Is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF)

Is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja hija sistema b’diversi livelli ta’ awtoritajiet mikroprudenzjali u makroprudenzjali li għandha l-għan li tiżgura superviżjoni finanzjarja konsistenti u koerenti fl-UE. Hi tinkludi l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, it-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej (EBA, ESMA u EIOPA) u s-superviżuri nazzjonali. Il-Bank Ċentrali Ewropew, bħala parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), huwa s-superviżur bankarju għall-banek il-kbar nett.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 114 u l-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-isfond u l-objettivi

Is-settur finanzjarju huwa soġġett għal qafas regolatorju u superviżorju strett imfassal biex jippromwovi l-istabbiltà finanzjarja u jipproteġi lill-klijenti tas-servizzi finanzjarji. Ir-regolamenti tal-UE jistabbilixxu r-regoli u l-istandards li l-istituzzjonijiet finanzjarji jeħtiġilhom jirrispettaw. Is-superviżjoni hija proċess ta’ sorveljanza mfassal biex jiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji japplikaw dawk ir-regoli u l-istandards b’mod xieraq. Fost kwistjonijiet oħra, il-kriżi finanzjarja globali 2007-2008 kixfet il-ħtieġa li tittejjeb u tissaħħaħ l-arkitettura regolatorja u superviżorja Ewropea. Wara r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport mill-grupp ta’ esperti de Larosière dwar it-tisħiħ tal-arranġamenti superviżorji Ewropej, is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) ġiet introdotta fl-2010 u saret operattiva fl-1 ta’ Jannar 2011. Is-SESF tikkonsisti mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), it-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) – jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) – il-Kumitat Konġunt tal-ASE, u s-superviżuri nazzjonali.

L-objettiv ewlieni tas-SESF huwa li tiżgura li r-regoli applikabbli għas-settur finanzjarju jkunu implimentati b’mod adegwat fl-Istati Membri kollha bl-għan li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, tiġi promossa l-fiduċja u tingħata protezzjoni lill-konsumaturi.

Is-SESF hija sistema li tgħaqqad is-superviżjoni mikroprudenzjali u s-superviżjoni makroprudenzjali. L-objettiv ewlieni tas-superviżjoni mikroprudenzjali huwa li tnaqqas il-probabbiltà u tillimita l-impatt tal-falliment ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali. Is-superviżjoni makroprudenzjali tikkonċerna l-esponiment tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi għar-riskji komuni, u għandha l-għan li tillimita d-diffikultajiet tagħha sabiex tipproteġi l-ekonomija globali minn telf sinifikanti fil-produzzjoni reali.

Il-kriżi finanzjarja globali 2007-2008 wriet kif l-arkitettura superviżorja tal-UE ta’ qabel il-kriżi poġġiet wisq enfasi fuq is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji individwali u ftit wisq fuq l-aspetti makroprudenzjali. Għalhekk, ġie stabbilit il-BERS, u ngħata r-responsabbiltà għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja tal-UE u għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju sistemiku. Is-sorveljanza mikroprudenzjali ssir mill-EBA, mill-ESMA u mill-EIOPA f’kull wieħed mis-setturi rilevanti tas-servizzi finanzjarji – is-servizzi bankarji, is-swieq kapitali u l-assigurazzjoni. It-tliet awtoritajiet mikroprudenzjali jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet transsettorjali u orizzontali fil-Kumitat Konġunt.

Il-qafas

A. Superviżjoni mikroprudenzjali

Fl-UE, is-superviżjoni mikroprudenzjali hija kkaratterizzata minn sistema b’diversi livelli ta’ awtoritajiet isseparati skont il-qasam settorjali (servizzi bankarji, assigurazzjoni u swieq kapitali) u l-livell ta’ superviżjoni u regolamentazzjoni (tal-UE u nazzjonali).

1. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE)

L-EBA, l-ESMA u l-EIOPA huma aġenziji tal-UE bil-personalitajiet ġuridiċi tagħhom u huma rappreżentati mill-presidenti rispettivi tagħhom. L-ASE jeħtiġilhom jaġixxu b’mod indipendenti u biss fl-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi. Huma għandhom l-obbligu li jagħtu rendikont lill-Parlament u lill-Kunsill għall-azzjonijiet tagħhom.

L-objettiv primarju tal-ASE, kif definit fir-regolamenti fundaturi rispettivi tagħhom (ir-“Regolamenti dwar l-ASE”), huwa li jipproteġu l-interess pubbliku billi jgħinu jsostnu l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja.

L-ASE jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ġabra unika ta’ regoli billi jfasslu żewġ tipi ta’ standards tekniċi (standards tekniċi regolatorji u standards tekniċi ta’ implimentazzjoni), li jiġu adottati mill-Kummissjoni (bħala atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni). Bil-ħsieb li jsaħħu l-konverġenza superviżorja, huma joħorġu linji gwida u rakkomandazzjonijiet u għandhom ċerti setgħat f’każijiet ta’ ksur tal-liġi tal-UE minn awtoritajiet superviżorji nazzjonali, ta’ emerġenzi u ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Fis-settur rilevanti tal-attività tagħha, kull waħda mill-ASE, f’konsultazzjoni mal-BERS, għandha l-kompitu li tiżviluppa kriterji għall-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tar-riskju sistemiku u li tfassal sistema adegwata ta’ ttestjar tal-istress għall-istituzzjonijiet fi ħdan l-ambitu tagħha. L-ASE jibdew u jikkoordinaw ukoll testijiet tal-istress madwar l-UE biex jivvalutaw ir-reżiljenza tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji.

Fit-tliet ASE, il-Bord tas-Superviżuri huwa l-korp prinċipali għat-teħid tad-deċiżjonijiet u huwa magħmul mill-President, il-kap tal-awtorità superviżorja kompetenti f’kull Stat Membru u rappreżentant wieħed minn kull waħda mill-entitajiet li ġejjin: il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-BERS u ż-żewġ ASE l-oħra.

a. L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)

Il-bażi ġuridika: ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) kif emendat bil-leġiżlazzjoni sussegwenti.

Oriġinarjament ibbażata f’Londra, l-EBA rrilokat f’Pariġi f’Ġunju tal-2019. Ir-responsabbiltà tal-EBA tinkludi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-konglomerati finanzjarji, id-ditti tal-investiment, l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Permezz tar-rieżami tal-2019, l-EBA ġiet inkarigata wkoll li timpedixxi s-sistema finanzjarja milli tintuża għall-iskopijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

b. L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

Il-bażi ġuridika: ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) kif emendat bil-leġiżlazzjoni sussegwenti.

Is-sede tal-EIOPA tinsab fi Frankfurt am Main. L-awtorità tittratta primarjament mal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, il-konglomerati finanzjarji u l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs). Hija tikkontribwixxi għall-ġabra unika ta’ regoli dwar l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol l-aktar permezz tar-reġimi Solvenza II u IORP, rispettivament.

c. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)

Il-bażi ġuridika: ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), kif emendat bil-leġiżlazzjoni sussegwenti.

L-ESMA tinsab f’Pariġi. Ir-responsabbiltà tagħha tkopri s-swieq kapitali u l-parteċipanti fihom (skambji, negozjanti, fondi, eċċ.). Fl-UE, l-ESMA għandha sorveljanza diretta u responsabbiltà sħiħa għar-reġistrazzjoni, is-superviżjoni u l-issanzjonar tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Hija inkarigata wkoll li tirrikonoxxi l-kontropartijiet ċentrali minn pajjiżi terzi (jiġifieri pajjiżi mhux tal-UE) u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, u li tiċċertifika u tapprova l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ pajjiżi terzi.

2. Il-Korpi Konġunti

Il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (Kumitat Konġunt) huwa responsabbli mill-koordinazzjoni ġenerali u transsettorjali, bil-għan li jiżgura l-konsistenza superviżorja. Huwa responsabbli wkoll mis-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-ASE rigward kwistjonijiet transsettorjali.

Il-Bord tal-Appell huwa indipendenti mit-tliet ASE u huwa responsabbli mill-appelli minn partijiet affettwati mid-deċiżjonijiet tal-ASE. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3. L-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali Kompetenti

Kull Stat Membru jaħtar l-awtoritajiet kompetenti tiegħu, li jagħmlu parti mis-SESF u huma rrappreżentati fl-ASE.

B. Is-sorveljanza makroprudenzjali – il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS)

Il-bażi ġuridika: ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, kif emendat bil-leġiżlazzjoni sussegwenti, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

Il-BERS iwettaq sorveljanza makroprudenzjali fil-livell tal-UE. L-objettiv tiegħu huwa li jipprevjeni u jtaffi r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fid-dawl tal-iżviluppi makroekonomiċi. Huwa magħmul minn Bord Ġenerali, Kumitat ta’ Tmexxija, żewġ korpi konsultattivi (il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv u l-Kumitat Tekniku Konsultattiv) u Segretarjat. Il-BĊE jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS. Il-President tal-BĊE huwa wkoll il-President tal-BERS.

C. Il-kooperazzjoni f’livelli varji

Is-swieq finanzjarji huma kumplessi, interkonnessi u dejjem aktar globalizzati. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji inkarigati mill-entitajiet u s-setturi differenti, kemm fl-UE kif ukoll globalment, huma għalhekk kruċjali. F’dak il-kuntest, l-ASE għandhom rwol ta’ koordinazzjoni importanti. Id-diversi entitajiet fi ħdan is-SESF jikkoordinaw ukoll ma’ istituzzjonijiet internazzjonali – inkluż f’forums superviżorji bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO), il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni (IAIS) – u ma’ superviżuri ta’ pajjiżi terzi.

D. L-iżvilupp tal-qafas superviżorju

Matul u wara l-kriżi finanzjarja globali 2007-2008, deher ċar li kien hemm ħtieġa ta’ integrazzjoni aktar profonda tas-superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro. Konsegwentement, l-unjoni bankarja tal-UE ġiet stabbilita fl-2013, u saret operattiva f’Novembru tal-2014, filwaqt li introduċiet elementi u atturi ġodda. Bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-unjoni bankarja, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) huwa element partikolarment importanti tal-qafas superviżorju.

Skont ir-regolament fundatur tal-MSU, il-BĊE huwa s-superviżur bankarju għall-banek il-kbar nett (“istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti”) fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, kif ukoll kwalunkwe Stat Membru mhux fiż-żona tal-euro li jiddeċiedi li jingħaqad. Għal dan l-għan, l-istruttura ta’ governanza tal-BĊE ġiet adattata permezz tal-istabbiliment ta’ Bord Superviżorju. Il-kompiti tal-BĊE f’dik il-kapaċità jinkludu l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-iżgurar ta’ konformità mar-rekwiżiti prudenzjali u oħrajn regolatorji, u t-twettiq ta’ rieżamijiet superviżorji. Is-superviżuri bankarji nazzjonali jkomplu jissorveljaw il-bqija tal-banek. Apparti dawn il-kompiti mikroprudenzjali, il-BĊE għandu wkoll kompiti u għodod makroprudenzjali. Sabiex jiżgura superviżjoni konsistenti, il-BĊE jikkoopera mill-qrib mas-superviżuri bankarji nazzjonali fi ħdan l-MSU u ma’ awtoritajiet oħra li jiffurmaw is-SESF, partikolarment l-EBA.

Barra minn hekk, il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) ġie stabbilit għall-banek koperti mill-MSU u sar operattiv fl-2016. Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jippermetti li r-riżoluzzjoni bankarja tkun ġestita b’mod effettiv permezz ta’ Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), iffinanzjati mis-settur bankarju. L-għan tiegħu huwa li jiżgura riżoluzzjoni ordnata tal-banek li jkunu qed ifallu bi spejjeż minimi għall-kontribwenti u għall-ekonomija reali.

Sabiex tinbena unjoni tas-swieq kapitali tal-UE, u bħala parti minn firxa usa’ ta’ miżuri, rieżami tal-2019 tal-qafas tas-SESF wassal għall-emendar tar-regolamenti fundaturi tal-ASE u tal-BERS. L-emendi kellhom l-għan li jirrinforzaw is-setgħat, il-governanza u l-finanzjament tal-ASE u jsaħħu l-kapaċità tal-BERS li jissorvelja s-sistema finanzjarja u jindividwa r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, inkluż f’oqsma ġodda bħat-teknoloġija finanzjarja (fintech).

L-aktar rieżami reċenti tal-operazzjonijiet tal-ASE kien previst fl-ambitu tal-pjan ta’ azzjoni tal-2020 dwar l-unjoni tas-swieq kapitali u ġie konkluż f’Mejju 2022. Huwa ssuġġerixxa li jsiru emendi mmirati biex titrawwem il-konverġenza superviżorja fil-leġiżlazzjoni settorjali u jitkompla l-proċess ta’ riflessjoni dwar oqsma oħra possibbli għal titjib.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Bħala koleġiżlatur, il-Parlament kellu rwol importanti biex tinħoloq il-leġiżlazzjoni fundatriċi tas-SESF. Barra minn hekk, il-Parlament għandu rwol ta’ skrutinju fir-rigward tal-miżuri adottati fl-iżvilupp tal-ġabra unika ta’ regoli, jiġifieri atti delegati (li jinkludu standards tekniċi regolatorji) u atti ta’ implimentazzjoni (li jinkludu standards tekniċi ta’ implimentazzjoni). Il-Presidenti u d-Diretturi Eżekuttivi tal-ASE jeħtiġilhom jiġu kkonfermati mill-Parlament. Il-Parlament għandu wkoll drittijiet ta’ informazzjoni estensivi, pereżempju huwa intitolat li jirċievi l-programm ta’ ħidma annwali, il-programm ta’ ħidma pluriennali u r-rapporti annwali tal-ASE. Barra minn hekk, il-Parlament jista’ jitlob opinjonijiet mill-ASE. Huwa jivvota wkoll dwar il-kwittanza għall-baġit tal-ASE kull sena.

Barra minn hekk, il-Parlament u l-BĊE kkonkludew Ftehim Interistituzzjonali (2013/694/UE) biex jiżguraw li jkun hemm responsabbiltà u sorveljanza rigward il-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-MSU. B’mod partikolari, il-Parlament jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tal-kandidati proposti mill-BĊE għall-kariga ta’ President u Viċi President tal-Bord Superviżorju, rispettivament, permezz ta’ votazzjoni fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) u fil-plenarja. Barra minn hekk, il-President tal-Bord Superviżorju jattendi regolarment seduti ta’ smigħ u skambji ta’ fehmiet mal-Membri tal-PE biex jippreżenta r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji u jispjega l-eżekuzzjoni tal-kompiti superviżorji tal-BĊE, u jwieġeb ukoll mistoqsijiet mill-Membri tal-PE.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

 

Christian Scheinert