“Ħaddiem stazzjonat” huwa ħaddiem li jintbagħat minn min iħaddmu biex jipprovdi servizz fi Stat Membru ieħor tal-UE fuq bażi temporanja. Il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma libertajiet fundamentali minquxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-prinċipju li jirregola l-istatus tal-ħaddiema stazzjonati huwa “paga ugwali għall-istess xogħol fl-istess post”.

Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 54 u 56 sa 62 tat-TFUE.

L-objettivi

“Ħaddiem stazzjonat” huwa impjegat li jintbagħat minn min iħaddmu biex joffri servizz fi Stat Membru ieħor tal-UE fuq bażi temporanja. Il-liġi tal-UE dwar il-ħaddiema stazzjonati hi ġeneralment meqjusa bħala tentattiv immirat biex ikunu rregolati u bbilanċjati ż-żewġ prinċipji li ġejjin:

  • il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-għoti ta’ servizz transfruntier b’mod li dan ikun kemm jista’ jkun mhux ristrett;
  • il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati permezz ta’ sett komuni ta’ drittijiet soċjali garantiti bil-ħsieb li jiġi evitat trattament inġust u li tinħoloq forza tax-xogħol bi prezz baxx.

Il-kisbiet

A. L-istorja tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema

Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema (PWD) nibtet mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 56 tat-TFUE) u mill-impenn tal-UE biex jitneħħew l-ostakoli għall-moviment transfruntier liberu tas-servizzi fis-suq intern. Hekk kif l-Unjoni Ewropea kibret fl-1986, wara l-adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, il-kwistjoni tal-għoti ta’ servizzi transfruntiera kienet fuq quddiem nett fid-dibattitu tas-suq intern. Wara paraliżi leġiżlattiva li damet għaxar snin, kienet sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) (C-113/89), flimkien mal-adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja, li eventwalment wasslu għall-adozzjoni ta’ direttiva li tirregola s-sitwazzjoni tal-ħaddiema stazzjonati.

L-ewwel direttiva ġiet adottata fis-16 ta’ Diċembru 1996. Hija stabbiliet sett ta’ termini minimi “fundamentali” tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (bħalma huma perjodi massimi ta’ xogħol, it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa, ir-rati minimi ta’ ħlas, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, eċċ.). Għall-bqija tar-relazzjoni ta’ impjieg, jibqgħu japplikaw ir-regoli tal-liġi tax-xogħol tal-pajjiż mittenti. Fir-rigward tas-sigurtà soċjali, il-ħaddiema stazzjonati baqgħu assigurati fis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom sakemm l-istazzjonar – b’mod ġenerali – idum inqas minn sentejn. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni, id-dritt għat-taxxa fuq id-dħul jibqa’ dak tal-pajjiż mittenti għal 183 jum u mbagħad wara li jgħaddi dak il-perjodu jmur għand il-pajjiż riċeventi.

Konsegwentement, id-differenzi fl-ispiża tax-xogħol bejn il-ħaddiema lokali u dawk stazzjonati jistgħu jkunu sinifikanti, u jiddependu mil-livelli tal-pagi, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxa fuq l-introjtu li għandha titħallas.

Fis-snin ta’ wara l-adozzjoni tal-PWD, l-implimentazzjoni, l-interpretazzjoni legali u r-regolamentazzjoni fil-każ partikolari ta’ ħaddiema stazzjonati ġabu magħhom tliet sfidi speċifiċi:

  • Żieda fid-distakk tal-pagi u fid-diverġenza tal-ispejjeż tax-xogħol, li għamlitha aktar attraenti għan-negozji li jużaw ħaddiema stazzjonati; bħala konsegwenza, bejn l-2010 u l-2014 l-għadd ta’ ħaddiema stazzjonati żdied b’44.4%;
  • Ambjent li jwassal għal malprassi, bħar-rotazzjoni tal-istazzjonament jew il-prattiki tal-“kumpaniji fantażmi”, li sfruttaw il-lakuni fid-direttiva biex jevitaw il-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi u s-sigurtà soċjali u jinvolvu ruħhom f’operazzjonijiet fi Stati Membri oħra;
  • Nuqqas ta’ ċarezza fl-istandards stabbiliti, u nuqqasijiet fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq livell transfruntier, u dan ħoloq problemi għall-korpi tal-infurzar.

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-politika soċjali introdotti fit-Trattati Ewropej wara r-reviżjoni tat-Trattat ta’ Liżbona 2007, kien hemm dubju dwar jekk il-PWD tal-1996 kinitx strument legali adegwat biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-għoti ta’ servizz transfruntier liberu waqt li fl-istess ħin tingħata bażi adegwata għad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema. F’każijiet li fihom il-PWD ħalliet l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ standards minimi ta’ impjieg f’idejn l-Istati Membri, l-interpretazzjoni tat-terminoloġija fil-PWD issejset fuq is-sentenzi tal-QĠUE. Madankollu, is-sentenzi tal-QĠUE, wara l-adozzjoni tal-PWD, ma pprovdewx iċ-ċarezza legali meħtieġa. Kif il-Kummissjoni osservat ġustament, in-nuqqas ta’ standard ċar iġġenera inċertezza dwar ir-regoli u d-diffikultajiet prattiċi għall-korpi responsabbli mill-infurzar tar-regoli fl-Istat Membru ospitanti; għall-fornitur tas-servizz meta jiddetermina l-paga dovuta lil ħaddiem stazzjonat; u għall-ħaddiema stazzjonati stess f’kemm ikunu konxji ta’ drittijiethom. Barra minn hekk, permezz tal-erba’ sentenzi li tat fl-2007/2008 fil-kawżi Viking (C-438/05), Laval (C-341/05), Rüffert (C-346/06) u Il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu (C-319/06), il-QĠUE bidlet l-istandards tal-impjieg, maħsuba oriġinarjament bħala standards minimi fil-PWD, għal “limitu massimu” ta’ termini u kundizzjonijiet tal-impjieg. Minn dakinhar, madankollu, il-QĠUE tat żewġ sentenzi b’effett aktar protettiv għall-ħaddiema stazzjonati: fil-kawża Sähköalojen ammattiliittory (C-396/13), hi ddeċidiet li l-kategorizzazzjoni tal-ħaddiema fi gruppi ta’ paga differenti li huma vinkolanti b’mod universali u trasparenti fi ftehim kollettiv trid tapplika wkoll għall-ħaddiema stazzjonati. Aktar reċentement, fil-kawża Regio-Post (C-115/14) hi ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-offerenti ta’ akkwisti pubbliċi u s-sottokuntratturi tagħhom iħallsu lill-impjegati tagħhom paga minima stabbilita.

B. Riformi biex titjieb il-prestazzjoni

Fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni nediet riforma fi sforz biex taġġorna l-PWD oriġinali u ssaħħaħ l-infurzar. Dawn ir-riformi ħadu inkunsiderazzjoni l-aġġornamenti tat-Trattati Ewropej u x-xejra ’l fuq qawwija fl-użu tal-istazzjonar.

Iż-żewġ proposti leġiżlattivi ewlenin:

1. Id-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE

Id-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE toħloq qafas legali komuni għall-identifikazzjoni ta’ stazzjonar ġenwin ta’ ħaddiema u tippermetti implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aktar uniformi ta’ standards komuni. Din tiċċara d-definizzjoni ta’ stazzjonar u tiddefinixxi r-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri biex jivverifikaw il-konformità mal-PWD, speċjalment f’setturi b’riskju akbar ta’ malprassi, bħall-kostruzzjoni jew it-trasport tal-merkanzija bit-triq. Hija timmira li tikseb kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-istazzjonar, billi ssaħħaħ l-obbligu ta’ rispons għal talbiet għal assistenza u tiffissa l-limiti ta’ żmien biex tingħata tweġiba għal talbiet għal informazzjoni. Fl-aħħar nett, il-penali u l-multi amministrattivi imposti fuq il-fornituri ta’ servizz minn Stat Membru wieħed issa jistgħu jiġu infurzati u rkuprati fi Stat Membru ieħor.

2. Direttiva Riveduta dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema

F’Marzu 2016, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-PWD oriġinali (96/71/KE) bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti fil-każ ta’ stazzjonar fit-tul, u li jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal pagi ugwali, l-applikabilità tal-ftehimiet kollettivi u t-trattament tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

Malli ġiet ippubblikata din il-proposta, 11-il kamra parlamentari tal-Istati Membri ppreżentaw opinjoni motivata, biex jagħtu bidu għal analiżi tas-sussidjarjetà – l-hekk imsejħa proċedura tal-karta s-safra. Ħafna mill-opinjonijiet iddeploraw il-fatt li l-proposta kienet se toħloq żvantaġġ kompetittiv għall-ħaddiema tagħhom u li l-Istati Membri kienu se jitilfu d-dritt tagħhom li jiddeċiedu dwar il-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji stazzjonati permezz ta’ aġenzija kif previst fid-Direttiva tal-2008 dwar Xogħol Temporanju permezz ta’ Aġenzija.

Wara negozjati intensivi bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, il-Kunsill adotta d-Direttiva riveduta fil-21 ta’ Ġunju 2018. B’effett mit-30 ta’ Lulju 2020, id-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema (id-Direttiva (UE) 2018/957) taffettwa l-oqsma li ġejjin:

  • L-istazzjonar fit-tul: L-istazzjonar jista’ jdum sa 12-il xahar, b’estensjoni possibbli ta’ sitt xhur (oriġinarjament il-Kummissjoni kienet ipproponiet 24 xahar). Wara dan il-perjodu, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti;
  • Ir-remunerazzjoni: Ir-regoli kollha tal-pajjiż ospitanti applikabbli għall-ħaddiema lokali se japplikaw ukoll għall-ħaddiema stazzjonati kollha mill-ewwel jum, jiġifieri japplika l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-istess xogħol fl-istess post. Fir-rigward ta’ elementi oħra ta’ remunerazzjoni, ir-reviżjoni tintroduċi regoli aktar ċari għall-allowances, filwaqt li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-akkomodazzjoni mhumiex deduċibbli mis-salarji tal-ħaddiema. Kif stabbilit mid-Direttiva dwar l-Infurzar, l-elementi obbligatorji li jikkostitwixxu remunerazzjoni fi Stat Membru jridu jkunu disponibbli fuq sit web nazzjonali wieħed;
  • Il-kundizzjonijiet tax-xogħol: L-Istati Membri jistgħu japplikaw ftehimiet kollettivi reġjonali jew settorjali li huma kbar u rappreżentattivi. Preċedentement dan kien validu biss għal ftehimiet kollettivi applikabbli universalment fis-settur tal-kostruzzjoni. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni fil-pajjiż ospitanti, iridu jiġu applikati r-regoli nazzjonali eżistenti għall-ħaddiema lokali ’l bogħod mid-dar għal raġunijiet ta’ xogħol;
  • Il-ħaddiema temporanji stazzjonati permezz ta’ aġenzija: Il-PWD riveduta tiżgura trattament ugwali għall-ħaddiema temporanji stazzjonati permezz ta’ aġenzija. L-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-aġenziji nazzjonali tal-impjiegi temporanji se japplikaw ukoll għal dawk l-aġenziji transfruntiera li jimpjegaw ħaddiema;
  • It-trasport: Id-Direttiva (UE) 2020/1057 tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq. Fis-sentenza Dobersberger (C-16/18) tad-19 ta’ Diċembru 2019, il-QĠUE eskludiet lil ħaddiema li jwettqu servizzi abbord ta’ ferroviji internazzjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-PWD.

C. Inizjattivi oħra

Fl-2019, il-Kummissjoni stabbiliet l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) biex tiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar il-mobbiltà tax-xogħol u s-sigurtà soċjali. Fl-2023, l-ELA, flimkien mal-Kummissjoni, nediet il-“Programm dwar l-Istazzjonar 360”, qafas għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti bil-ħsieb li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni, tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva u jiżdied l-għarfien tar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew kien il-mutur wara l-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-moviment tal-persuni u s-servizzi.

Sa mill-2014, il-Parlament fakkar il-ħtieġa li titjieb il-PWD f’diversi riżoluzzjonijiet. Matul in-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-PWD, il-Parlament speċifikament insista fuq “paga ugwali għal xogħol ugwali” u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ftehimiet reġjonali, settorjali jew industrijali. Barra minn hekk, immira li l-Istati Membri jkunu jistgħu, permezz ta’ klawżola ta’ rieżami, jimponu fuq l-impriżi barranin l-istess obbligi nazzjonali fl-eventwalità ta’ sottokuntrattar.

F’Marzu 2021, il-Parlament esprima tħassib dwar in-nuqqas attwali ta’ interpretazzjoni armonizzata tal-PWD riveduta reċentement, billi appella lill-Kummissjoni biex tassisti direttament lill-Istati Membri matul il-proċess kollu ta’ traspożizzjoni sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. F’riżoluzzjoni tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-impatti tar-regoli tal-UE fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi: il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE bħala għodda għat-tqabbil tal-ħtiġijiet u l-ħiliet tas-suq tax-xogħol, il-Parlament ġibed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tal-ħaddiema mobbli, inklużi l-ħaddiema stazzjonati, matul il-pandemija tal-COVID-19 u appella biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet strutturali fl-oqfsa regolatorji Ewropej u nazzjonali. Għal dan l-għan, il-Parlament talab implimentazzjoni, infurzar u monitoraġġ imtejba tad-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema u l-istabbiliment ta’ punt uniku ta’ servizz fejn il-ħaddiema u l-impjegaturi jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi diġitali fir-rigward tal-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-istazzjonar tal-ħaddiema.

Fl-2016, il-Kummissjoni pproponiet Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Wieħed mill-objettivi tal-proposta kien li jiġu ċċarati r-regoli ta’ kunflitt dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli u r-relazzjoni bejn ir-Regolament dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u d-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. F’Diċembru 2021, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar il-fajl. Madankollu, dan il-ftehim ma ġiex ikkonfermat u bħalissa l-fajl huwa sospiż.

F’riżoluzzjoni tal-25 ta’ Novembru 2021 dwar l-introduzzjoni ta’ pass Ewropew tas-sigurtà soċjali għat-titjib tal-infurzar diġitali tad-drittijiet ta’ sigurtà soċjali u ta’ mobilità ekwa, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa ta’ strument diġitali fl-UE kollha għall-ħaddiema mobbli kollha, inklużi l-ħaddiema stazzjonati. Strument bħal dan jiżgura l-identifikazzjoni effettiva, it-traċċabilità, l-aggregazzjoni u l-portabilità tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u jtejjeb l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fis-suq tax-xogħol b’mod ġust u effettiv. Fis-6 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-komunikazzjoni tistabbilixxi d-diversi proġetti li qed jiġu żviluppati fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, inkluż il-proġett tal-pass Ewropew tas-sigurtà soċjali (ESSPASS). Il-proġett ESSPASS jiffoka fuq id-diġitalizzazzjoni tal-proċess tat-talba u r-riċeviment ta’ dokumenti ta’ intitolament, u verifika f’ħin reali biex l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-ispettorati tax-xogħol, dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa u entitajiet rilevanti oħra jkunu jistgħu jivverifikaw dawn id-dokumenti minnufih madwar l-Ewropa.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

 

Aoife Kennedy