Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ġie stabbilit skont it-Trattat ta' Ruma bil-għan li jtejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema u l-opportunitajiet tal-impjiegi. Il-kompiti u r-regoli operattivi tal-fond ġew riveduti sussegwentement biex jirriflettu l-iżviluppi fis-sitwazzjoni ekonomika u dik tal-impjiegi fl-Istati Membri, kif ukoll l-iżvilupp tal-prijoritajiet politiċi definiti fil-livell tal-UE.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 46(d), l-Artikolu 149, l-Artikolu 153(2)(a), l-Artikolu 164, l-Artikolu 175(3) u l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

L-għan tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) huwa li jappoġġja lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, jiksbu livelli għoljin ta' impjiegi u protezzjoni soċjali ġusta u jiżviluppaw forza tax-xogħol ikkwalifikata u reżiljenti, lesta għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali. L-FSE+ huwa l-istrument ewlieni tal-UE ddedikat għall-investiment fil-kapital uman.

Il-kisbiet

A. Il-perjodi ta' programmazzjoni preċedenti

L-FSE kien l-ewwel fond strutturali. Fl-ewwel snin, sal-1970, il-fond irrimborża lill-Istati Membri 50% tal-ispejjeż tat-taħriġ vokazzjonali u tal-allokazzjonijiet ta' risistemazzjoni għall-ħaddiema milquta mir-ristrutturar ekonomiku. B'kollox, huwa għen aktar minn żewġ miljun persuna matul dan il-perjodu. Fl-1971, deċiżjoni tal-Kunsill żiedet ir-riżorsi tal-fond b'mod sostanzjali u fl-1983 riforma ġdida fl-ambitu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/516/EEC tat orjentament ġdid lill-fond biex jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u fuq l-għajnuna għal dawk ir-reġjuni l-aktar fil-bżonn. Billi inkorpora fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea l-objettiv tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità, l-Att Uniku Ewropew (1986) witta t-triq għal riforma komprensiva maħsuba essenzjalment biex tintroduċi approċċ ikkoordinat għall-programmazzjoni u l-funzjonament tal-fondi strutturali. It-Trattat ta' Maastricht wessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna mill-FSE biex jinkludi "adattament għal tibdiliet industrijali u tibdiliet fis-sistemi ta' produzzjoni". Għall-perjodu ta' programmazzjoni li kien imiss (1994-1999), il-livell ta' finanzjament allokat għall-koeżjoni ekonomika u soċjali ġie rduppjat.

Bħala parti mill- Aġenda 2000, il-qafas ġenerali tal-fondi strutturali ġie ssimplifikat għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006. L-FSE, b'baġit ta' EUR 60 biljun, ġie fdat b'responsabbiltà doppja li jikkontribwixxi kemm għall-politika ta' koeżjoni u kemm għall-implimentazzjoni tal- Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (2.3.3). Huwa kkofinanzja l-Inizjattiva Komunitarja, EQUAL, li ffokat fuq is-sostenn għal proġetti tranżnazzjonali innovattivi li jittrattaw id-diskriminazzjoni u l-iżvantaġġi fis-suq tax-xogħol.

Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, kien fadal biss tliet fondi strutturali: l-FSE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni. Flimkien kellhom jiksbu l-objettivi tal-konverġenza (allokazzjoni ta' 81.5% tar-riżorsi), tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi (allokazzjoni ta' 16% tar-riżorsi) u tal-kooperazzjoni territorjali (2.5% tar-riżorsi).

Ir-riżorsi tal-fondi strutturali jiġu allokati bejn l-Istati Membri skont formula li tqis il-popolazzjoni (u d-densità tagħha), il-prosperità reġjonali, il-qgħad u l-livelli tal-edukazzjoni. Din il-formula tiġi nnegozjata mill-Istati Membri fl-istess ħin mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għal perjodu partikolari. Waħda mill-karatteristiċi prinċipali tal-fondi strutturali hija l-prinċipju tal-addizzjonalità, skont liema prinċipju l-Istati Membri ma jistgħux jużaw il-fondi strutturali biex jissostitwixxu l-infiq intern li xorta waħda jkollhom il-ħsieb jipprogrammaw.

Fil-perjodu 2007-2013, l-FSE, flimkien mal-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, żvolġa rwol ewlieni fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew ta' Rkupru adottat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008.

B. Il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020

1. Ħames fondi strutturali regolati minn regoli komuni

Il-ħames fondi strutturali u ta' investiment Ewropej għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, jiġifieri l-FEŻR, l-FSE, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, kienu regolati minn ġabra ta' regoli komuni, stabbiliti fir- Regolament (EU) Nru 1303/2013 tas-17 Diċembru 2013. Barra minn hekk, regolamenti speċifiċi għall-fondi ddefinew l-oqsma ta' intervent u partikolaritajiet oħra. Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 stabbilixxa l-missjoni tal-FSE, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni tal-appoġġ tiegħu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi u t-tipi ta' nefqa eliġibbli għall-għajnuna.

B'allokazzjoni totali ta' EUR 74 biljun (meta mqabbla mas-somma ppjanata ta' EUR 75 biljun għall-perjodu 2007-2013), l-FSE kkofinanzja programmi operazzjonali nazzjonali jew reġjonali li baqgħu għaddejjin tul is-seba' snin tal-QFP 2014-2020 u li kienu proposti mill-Istati Membri u approvati b'deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Huwa ffoka fuq l-erba' objettivi tematiċi li ġejjin:

  • il-promozzjoni tal-impjieg sostenibbli u ta' kwalità u s-sostenn għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol;
  • il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni;
  • l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja;
  • it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet ikkonċernati u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika.

Ir-rwol tal-FSE ssaħħaħ għall-perjodu 2014-2020 permezz tal-introduzzjoni ta' sehem minimu, ġuridikament vinkolanti, ta' 23.1% tar-riżorsi totali ddedikati għall-finanzjament tal-koeżjoni. Kull sena, il-fond għen lil madwar 10 miljun ruħ isibu xogħol jew itejbu l-ħiliet tagħhom biex ikunu jistgħu jsibu xogħol fil-futur.

2. Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Ir-Regolament dwar l-FSE jinkludi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), li kellha baġit totali ta' EUR 8.8 biljun għall-perjodu 2014-2020 (EUR 6.4 biljun, li magħhom żdiedu EUR 2.4 biljun fl-2016). Hija tiġi ffinanzjata minn tliet sorsi: allokazzjonijiet nazzjonali tal-FSE, baġit tal-UE speċifiku u kofinanzjament nazzjonali tal-parti tal-FSE. Hija tappoġġja liż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) fir-reġjuni li qed jesperjenzaw rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ 'il fuq minn 25%.

3. COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna

F'April 2020, il-Kummissjoni varat żewġ pakketti ta' miżuri: l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus biex timmobbilizza l-fondi strutturali tal-UE b'rispons għall-kriżi. Il-Parlament u l-Kunsill malajr adottaw iż-żewġ proposti. Ma ġiet ipprovduta l-ebda riżorsa finanzjarja ġdida tal-UE iżda hija permessa flessibbiltà massima fl-użu ta' riżorsi eżistenti li ma jkunux intefqu fejn huma l-aktar meħtieġa. L-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu finanzjament bejn il-fondi, ir-reġjuni u s-suġġetti u jistgħu b'mod eċċezzjonali jippermettu 100% ta' kofinanzjament għall-perjodu 2020-2021. F'Mejju 2020, il-Kummissjoni kompliet billi ppreżentat il-proposta dwar REACT-EU (Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa) li se tipprovdi EUR 55 biljun f'investiment addizzjonali permezz tal-FEŻR, l-FSE u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD). L-FSE żvolġa rwol primarju fir-rispons immedjat għall-kriżi tal-COVID-19 billi mmobilizza EUR 1.4 biljun f'appoġġ dirett, u l-ammont totali ta' appoġġ x'aktarx ikun ogħla. Intuża biex jappoġġja s-servizzi soċjali, iżomm l-impjiegi fis-setturi milquta, inkluż permezz ta' skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, jipproteġi lill-gruppi vulnerabbli u jiffinanzja l-pagi għall-persunal tal-kura tas-saħħa, it-tagħmir tal-IT u t-tagħmir protettiv personali.

Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Rifuġjati fl-Ewropa (CARE, April 2022) u l-pakketti CARE Plus (April 2022) li jemendu r-regoli komuni u r-regolament tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn iżidu flessibbiltà addizzjonali għall-politika tal-koeżjoni 2014-2020, filwaqt li jqisu l-urġenza li jindirzzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-invażjoni militari tar-Russja.

C. Il-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027

1. Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027

Fid-29 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat il-proposta għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) għall-perjodu 2021-2027. L-RDK ġie emendat permezz ta' proposta tal-Kummissjoni fl-14 ta' Jannar 2020 biex jinkludi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), u, fit-28 ta' Mejju 2020, wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġew proposti emendi addizzjonali . L-RDF ġie adottat mill-Parlament fit-tieni qari fit-23 ta' Ġunju 2021. L-att finali ġie ffirmat fl-24 ta' Ġunju (ir-Regolament (UE) 2021/1060).

L-RDK jistabbilixxi r-regoli finanzjarji għal tmien fondi b'ġestjoni kondiviża, jiġifieri l-FSE+, il-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA), il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi. Jistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-ewwel ħames fondi msemmija, inkluż l-FSE+. Madankollu, l-RDK ma japplikax għall-fergħa tal-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali tal-FSE+, peress li din hija taħt ġestjoni diretta u indiretta.

2. L-FSE+

Fit-2 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għall-QFP 2021-2027. Il-proposta inkludiet FSE+ imġedded b'baġit ta' EUR 101 biljun. L-FSE+ kien se jgħaqqad flimkien l-FSE, il-YEI, il-FEAD, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Programm tal-UE għas-Saħħa. Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ħabbret li se jiġi introdott programm tas-saħħa separat fil-QFP li jmiss: il-programm "l-UE għas-Saħħa". Fit-28 ta' Mejju 2020, bħala parti mill-QFP 2021-2027 rivedut u mill-Pakkett ta' Rkupru, il-Kummissjoni ħarġet Regolament dwar l-FSE+ emendat li ma inkludiex il-programm għas-saħħa fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Il-Parlament ikkonkluda l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-4 ta' April 2019 u adotta l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari fit-8 ta' Ġunju 2021. L-att finali ġie ffirmat fl-24 ta' Ġunju (ir-Regolament (UE) 2021/1057). Il-baġit totali għall-FSE+ jammonta għal kważi EUR 99.3 biljun.

L-objettivi speċifiċi tal-FSE+ jinkludu:

  • l-appoġġ għall-oqsma ta' politika tal-impjiegi u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari billi jgħin biex jinqered il-faqar, u b'hekk jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
  • l-appoġġ għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta' Ħiliet għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti, u t-titjib fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • l-appoġġ għal miżuri temporanji f'ċirkostanzi eċċezzjonali jew mhux tas-soltu (eż. il-finanzjament ta' skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar mingħajr l-obbligu li dawn jiġu kkombinati ma' miżuri attivi, jew l-għoti ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, inkluż għal persuni li mhumiex immedjatament vulnerabbli mil-lat soċjoekonomiku).

Id-dispożizzjonijiet tal-FSE+ jinkludu dawn li ġejjin:

  • l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-programmi ta' nfiq tagħhom. Fl-Istati Membri fejn in-numru ta' NEETs jaqbeż il-medja tal-UE, 12.5% tal-fond se jintefqu fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
  • mill-inqas 25% tal-baġit iridu jintefqu fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, inkluża l-integrazzjoni ta' ċittadini mhux tal-UE;
  • mill-inqas 3% tal-baġit iridu jintefqu fuq l-għajnuna alimentari u l-assistenza materjali bażika għall-persuni l-aktar fil-bżonn;
  • L-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jallokaw ammont xieraq mir-riżorsi tal-FSE+ tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal permezz ta' azzjonijiet immirati biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal. L-Istati Membri b'livell ta' faqar fost it-tfal ogħla mill-medja tal-UE jeħtiġilhom jużaw mill-inqas 5% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom biex jindirizzaw din il-kwistjoni;
  • irid jiġi allokat finanzjament adegwat għall-bini tal-kapaċità għas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fl-Istati Membri, u mill-inqas 0.25% tal-fond meta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jirrikjedu dan;
  • artikolu dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali biex jiġi enfasizzat li l-operazzjonijiet kollha għandhom jintgħażlu u jiġu implimentati skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex jibbenefika mill-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kull Stat Membru għandu jħejji ftehim ta' sħubija. Dan huwa dokument ta' strateġija għall-investimenti ta' programmazzjoni li jistabbilixxi l-pjanijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kif jużaw il-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta' Koeżjoni, il-JTF u l-FEMSA. Dan jinkludi l-allokazzjoni finanzjarja annwali indikattiva għal kull programm. Sal-lum (it-12 ta' Settembru 2022), il-Kummissjoni adottat ftehimiet ta' sħubija minn 20 Stat Membru għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021–2027.

3. L-istrumenti għall-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol li jikkomplementaw l-FSE+

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) inħoloq bħala strument tal-politika tal-kompetittività – mhux tal-politika ta' koeżjoni – għall-QFP 2007-2013 bil-għan li jappoġġja lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minħabba tibdiliet strutturali maġġuri fix-xejriet tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni. Filwaqt li l-FSE+ jappoġġja programmi li l-għan tagħhom huwa l-ilħuq tal-objettivi strutturali fit-tul li n-nies jinżammu fix-xogħol jew jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, il-FEG joffri rispons għal emerġenzi speċifiċi, bħas-sensji kollettivi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, għal perjodu limitat ta' żmien.

Minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, ir-Regolament dwar il-FEG (ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006) ġie emendat temporanjament fi tmiem l-2011 biex jittratta s-sensji kkaġunati mill-kriżi, billi jipprovdi rati ta' kofinanzjament ta' 50% sa 65%. Din il-bidla ġiet ittrasferita fir-Regolament dwar il-FEG għall-perjodu 2014-2020 (ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013) u l-FEG kopra s-sensji kkaġunati minn kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi globali flimkien mas-sensji kkawżati mill-globalizzazzjoni. Għall-perjodu 2014-2020, il-kamp ta' applikazzjoni ġie estiż biex ikopri kategoriji ġodda ta' benefiċjarji bħal dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema b'terminu fiss. Bil-ħsieb tal-possibbiltà ta' Brexit iebes, ir-Regolament dwar il-FEG ġie emendat fl-2019 biex jgħin lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-bqija tal-UE-27 li kieku tilfu l-impjieg tagħhom li kieku r-Renju Unit irtira mingħajr ftehim (ir-Regolament (UE) 2019/1796).

Fit-30 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet FEG ġdid u rivedut għall-perjodu ta' wara l-2020 b'ammont annwali massimu ta' EUR 200 miljun (fi prezzijiet tal-2018) barra mil-limiti massimi tal-QFP 2021-2027. Il-proposta testendi l-koperta tagħha wkoll għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba ristrutturar ikkawżat mit-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, mill-awtomatizzazzjoni jew id-diġitalizzazzjoni, u tbaxxi l-livell limitu għall-attivazzjoni tal-FEG minn 500 għal 250 sensja.

Fis-27 ta' Mejju 2020, fil-qafas tal-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa, il-Kummissjoni pproponiet li żżid l-ammont annwali massimu għal EUR 386 miljun. Fis-27 ta' Jannar 2021, il-Kumitat tal-PE għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali approva test li kien intlaħaq ftehim bikri fuqu fit-tieni qari fin-negozjati interistituzzjonali u talab b'mod partikolari li l-limitu minimu għall-ħaddiema spostati jitbaxxa minn 250 għal 200. Il-Parlament approva t-test fit-tieni qari fis-27 ta' April u l-att finali ġie ffirmat fit-28 ta' April (ir-Regolament (UE) 2021/691). Il-FEG għandu baġit annwali ta' EUR 210 miljun għall-2021-2027.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

L-influwenza tal-Parlament fuq l-FSE kibret tul is-snin. Skont it-Trattat ta' Maastricht, il-Parlament kellu jagħti l-kunsens tiegħu għad-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-fondi. Minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, l-adozzjoni ta' regoli ġenerali hija soġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-Parlament iqis l-FSE bħala l-aktar strument importanti tal-UE fil-ġlieda kontra l-qgħad. Għaldaqstant, huwa dejjem esprima ruħu favur it-tħaddim effiċjenti tal-fond u appella għal leġiżlazzjoni u proċeduri aktar sempliċi, bil-għan li jittejbu l-effikaċja u l-kwalità tal-għajnuna tal-FSE.

Tul is-snin, il-Parlament wessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-FSE biex jinkludi l-isforzi mmirati lejn il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, billi jaġevola l-aċċess tal-gruppi vulnerabbli għall-impjiegi. Huwa appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kontribut tal-FSE għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010, il-Parlament talab li l-FSE jissaħħaħ bħala l-forza mexxejja ewlenija għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Ewropa 2020.

Bis-saħħa tal-Parlament, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 l-FSE kien jammonta għal 23.1% tar-riżorsi totali tal-UE għall-finanzjament tal-koeżjoni, u 20% tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull Stat Membru kellhom jintefqu fuq l-inklużjoni soċjali.

Wara l-influss ta' rifuġjati li beda fl-2014, il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016, insista li l-integrazzjoni professjonali hija pass 'il quddiem lejn l-inklużjoni soċjali u saħaq fuq id-disponibbiltà tal-FSE għal miżuri maħsuba biex jaġevolaw l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-swieq tax-xogħol tal-UE. Il-Kummissjoni kkunsidrat dan it-tħassib fil-proposta tagħha dwar l-FSE+ għall-perjodu 2021-2027 billi żiedet referenza speċifika għall-migranti u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol fl-objettivi tal-FSE+.

Barra minn hekk, għall-FSE+ 2021-2027, l-emendi mill-Parlament jinkludu delimitazzjoni ta' aktar finanzjament għall-għajnuna alimentari u materjali, finanzjament adegwat għall-bini tal-kapaċità għas-sħab soċjali u salvagwardji biex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati mill-flus tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

 

Monika Makay