Il-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali

Il-proprjetà intellettwali tinkludi d-drittijiet esklużivi kollha għall-kreazzjonijiet intellettwali. Din tħaddan żewġ tipi ta’ drittijiet: il-proprjetà industrijali, li tinkludi l-invenzjonijiet (privattivi), it-trademarks, id-disinni u l-mudelli industrijali, kif ukoll id-denominazzjonijiet tal-oriġini, u d-drittijiet tal-awtur, li jinkludu l-proprjetà artistika u letterarja. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fl-2009, l-UE ngħatat il-kompetenza espliċita għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (l-Artikolu 118).

Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 114 u 118 tat-TFUE.

L-objettivi

Għalkemm huma rregolati b’diversi liġijiet internazzjonali u nazzjonali, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI) huma wkoll soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-UE. L-Artikolu 118 tat-TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku, il-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu miżuri għall-ħolqien tal-liġi tal-UE dwar il-proprjetà intellettwali, sabiex tingħata protezzjoni uniformi għad-DPI fl-UE kollha, u għall-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni ċentralizzati madwar l-UE. L-attività leġiżlattiva tal-UE tikkonsisti prinċipalment fl-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti speċifiċi tad-DPI permezz tal-ħolqien ta’ sistema tagħha stess, kif inhu l-każ għat-trademark u d-disinn tal-UE, u kif se jkun il-każ għall-privattivi. Ħafna mill-istrumenti tal-UE jirriflettu l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri skont il-Konvenzjonijiet ta’ Berna u ta’ Ruma, kif ukoll skont il- Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS)u t-Trattati internazzjonali tal- Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) tal-1996.

Il-kisbiet

A. L-armonizzazzjoni leġiżlattiva

1. Trademarks, disinni u mudelli

Fl-UE, il-qafas ġuridiku għat-trademarks huwa bbażat fuq sistema b’erba’ livelli għar-reġistrazzjoni tat-trademarks, li tikkoeżisti mas- sistemi nazzjonali tat-trademarks armonizzati permezz tad-Direttiva dwar it-Trademarks (id-Direttiva (UE) 2015/2436 tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-trademarks). Minbarra l-għażla nazzjonali, għażliet possibbli għall-protezzjoni tat-trademarks fl-UE huma l- għażla tal-Benelux, it- trademark tal-UE, introdotta fl-1994, u l- għażla internazzjonali. Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament dwar it-Trademark tal-UE) jikkodifika u jissostitwixxi r-Regolamenti kollha preċedenti tal-UE dwar it-trademark tal-UE. Il-kodifikazzjoni saret fl-interess taċ-ċarezza, billi s-sistema tat-trademarks tal-UE kienet ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi. It-trademark tal-UE għandha karattru unitarju u effett ugwali fl-UE kollha. L- Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) huwa l-uffiċċju responsabbli għall-ġestjoni tat-trademark u d-disinn tal-UE. Ir-Regolament dwar it-Trademark tal-UE jistabbilixxi wkoll l-ammonti tat-tariffi pagabbli lill-EUIPO. Dawn huma stabbiliti f’livell li jiżgura li d-dħul li jipproduċu jkopri l-ispejjeż tal-EUIPO u li jikkomplementaw is-sistemi eżistenti tat-trademarks nazzjonali.

Id-Direttiva 98/71/KE tat-13 ta’ Ottubru 1998 qarrbet id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni legali tad-disinni u l-mudelli. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 (emendat) stabbilixxa sistema Komunitarja għall-protezzjoni tad-disinni u l-mudelli. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/954/KE u r- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006, it-tnejn li huma tat-18 ta’ Diċembru 2006, rabtu s-sistema tal-UE għar-reġistrazzjoni ta’ disinni jew mudelli mas-sistema internazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ disinni jew mudelli industrijali tal- WIPO.

2. Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati

Id-drittijiet tal-awtur jiżguraw li awturi, kompożituri, artisti, produtturi tal-films u oħrajn jirċievu ħlas u protezzjoni għal xogħolhom. It-teknoloġiji diġitali biddlu b’mod profond il-mod kif il-kontenut kreattiv jiġi prodott u distribwit u kif jinkiseb aċċess għalih. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur hija sett ta’ tlettax-il direttiva u żewġ regolamenti li jarmonizzaw id-drittijiet essenzjali tal-awturi u tal-artisti, tal-produtturi u tax-xandara. Bl-istabbiliment ta’ xi standards tal-UE, jitnaqqsu d-diskrepanzi nazzjonali, jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni meħtieġ biex titrawwem il-kreattività u l-investiment fil-kreattività, tiġi promossa d-diversità kulturali u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-konsumaturi u n-negozji għall-kontenut u s-servizzi diġitali fis-suq uniku kollu.

a. Drittijiet tal-awtur

Id-Direttiva 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni adattat il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għall-iżviluppi teknoloġiċi, iżda m’għadhiex adatta minħabba l-iżviluppi mgħaġġla b’mod straordinarju li seħħew fid-dinja diġitali, bħad-distribuzzjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u l-aċċess għalihom, b’sitwazzjoni fejn 49% tal-utenti tal-internet fl-UE jaċċessaw il-mużika, il-kontenut awdjoviżiv u l-logħob online (stima tal-Eurostat). Għaldaqstant hija meħtieġa leġiżlazzjoni armonizzata dwar id-drittijiet tal-awtur madwar l-UE għall-konsumaturi, il-kreaturi u l-kumpaniji.

Id-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Awtur (id-Direttiva (UE) 2019/790) tas-17 ta’ April 2019 tipprevedi drittijiet tal-awtur anċillari għall-pubblikaturi tal-istampa u għal remunerazzjoni ġusta għal kontenut protett minn dritt tal-awtur. S’issa, il-pjattaformi online ma kellhom ebda responsabbiltà legali għall-użu u l-upload ta’ kontenut protett minn dritt tal-awtur fuq is-siti tagħhom. Ir-rekwiżiti l-ġodda mhux se jaffettwaw l-upload mhux kummerċjali ta’ xogħlijiet protetti minn dritt tal-awtur f’enċiklopediji online bħal Wikipedia. Id-Direttiva (UE) 2019/789 (id- Direttiva CabSat) ġiet adottata fl-istess jum u għandha l-għan li żżid l-għadd ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju disponibbli online għall-konsumaturi tal-UE. Organizzazzjonijiet tax-xandir qegħdin dejjem iżjed joffru servizzi online apparti x-xandiriet tradizzjonali tagħhom, billi l-utenti jippretendu li jkollhom aċċess għall-kontenut tat-televiżjoni u tar-radju f’kull mument u kullimkien. Id-Direttiva tintroduċi l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini biex tiffaċilita l-liċenzjar tad-drittijiet għal ċerti programmi li x-xandara joffru fil-pjattaformi online tagħhom (pereżempju servizzi ta’ xandir simultanju u dawk ta’ ripetizzjoni ta’ xandir). Ix-xandara se jkollhom jiksbu permessi tad-drittijiet tal-awtur fil-pajjiż ta’ stabbiliment tagħhom fl-UE (jiġifieri l-pajjiż ta’ oriġini) sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-programmi tar-radju, l-aħbarijiet fuq it-televiżjoni, il-programmi tal-ġrajjiet kurrenti flimkien mal-produzzjonijiet tagħhom, li jkunu ffinanzjaw kompletament huma stess, disponibbli online fil-pajjiżi kollha tal-UE. L-Istati Membri għandhom sas-7 ta’ Ġunju 2021 biex jgħaddu leġiżlazzjoni xierqa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva.

Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett minn drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’vista batuta jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat tiffaċilita kemm l-aċċess għal kotba u għal materjal ieħor stampat f’formati adegwati kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni tagħhom fis-suq intern.

Ir-Regolament (UE) 2017/1128 tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal- portabbiltà transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi li jixtru films, xandiriet sportivi, mużika, kotba elettroniċi u logħob jew huma abbonati għalihom jista’ jkollhom aċċess għalihom meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra tal-UE.

b. Perjodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati

Dawn id-drittijiet jiġu protetti għall-ħajja u għal 70 sena wara l-mewt tal-awtur/tal-kreatur. Id-Direttiva 2011/77/UE li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati, estendiet it-terminu tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal artisti ta’ reġistrazzjonijiet ta’ smigħ minn 50 għal 70 sena wara r-reġistrazzjoni, u għall-awturi ta’ mużika, bħall-kompożituri u bħal dawk li jikkomponu l-lirika, għal 70 sena wara l-mewt tal-awtur. Il-perjodu ta’ 70 sena sar standard internazzjonali għall-protezzjoni tar-reġistrazzjonijiet ta’ smigħ. Fil-preżent, 64 pajjiż madwar id-dinja jipproteġu r-reġistrazzjonijiet ta’ smigħ għal 70 sena jew aktar.

c. Programmi tal-kompjuter u bażijiet ta’ data

Id-Direttiva 91/250/KEE kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jipproteġu l-programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi. Din ġiet ikkodifikata permezz tad- Directive 2009/24/KE. Id-Direttiva 96/9/KE (id-Direttiva dwar il-Bażijiet ta’ Data) tipprevedi l-protezzjoni legali tal-bażijiet ta’ data, u tiddefinihom bħala “kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”. Id-Direttiva tistipula li l-bażijiet ta’ data huma protetti kemm permezz tad-drittijiet tal-awtur, li jkopru l-kreazzjoni intellettwali, u kemm permezz ta’ dritt sui generis li jipproteġi l-investiment (ta’ flus, riżorsi umani, xogħol u enerġija) biex jinkiseb, jiġi vverifikat jew jiġi ppreżentat il-kontenut. Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament ġdid dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (l- Att dwar id-Data) li għandu l-għan li jiżgura l-allokazzjoni tal-valur mid-data fost l-atturi fl-ekonomija tad-data tkun ġusta u li jrawwem l-aċċess għad-data u l-użu tagħha. Wara ħidma leġiżlattiva intensiva appoġġata mir- riċerka akkademika[1], fid-9 ta’ Novembru 2023, il-plenarja tal-Parlament adottat fl-ewwel qari pożizzjoni dwar din il-proposta. Fit-30 ta’ Mejju 2022, il-Parlament u l-Kunsill adottaw l- Att dwar il-Governanza tad-Data, li jintroduċi mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta tas-settur pubbliku, iżid il-fiduċja fis-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u jrawmu l-altruwiżmu mil-lat ta’ data madwar l-UE.

d. Soċjetajiet kollettriċi

Qabel ma jkun jista’ jinxtered kontenut protett b’tali drittijiet, trid tinkiseb liċenzja mid-detenturi differenti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati. Id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jafdaw id-drittijiet tagħhom f’idejn soċjetà kollettriċi, li timmaniġġjahom f’isimhom. Sakemm organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jkollhiex raġunijiet ġustifikati biex tirrifjuta li timmaniġġja dawk id-drittijiet, hija obbligata timmaniġġjahom. Id-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu online fis-suq intern, tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, bl-intenzjoni li tiżgura standards għoljin ta’ governanza, immaniġġjar finanzjarju, trasparenza u rapportar. Hija għandha l-għan li tiżgura li d-detenturi tad-drittijiet ikunu involuti fl-immaniġġjar ta’ drittijiethom u taħseb għal funzjonament aħjar tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv permezz ta’ standards madwar l-UE kollha. L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jaġixxu fl-aħjar interessi tad-detenturi tad-drittijiet li jirrappreżentaw.

3. Privattivi

Privattiva hija titolu legali li jista’ jingħata lil kwalunkwe invenzjoni li jkollha natura teknika, dment li tkun ġdida, tinvolvi pass inventiv u li jaf ikollha applikazzjoni industrijali. Privattiva tagħti lil sidha d-dritt li jwaqqaf lil ħaddieħor milli jipproduċi, juża jew ibigħ invenzjoni mingħajr permess. Il-privattivi jinkoraġġixxu lill-kumpaniji jagħmlu l-investiment meħtieġ fl-innovazzjoni, u jipprovdu inċentiv biex l-individwi u l-kumpaniji jiddedikaw riżorsi għar-riċerka u l-iżvilupp. Fl-Ewropa, l-invenzjonijiet tekniċi jistgħu jiġu protetti jew minn privattivi nazzjonali mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jew minn privattivi Ewropej mogħtija ċentralment mill- Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Dan tal-aħħar huwa l-fergħa eżekuttiva tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, li issa tinkludi 39 stat kontraenti. L-UE nnifisha mhijiex membru ta’ din l-organizzazzjoni.

Wara snin ta’ diskussjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Parlament u l-Kunsill approvaw il-bażi ġuridika għal privattiva Ewropea b’effett unitarju (privattiva unitarja) fl-2012. Għaldaqstant, ftehim internazzjonali bejn l-Istati Membri jistabbilixxi ġuriżdizzjoni unika u speċjalizzata għall-privattivi.

Il-konferma mill-Qorti tal-Ġustizzja (QĠUE) tal-pakkett dwar il-privattivi fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Mejju 2015 fil-kawżi C-146/13 u C-147/13 wittiet it-triq għal privattiva verament Ewropea. Ir-reġim preċedenti jikkoeżisti mas-sistema l-ġdida b’ miżuri tranżitorji fis-seħħ.

Mid-dħul fis-seħħ tagħha fl-1 ta’ Ġunju 2023, il- privattiva unitarja tal-UE, li tingħata mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, ipprovdiet protezzjoni uniformi b’effett ugwali fil-pajjiżi parteċipanti kollha tal-UE. In-negozji se jkollhom l-għażla li jipproteġu l-invenzjonijiet tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta’ privattiva vera tal-UE. Huma jkunu jistgħu wkoll jikkontestaw u jiddefendu l-privattivi unitarji f’azzjoni waħda quddiem qorti permezz tal-qorti l-ġdida li ġiet stabbilita, jiġifieri il- Qorti Unifikata tal-Privattivi (QUP). Dan se jissemplifika s-sistema u jiffranka spejjeż ta’ traduzzjoni. Il- Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi (UPCA) jipprevedi li l- primazija tal-liġi tal-UE trid tiġi rispettata (l-Artikolu 20 tal-UPCA) u li d-deċiżjonijiet tal-QĠUE huma vinkolanti fuq il-QUP. Il-QUP hija qorti li bħalissa hija komuni għal 17-il Stat Membru tal-UE. Hija magħmula minn Qorti tal-Prim’ Istanza, Qorti tal-Appell u Reġistru. Il- Qorti tal-Prim’ Istanza għandha struttura deċentralizzata u tinkludi diviżjoni ċentrali f’Pariġi b’sezzjoni fi Munich, kif ukoll diversi diviżjonijiet reġjonali u lokali madwar l-Ewropa kollha. Il- Qorti tal-Appell għandha s-sede tagħha fil-Lussemburgu u tiddeċiedi dwar appelli kontra deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza u dwar talbiet għal smigħ mill-ġdid tad-deċiżjonijiet finali tal-Qorti.

4. Sigrieti kummerċjali

Il-prattika li ċerta informazzjoni kummerċjali (“know-how”) tinżamm kunfidenzjali ilha titħaddan għal sekli sħaħ. F’ħafna pajjiżi jeżistu strumenti legali għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, kemm jekk ikunu definiti li huma parti mid-DPI u kemm jekk le. Il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-informazzjoni kunfidenzjali ma jistax jitqabbel ma’ oqsma oħra tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali bħall-privattivi, id-drittijiet tal-awtur u t-trademarks, iżda jista’, fil-prinċipju, japplika b’mod indefinit, minflok għal perjodu limitat biss. Il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tvarja aktar bejn pajjiż u ieħor milli jiġri f’oqsma oħra tad-DPI, u tista’ tkun anke aktar vantaġġuża u irħas milli wieħed ifittex protezzjoni tal-privattiva formali. Mill-2016 beda jeżisti qafas legali, jiġifieri d- Direttiva (UE) 2016/943 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom.

5. DPI għal varjetajiet ta’ pjanti

Il-protezzjoni ta’ varjetà ta’ pjanta, magħrufa wkoll bħala d-“‘dritt fuq varjetà ta’ pjanta’, ”, hija għamla ta’ DPI mogħti lil min inissel varjetà ġdida ta’ pjanta. Is-sistema tal-UE għall-protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti, ibbażata fuq il-prinċipji tal-Att tal-1991 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-agrikoltura u tal-ortikultura. Il-leġiżlazzjoni tal-UE stabbiliet sistema għall-protezzjoni tad-drittijiet fuq varjetajiet ta’ pjanti. Is-sistema tippermetti li d-DPI jingħata għall-varjetajiet ta’ pjanti. L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti jimplimenta u japplika din l-iskema.

6. Indikazzjonijiet ġeografiċi

Fis-sistema tad-DPI tal-UE, l-ismijiet ta’ prodotti rreġistrati bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi jiġu legalment protetti minn imitazzjonijiet u użu ħażin fl-UE u f’pajjiżi terzi li magħhom ikun ġie ffirmat ftehim speċifiku dwar il-protezzjoni. L-ismijiet tal-prodotti jistgħu jingħataw indikazzjoni ġeografika jekk ikollhom rabta speċifika mal-post fejn isir il-prodott. Dan ir-rikonoxximent jippermetti lill-konsumaturi jafdaw u jiddistingwu l-prodotti ta’ kwalità filwaqt li jgħin ukoll lill-produtturi jikkummerċjalizzaw aħjar il-prodotti tagħhom. Rikonoxxuti bħala proprjetà intellettwali, l-indikazzjonijiet ġeografiċi qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fin- negozjati kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi oħra. Fil-31 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, u l-Parlament adotta pożizzjoni dwar il-proposta fl-1 ta’ Ġunju 2023. Fit-12 ta’ Settembru 2023, il-Parlament adotta il- pożizzjoni tiegħu dwar Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753. Dan jagħti lill-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti industrijali li jistgħu jiġu assoċjati maż-żona ġeografika tal-produzzjoni tagħhom (bħas-skieken tal-Albacete, il-ħġieġ tal-Bohemia u l-porċellana ta’ Limoges) protezzjoni simili għal dik mogħtija lill-ikel jew lix-xorb prodott reġjonalment.

Fil-livell internazzjonali, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tindika lill-EUIPO tagħha bħala l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

7. Il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni

Skont l-estimi, l-importazzjonijiet ta’ prodotti ffalsifikati u oġġetti pirata fl-UE jammontaw għal madwar EUR 85 biljun (sa 5% tal-importazzjonijiet totali). Madwar id-dinja, il-kummerċ ta’ oġġetti pirata jammonta għal 2.5% tal-kummerċ u jilħaq it-EUR 338 biljun, li huwa ta’ ħsara sinifikanti għad-detenturi tad-drittijiet, għall-gvernijiet u għall-ekonomiji.

Peress li d-differenzi fis-sistemi nazzjonali ta’ sanzjonijiet kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija kienu qegħdin jagħmluha diffiċli għall-Istati Membri biex jiġġieldu kontra dawn ir-reati b’mod effikaċi, bħala pass inizjali l-Parlament u l-Kunsill adottaw id- Direttiva 2004/48/KE dwar l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. L-għan tagħha huwa li tintensifika l-ġlieda kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni billi tqarreb is-sistemi leġiżlattivi nazzjonali sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju għall-proprjetà intellettwali fis-suq uniku u tipprovdi miżuri, proċeduri u kumpens fi ħdan il-liġi ċivili u amministrattiva. Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jipprevedi regoli proċedurali maħsuba biex l-awtoritajiet doganali jinfurzaw id-DPI fir-rigward tal-oġġetti li jkunu sottoposti għal superviżjoni jew kontroll doganali.

B. Il-kunċett tal-“eżawriment” tad-drittijiet

1. Definizzjoni

Dan il-kunċett legali jew duttrina li japplika għall-oqsma kollha tal-proprjetà industrijali jfisser li wara li prodott kopert minn DPI (eż. privattiva) ikun inbiegħ mid-detentur tad-DPI jew minn oħrajn bil-kunsens tas-sid, jingħad li d-DPI jkun ġie eżawrit. Fl-UE, il-QĠUE dejjem interpretat li t-Trattati tal-UE jfissru li d-drittijiet mogħtija mid-DPI jiġu eżawriti fis-suq uniku permezz tat-tqegħid tal-prodotti rilevanti fis-suq (mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu). Id-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali industrijali jew kummerċjali protett mil-liġi ta’ Stat Membru ma jistax jinvoka din il-liġi biex jipprevjeni l-importazzjoni ta’ prodott li jkun diġà tqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru ieħor.

2. Limiti

“L-eżawriment” tad-drittijiet tal-UE ma japplikax għall-każijiet fejn ikun qiegħed jiġi kkummerċjalizzat prodott iffalsifikat, jew lanqas għall-prodotti kkumerċjalizzati barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Artikolu 6 tal-Ftehim TRIPS). Fl-1999, il-QĠUE, fis-sentenza tagħha dwar il-Kawża Sebago Inc. u Ancienne Maison Dubois & Fils SA vs GB-Unic SA (C-173/98), iddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jiddisponu fil-liġi nazzjonali tagħhom għall-eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trademark fir-rigward ta’ prodotti li jkunu ġew introdotti fis-suq f’pajjiżi mhux membri.”

3. Atti legali f’dan il-qasam

Ir-regoli tal-UE dwar l-eżawriment tad-drittijiet huma fil-biċċa l-kbira r-riżultat tal-ġurisprudenza tal-QĠUE li tinterpreta l-Artikolu 34 TFUE dwar miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri[2]. Din il-ġurisprudenza hija riflessa f’kull waħda mill-partijiet rilevanti tal-liġi tal-UE relatati mad-DPI.

C. Il-każistika reċenti tal-QĠUE

Fl-2012, il-QĠUE, fil-Kawża SAS (C-406/10), ikkonfermat li, skont id-Direttiva 91/250/KEE, l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter li hija protetta mid-drittijiet tal-awtur u li l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi tal-loġika, tal-algoritmi u tal-lingwi ta’ programmar mhumiex protetti taħt din id-Direttiva (paragrafu 32 tas-sentenza). Il-Qorti saħqet fuq il-fatt li la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls bid-data li jintużaw fi programm tal-kompjuter biex jiġu sfruttati wħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxi forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250/KEE (paragrafu 39).

Fis-sentenza tagħha fil- Kawża C-160/15 (GS Media BV vs Sanoma Media Netherlands BV et), il-QĠUE ddikjarat li, jekk fuq sit web jittella’ iperlink għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u ppubblikati mingħajr l-kunsens tal-awtur fuq sit web ieħor, dan ma jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, meta l-persuna li ttella’ l-link ma tkunx qiegħda tfittex gwadann finanzjarju u taġixxi mingħajr l-għarfien li dawk ix-xogħlijiet kienu ġew ippubblikati illegalment.

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-484/14 tal-15 ta’ Settembru 2016, il-QĠUE sostniet li, jekk network tal-Wi-Fi jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali mingħajr ħlas sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-klijenti potenzjali lejn il-prodotti u s-servizzi ta’ ħanut, dan jikkostitwixxi “servizz minn soċjetà tal-informazzjoni” skont id-Direttiva 2000/31/KE, u tikkonferma li, taħt ċerti kundizzjonijiet, fornitur ta’ servizz li jipprovdi aċċess għal network ta’ komunikazzjoni ma jistax jitqies responsabbli. B’konsegwenza ta’ dan, id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur mhumiex intitolati jitolbu kumpens għall-fatt li n-network intuża minn partijiet terzi bi ksur ta’ drittijiethom. Il-protezzjoni tal-konnessjoni mal-internet permezz ta’ password, tiżgura bilanċ bejn, minn naħa, id-DPI tad-detenturi u, min-naħa l-oħra, il-libertà li jitmexxa negozju ta’ fornituri tal-aċċess u l-libertà ta’ informazzjoni tal-utenti tan-network.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-proprjetà intellettwali toħloq valur miżjud għan-negozji u l-ekonomiji tal-UE. Il-protezzjoni u l-infurzar uniformi tagħha jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. Il-Parlament huwa għaldaqstant impenjat li jipprova jarmonizza d-DPI billi joħloq sistema unika tal-Unjoni, parallela mas-sistemi nazzjonali, kif inhu l-każ għat-trademarks u għad-disinni tal-UE, kif ukoll għall-privattiva unitarja Ewropea.

Permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet dwar id-DPI, u b’mod partikolari dwar il-protezzjoni legali tal-bażijiet ta’ data, l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi u d-drittijiet tal-awtur, il-Parlament argumenta favur l-armonizzazzjoni progressiva ta’ dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, huwa oppona l-għoti ta’ privattivi li jkopru partijiet tal-ġisem tal-bniedem. Fis-27 ta’ Frar 2014, il-Parlament adotta riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja dwar imposti għall-ikkopjar privat (id-dritt li jiġu prodotti kopji privati ta’ kontenut akkwistat legalment), peress li l-ikkupjar diġitali f’livell privat assuma importanza ekonomika sostanzjali b’riżultat tal-progress teknoloġiku. Il-Parlament żvolġa wkoll rwol attiv ħafna fl-abbozzar tat-Trattat tal-WIPO dwar l-eċċezzjonijiet mid-drittijiet tal-awtur għall-persuni b’vista batuta (it-Trattat ta’ Marrakexx).

Bħala ħidma preparatorja għar-riforma tar- regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur (ara A.2.a), il-Parlament adotta, f’Settembru 2018, rapport b’għadd ta’ rakkomandazzjonijiet importanti dwar il-kwistjonijiet kollha inkwistjoni. Matul il-proċess leġiżlattiv, kien hemm dibattitu pubbliku intensiv dwar l-Artikoli 11 u 13 tal-abbozz tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali. Dan id-dibattitu wassal għal vot tal-Parlament li saħħaħ l-isforzi biex jinħoloq kemm dritt ġdid li jistabbilixxi li l-pubblikaturi ta’ mezzi tal-informazzjoni jistgħu jimmonetizzaw il-kontenut fuq ċerti pjattaformi tal-aħbarijiet kbar kif ukoll dritt ġdid li jagħmilha aktar faċli li jiġi ttraċċat il-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq l-internet. Filwaqt li l-industrija kreattiva kienet sodisfatta f’dan ir-rigward, ir-rappreżentanti tal-kumpaniji teknoloġiċi kkritikaw il-proposti. Fl-aħħar nett, għal darb’oħra, vot tal-Parlament stabbilixxa d-direzzjoni tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur.

Riċerka mħejjija għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament u kkummissjonata mid-Dipartiment Tematiku tiegħu għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tindika li l-intelliġenza artifiċjali (IA) tmur kontra fruntieri ġodda tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ mhux żvelat tal-IA dwar materjal protett bid-drittijiet tal-awtur u l-ġenerazzjoni sussegwenti ta’ kontenut minn din l-IA[3]. Barra minn hekk, għadd ta’ arranġamenti kuntrattwali jiffaċilitaw li jiġu injorati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mid-data jew jippermettu li jittieħdu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tas-suġġetti, fuq il-bażi li l-pubblikazzjoni tkun saret fuq pjattaforma partikolari jew li l-ħolqien/l-invenzjoni tkun seħħet fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz. Dawn l-arranġamenti jinkludu:

  • arranġamenti legali li jċaħħdu lill-utenti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew iġegħluhom jagħtu liċenzji mhux remunerati fir-rigward ta’ kontenut imqiegħed fuq is-servizzi u s-servers tal-pjattaformi diġitali, u/jew li jittrasferixxu tali drittijiet lill-pjattaformi,
  • kuntratti ta’ akkwiżizzjoni li permezz tagħhom il-pjattaformi jieħdu f’idejhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kreaturi,
  • arranġamenti legali li jċaħħdu lill-impjegati, lill-inventuri jew lill-kreaturi mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-kontenut maħluq matul l-impjieg jew is-servizz tagħhom, u/jew li jittrasferixxu dawn id-drittijiet lill-impjegatur (“work-for-hire”)[4].

Din l-iskeda informattiva tħejjiet mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali.

 

[1]Leistner M. u Antoine L., “IPR and the use of open data and data sharing initiatives by public and private actors” (Dritt ta’ proprjetà intellettwali u l-użu ta’ inizjattivi ta’ ftuħ u ta’ kondiviżjoni tad-data minn atturi pubbliċi u privati), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Parlament Ewropew, Mejju 2022.
[2]Ara Centrafarm and Adriaan de Peijper vs Sterling Drug Inc (Kawża C-15/74), u Merck & Co Inc. vs Stephar BV u Petrus Stephanus Exler (Kawża C-187/80).
[3]Maciejewski, M., ‘Metaverse’ (Metavers), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ġunju 2023, p. 57.
[4]Macrez, F. et al., “Buyout contracts imposed by platforms in the cultural and creative sector”, (Kuntratti ta’ akkwiżizzjoni imposti minn pjattaformi fis-setturi kulturali u kreattivi), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ottubru 2023. Maciejewski, M., ‘Metaverse’ (Metavers), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ġunju 2023.

Udo Bux / Mariusz Maciejewski