Is-sorsi u l-kamp ta’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea għandha personalità ġuridika u bħala tali għandha l-ordinament ġuridiku tagħha stess, li huwa differenti mid-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, id-dritt tal-UE għandu effett dirett jew indirett fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tagħha u jsir parti mis-sistema ġuridika ta’ kull Stat Membru. L-Unjoni Ewropea hija fiha nfisha sors ta’ dritt. L-ordinament ġuridiku huwa ġeneralment kompost mil-leġiżlazzjoni primarja (it-Trattati u l-prinċipji ġenerali tad-dritt), mil-leġiżlazzjoni sekondarja (fuq il-bażi tat-Trattati) u mid-dritt supplimentari.

Is-sorsi tad-dritt tal-Unjoni u l-ġerarkija tagħhom

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u l-protokolli tagħhom (hemm 37 protokoll, 2 annessi u 65 dikjarazzjoni li huma mehmuża mat-Trattati biex jiġu integrati d-dettalji, mingħajr ma jiġu integrati fit-test ġuridiku sħiħ) 1.1.5;
  • Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 4.1.2;
  • It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għadu fis-seħħ bħala trattat separat;
  • Ftehimiet internazzjonali 5.2.1;
  • Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;
  • Leġiżlazzjoni sekondarja.

L-Unjoni Ewropea hija Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt li stabbiliet sistema sħiħa ta’ rimedji u proċeduri ġuridiċi mfassla biex il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tkun tista’ tirrieżamina l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-UE (l-Artikolu 263 tat-TFUE). It-Trattati u l-prinċipji ġenerali huma fil-quċċata tal-ġerarkija u huma kkunsidrati leġiżlazzjoni primarja. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali wkoll ingħatat l-istess valur. Il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni Ewropea huma subordinati għal-leġiżlazzjoni primarja. Fil-livell li jmiss fil-ġerarkija hemm il-leġiżlazzjoni sekondarja u din tkun valida biss jekk tkun konformi mal-atti u mal-ftehimiet li jieħdu preċedenza fuqha. Il-prinċipju tal-supremazija tad-dritt tal-UE huwa pilastru fundamentali tal-ordinament ġurdiku tal-UE u għandu l-għan li jiżgura l-unità u l-konsistenza tad-dritt tal-UE. Il-QĠUE tinsisti formalment li d-dritt tal-UE għandu supremazija assoluta fuq id-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u li din is-supremazija trid titqies mill-qrati nazzjonali fid-deċiżjonijiet tagħhom. Il-Qorti dejjem invokat l-awtorità finali sabiex tiddetermina r-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali. Fil-kawżi storiċi van Gend en Loos vs Nederlandse Administratie der BelastingenuCosta vs ENEL, il-QĠUE żviluppat id-duttrini fundamentali tal-effett dirett u s-supremazija tad-dritt tal-UE. Il-QĠUE kkonfermat dawn id-duttrini f’kawżi sussegwenti. B’mod partikolari, hija argumentat f’Internationale Handelsgesellschaft li d-dritt tal-UE jgawdi mis-supremazija anki fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fil-kostituzzjonijiet nazzjonali.

L-objettivi

L-istabbiliment ta’ ordinament ġuridiku għall-Unjoni li jippermetti li jintlaħqu l-objettivi indikati fit-Trattati.

Is-sorsi tad-dritt tal-UE

A. Il-leġiżlazzjoni primarja tal-Unjoni Ewropea 1.1.1, 1.1.2, 1.1.3, 1.1.4, 1.1.5, 4.1.2

B. Il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni

1. Punti ġenerali

L-atti legali tal-Unjoni huma elenkati fl-Artikolu 288 tat-TFUE. Dawn humar-Regolamenti, id-Direttivi, id-Deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. L-istituzzjonijiet tal-UE ma jistgħux jadottaw tali atti legali ħlief jekk ikunu awtorizzati biex jagħmlu dan mit-Trattati. Il-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, hekk kif stipulat fl-Artikolu 5(1) tat-TUE. It-TFUE jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni, billi jaqsamhom fi tliet kategoriji: kompetenzi esklużivi (l-Artikolu 3), kompetenzi kondiviżi (l-Artikolu 4) u kompetenzi ta’ appoġġ (l-Artikolu 6), li bihom l-UE tadotta miżuri li jappoġġjaw jew jikkomplementaw il-politiki tal-Istati Membri. Il-lista ta’ oqsma li jaqgħu taħt dawn it-tliet tipi ta’ kompetenzi hija stabbilita fl-Artikoli 3, 4 u 6 tat-TFUE. Fin-nuqqas tas-setgħat meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, l-istituzzjonijiet jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 352 tat-TFUE, u għalhekk jadottaw “id-dispożizzjonijiet xierqa”.

L-istituzzjonijiet jadottaw biss dawk l-istrumenti legali elenkati fl-Artikolu 288 tat-TFUE. L-uniċi eċċezzjonijiet jikkonċernaw il-politiki esteri, ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, li jibqgħu soġġetti għall-proċeduri intergovernattivi. F’dan il-qasam, l-istrateġiji komuni, l-azzjonijiet komuni u l-pożizzjonijiet komuni huma sostitwiti mil-“linji gwida ġenerali” u mid-“deċiżjonijiet li jiddefinixxu” l-azzjonijiet u l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet (l-Artikolu 25 tat-TUE).

Barra minn hekk, hemm diversi forom ta’ azzjoni, bħal rakkomandazzjonijiet, komunikazzjonijiet u atti dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet (inklużi ftehimiet interistituzzjonali), li d-denominazzjoni, l-istruttura u l-effetti legali tagħhom jirriżultaw mid-diversi dispożizzjonijiet fit-Trattati jew r-regoli adottati skont it-Trattati.

2. Il-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE

L-Artikoli 289, 290 u 291 tat-TFUE jistabbilixxu ġerarkija tal-leġiżlazzjoni sekondarja bejn l-atti leġiżlattivi, l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni. Atti leġiżlattivi huma atti legali li huma adottati permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali. Atti delegati huma atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ dawn l-atti tista’ tiġi delegata lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur (il-Parlament u l-Kunsill). L-att leġiżlattiv jiddefinixxi l-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul tad-delega tas-setgħa, kif ukoll, fejn xieraq, kwalunkwe proċedura ta’ urġenza. Barra minn hekk, il-leġiżlatur jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom hija soġġetta d-delega, li jistgħu jkunu d-dritt li tiġi revokata d-delega jew id-dritt ta’ oġġezzjoni.

L-atti ta’ implimentazzjoni ġeneralment huma adottati mill-Kummissjoni, li tingħata l-kompetenza biex tagħmel dan mill-atti ġuridikament vinkolanti li jeħtieġu kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni. L-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati mill-Kunsill f’każijiet speċifiċi biss ġustifikati b’mod xieraq u fl-oqsma tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Meta att bażiku jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu fi kwalunkwe mument jindikaw lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tagħhom, l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku. F’dan il-każ, il-Kummissjoni jeħtiġilha tirrevedi l-abbozz ta’ att ikkonċernat.

3. Id-diversi tipi ta’ leġiżlattivi sekondarji tal-UE

a. Ir-Regolamenti

Ir-Regolamenti huma ta’ applikazzjoni ġenerali, vinkolanti fl-intier tagħhom u applikabbli direttament. Dawn għandhom ikunu osservati bis-sħiħ minn dawk li għalihom japplikaw ir-regolamenti (individwi privati, Stati Membri, istituzzjonijiet tal-UE). Ir-Regolamenti japplikaw direttament fl-Istati Membri kollha malli jidħlu fis-seħħ (fid-data stipulata jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-għoxrin jum wara l-publikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) u m’hemmx bżonn li jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali.

Ir-Regolamenti għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha. Ir-Regolamenti b’hekk irendu inapplikabbli l-liġijiet nazzjonali li ma jkunux kompatibbli mad-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolamenti.

b. Id-Direttivi

Id-Direttivi huma vinkolanti, fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb, għal kwalunkwe Stat Membru li jindirizzaw (Stat Membru wieħed, diversi jew kollha), iżda jħallu l-għażla tal-forma u tal-metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-leġiżlaturi nazzjonali jeħtieġu jadottaw att ta’ traspożizzjoni jew “miżura ta’ implimentazzjoni nazzjonali” biex jittrasponu d-Direttivi jew jadattaw id-dritt nazzjonali fir-rigward tal-objettivi stabbiliti mid-Direttiva. Iċ-ċittadin individwali ma jingħatawlux drittijiet u ma jkunx marbut mill-att legali qabel ma jiġi adottat l-att ta’ traspożizzjoni. L-Istati Membri jingħataw ċerta diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttivi, sabiex jieħdu kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi. It-traspożizzjoni trid issir fi żmien l-iskadenza stabbilita mid-Direttiva. Fit-traspożizzjoni tad-Direttivi, l-Istati Membri jiggarantixxu l-effikaċja tad-dritt tal-UE, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE.

Fil-prinċipju, id-Direttivi ma japplikawx direttament. Madankollu, il-QĠUE ddeċidiet li ċerti dispożizzjonijiet ta’ Direttiva jistgħu, b’mod eċċezzjonali, ikollhom effett dirett fuq Stat Membru anki jekk dan tal-aħħar ikun għadu ma adottax l-att ta’ traspożizzjoni fil-każijiet fejn: (a) id-Direttiva ma tkunx ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali jew tkun ġiet trasposta ħażin; (b) id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jkunu mingħajr kundizzjonijiet u ċari u preċiżi biżżejjed; u (c) id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jagħtu d-drittijiet lill-individwi.

Meta dawn il-kundizzjonjiet ikunu ġew issodisfati, l-individwi jistgħu jinvokaw id-dispożizzjoni kkonċernata quddiem l-awtoritajiet pubbliċi. Anke meta d-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda dritt lill-individwu, u jkunu ġew issodisfati biss l-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma xorta meħtieġa li jieħdu kont tad-direttiva mhux trasposta. Id-deċiżjoni msemmija hawn hija bbażata fuq il-prinċipji tal-effikaċja, il-prevenzjoni ta’ ksur tat-Trattati u l-protezzjoni legali. Min-naħa l-oħra, l-individwu ma jistax jinvoka l-effett dirett ta’ Direttiva mhux trasposta fil-konfront ta’ individwi oħra (“l-effett orizzontali”; Faccini Dori, Kawża C-91/92, punt 25).

Skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE (il-kawża Francovich, il-Kawżi Magħquda C-6/90 u C-9/90), ċittadin individwali huwa intitolat li jitlob kumpens minn Stat Membru li ma jkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni. Dan hu possibbli, fil-każ ta’ Direttiva mhux trasposta jew li tkun ġiet trasposta ħażin, meta: (a) id-Direttiva tkun intenzjonata li tagħti drittijiet lil individwi; (b) il-kontenut tad-drittijiet ikun jista’ jiġi identifikat abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva; u (c) ikun hemm rabta ta’ kawżalità bejn il-ksur tal-obbligu li tiġi trasposta d-Direttiva u t-telf u d-dannu mġarrba mill-persuni li tkun saritilhom il-ħsara. Ir-responsabbiltà tal-Istat Membru tista’ tiġi stabbilita mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi pruvat xi nuqqas min-naħa tal-Istat Membru.

c. Id-Deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet

Id-Deċiżjonijiet huma vinkolanti fl-intier tagħhom. Meta Deċiżjoni tindika d-destinatarji (Stati Membri, persuni fiżiċi jew ġuridiċi), din torbot lil dawn biss, u tindirizza sitwazzjonijiet speċifiċi għal dawk l-Istati Membri jew persuni. Individwu ma jistax jinvoka d-drittijiet mogħtija minn Deċiżjoni li tkun indirizzata lil Stat Membru sakemm dan tal-aħħar ma jkunx adotta att ta’ traspożizzjoni. Id-Deċiżjonijiet jistgħu japplikaw direttament fuq l-istess linji tad-Direttivi.

Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet ma joħolqu l-ebda dritt jew obbligu għad-destinatarji tagħhom, iżda jistgħu jipprovdu gwida dwar l-interpretazzjoni u l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni.

Peress li l-azzjonijiet imressqa kontra l-Istati Membri skont l-Artikolu 263 tat-TFUE jridu jikkonċernaw atti li ġew adottati mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-UE, il-QĠUE ma għandha l-ebda ġuriżdizzjoni fuq id-deċiżjonijiet tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, pereżempju fir-rigward tal-istabbiliment tas-sedi tal-aġenziji tal-UE. L-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jaġixxu, mhux fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-Kunsill, iżda bħala rappreżentanti tal-gvernijiet tagħhom, u b’hekk jeżerċitaw kollettivament is-setgħat tal-Istati Membri, mhumiex soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-UE, skont sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 2022 fil-kawża tar-rilokazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)[1]. Il-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 341 tat-TFUE ma japplikax għad-deżinjazzjoni tal-lokazzjoni ta’ sede ta’ korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, iżda japplika biss għall-istituzzjonijiet. Il-kompetenza biex jiġi ddeterminat il-post tas-sede tal-aġenziji tal-Unjoni hija tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li għandu jaġixxi għal dan il-għan skont il-proċeduri stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti sostantivi tat-Trattati. Id-Deċiżjoni inkwistjoni kienet miżura mhux vinkolanti ta’ kooperazzjoni politika li ma hijiex ta’ natura li tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-UE. F’dak is-sens, id-deċiżjoni ma tistax tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-UE jew tal-Parlament Ewropew.

4. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kompetenzi, il-proċeduri, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-atti legali.

a. Il-kompetenza leġiżlattiva, id-dritt ta’ inizjattiva u l-proċeduri leġiżlattivi: 1.3.2, 1.3.6, 1.3.8 u 1.2.3

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu sehem fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’diversi livelli, skont il-bażi ġuridika individwali. Il-Parlament jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti leġiżlattivi lilu u lill-Kunsill.

b. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Fil-qafas tad-dritt primarju, l-UE għandha biss setgħat ta’ implimentazzjoni limitati, peress li d-dritt tal-UE huwa ġeneralment infurzat mill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Artikolu 291(1) tat-TFUE jżid li “l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti”. Meta jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha (l-Artikolu 291(2) tat-TFUE).

c. L-għażla tat-tip ta’ att legali

F’diversi każijiet, it-Trattati jimponu l-forma tal-att legali li għandu jiġi adottat. Madankollu, f’ħafna każijiet oħra, ma jiġi speċifikat l-ebda tip ta’ att legali. F’dawn il-każijiet, skont l-Artikolu 296(1) tat-TFUE, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b’każ, “skont il-proċeduri applikabbli, u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità”.

C. Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali

It-Trattati jagħmlu ftit li xejn referenzi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji ġew prinċipalment żviluppati fil-ġurisprudenza tal-QĠUE (iċ-ċertezza tad-dritt, il-bilanċ istituzzjonali, l-aspettattivi leġittimi, eċċ.), li hija wkoll il-bażi għar-rikonoxximent tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali fid-dritt tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji llum jinsabu minquxa fl-Artikolu 6(3) tat-TUE, li jirreferi għad-drittijiet fundamentali hekk kif garantiti mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4.1.2).

D. Ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE skont l-Artikoli 216 u 217 tat-TFUE

L-Unjoni tista’, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha, tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 216(1) tat-TFUE). Dawn il-ftehimiet huma vinkolanti għall-Unjoni u l-Istati Membri, u jagħmlu parti integrali mid-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 216(2) tat-TFUE). Skont l-Artikolu 217 tat-TFUE, l-UE tista’ wkoll tikkonkludi ftehimiet li jistabbilixxu assoċjazzjoni li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjoni komuni u proċedura speċjali. Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ġie konkluż f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni. Fit-28 ta’ April 2021, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 218(6a) tat-TFUE.

Skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, id-dritt internazzjonali jieħu preċedenza fuq id-dritt (sekondarju) tal-UE: “Għandu wkoll jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) tat-TFUE, meta jiġu konklużi ftehim internazzjonali mill-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta minn dawn il-ftehim u, konsegwentement, dawn jirbħu fuq l-atti tal-Unjoni”.

E. Għarfien espert indipendenti u tfassil aħjar tal-liġijiet

Fl-2004, il-Parlament ħoloq ħames dipartimenti tematiċi li jipprovdu għarfien espert indipendenti ta’ livell għoli, analiżi u pariri dwar il-politika fuq talba tal-kumitati u ta’ korpi parlamentari oħra. Din ir-riċerka indipendenti – li tgħaqqad lill-Membri tal-PE, lill-akkademja u liċ-ċittadini – għandha takkumpanja kull inizjattiva leġiżlattiva, mill-ippjanar tagħha sal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha. Għandha tikkontribwixxi għall-kwalità għolja tal-leġiżlazzjoni u l-interpretazzjoni tagħha, bħala parti indispensabbli tal-ħidma preparatorja[2].

L-aħjar użu tal-leġiżlazzjoni tal-UE jista’ jwassal għal gwadanji potenzjali ta’ aktar minn EUR 2 200 biljun fis-sena. Riċerka mħejjija għall-Parlament Ewropew mid-dipartimenti tal-politika tindika li inizjattivi speċifiċi tas-suq intern, jistgħu jinkisbu gwadanji ta’ EUR 386 biljun għall-moviment liberu tal-merkanzija, EUR 189 biljun għall-unjoni doganali, EUR 289 biljun għall-moviment liberu tas-servizzi u EUR 177 biljun għas-suq uniku diġitali.

Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ikopri l-programmazzjoni annwali u pluriennali u l-aspetti kollha taċ-ċiklu ta’ politika. Jistabbilixxi wkoll id-diversi impenji tal-istituzzjonijiet li jabbozzaw leġiżlazzjoni tal-UE ta’ kwalità għolja li tkun effiċjenti, effettiva, sempliċi u ċara, u li tevita regolamentazzjoni żejda u piżijiet bla bżonn għall-individwi, l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji, speċjalment l-SMEs.

Madankollu, riċerka reċenti kkummissjonata mill-Parlament Ewropew tindika li l-involviment ta’ riċerka indipendenti jeħtieġ li jkun: (1) imtejjeb fl-istadju tal-formulazzjoni u tal-ippjanar tal-istrateġiji tal-UE[3], inkluż billi jonqos id-dewmien għall-introduzzjoni tar-riformi leġiżlattivi, (2) applikat b’mod ugwali għall-inizjattivi leġiżlattivi kollha (eż. eċċezzjonijiet għal fajls urġenti jnaqqsu l-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’oqsma importanti), u (3) applikat bl-istess mod għall-evalwazzjonijiet tal-effetti tad-dritt tal-UE, li bħalissa ma għandhomx valutazzjonijiet kruċjali tal-effetti kwantifikati minħabba nuqqas ta’ ġbir ta’ data[4].

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Skont l-Artikolu 14(1) tat-TUE: “Il-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi (permezz tal-“proċedura leġiżlattiva ordinarja”) u baġitarji (permezz ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali taħt l-Artikolu 314 tat-TFUE)”. Il-Parlament qed jipprova jissemplifika l-proċess leġiżlattiv, itejjeb il-kwalità tal-abbozzar ta’ testi legali u jiżgura li jiġu imposti penali aktar effettivi fuq dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni. Il-programm leġiżlattiv u ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni jippreżenta l-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Kummissjoni u jidentifika azzjonijiet konkreti, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi, li jimplimentaw dawn il-prijoritajiet. Il-Parlament għandu rwol ġenwin fil-ħolqien ta’ liġijiet ġodda, peress li jeżamina l-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Kummissjoni u jindika liema liġijiet jixtieq li jiġu introdotti.

Wara li kisbet personalità ġuridika, l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 216-217 tat-TFUE). Kwalunkwe ftehim konkluż fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni kif ukoll fl-oqsma kollha li l-politiki tagħhom jidħlu fl-ambitu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE). Pereżempju, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu fit-28 ta’ April 2021 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. F’okkażjonijiet oħra, il-Parlament diġà wera li mhux se joqgħod lura milli juża l-veto tiegħu jekk ikollu tħassib serju. Pereżempju, huwa rrifjuta l-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) fl-2012.

F’Lulju 2022, il-Parlament adotta rapport fuq inizjattiva proprja bi tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Regolamentazzjoni Aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar”.

Ir-riċerka kkummissjonata mid-dipartimenti tematiċi għall-Parlament Ewropew tindika li r-riforma hija meħtieġa għal regolamentazzjoni aħjar fl-UE[5]. Ir-riċerka tindika wkoll li l-leġiżlazzjoni tal-UE tista’ tibbenefika minn riforma tal-abbozzar u l-istruttura tagħha, sabiex jiġi ffaċilitat l-użu diġitali tal-leġiżlazzjoni miċ-ċittadini tal-UE[6].

Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali.

 

[2]Maciejewski M., “Role of the European Parliament in promoting the use of independent expertise in the legislative process”, (Ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-promozzjoni tal-użu ta’ għarfien espert indipendenti fil-proċess leġiżlattiv), Dipartiment Tematiku għall-Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja, Parlament Ewropew, Diċembru 2018.
[3]Jones S. et al., “Better regulation in the EU: Improving quality and reducing delays”, (Regolamentazzjoni aħjar fl-UE: It-titjib tal-kwalità u t-tnaqqis tad-dewmien), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ġunju 2022.
[4]Sartor G. et al., “The way forward for better regulation in the EU – better focus, synergies, data and technology” (It-triq’ il quddiem għal regolamentazzjoni aħjar fl-UE — fokus aħjar, sinerġiji, data u teknoloġija), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Awwissu 2022.
[5]Jones, S. et al., “Better regulation in the EU” (Regolamentazzjoni aħjar fl-UE), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ottubru 2023.
[6]Xanthaki H., “The “one in, one out” principle. A real better lawmaking tool?”, (Il-prinċipju “one in, one out”. Għodda reali aħjar għat-tfassil tal-liġijiet?), Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Parlament Ewropew, Ġunju 2023.

Udo Bux / Mariusz Maciejewski