiet ġodda ta’ politika jew biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ finanzjament eżistenti,
  • It-tqegħid tal-ħlas lura tad-dejn tan-NextGenerationEU lil hinn mil-limiti massimi tal-infiq biex titnaqqas il-pressjoni miż-żieda fir-rati tal-imgħax, jiġu salvagwardjati l-programmi u jinħoloq spazju biex il-baġit jirrispondi meta jkun meħtieġ.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Baġits.

 

[1]Ara, pereżempju, il-paragrafi 14-16 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2019.
[5]Fil-21 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni ppubblikat l-approċċ tagħha għall-integrazzjoni tal-klima fil-QFP 2021-2027 u l-NGEU f’dokument ta’ ħidma tal-persunal.
[6]Dan ġie kkonfermat fl-Ittra ta’ Intenzjoni tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta’ Settembru 2022 indirizzata mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill.

Alix Delasnerie