Matul l-aħħar deċennju, l-UE esperjenzat żbilanċi makroekonomiċi kbar (li aggravaw l-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2008) u diverġenzi serji fil-kompetittività (li ma ppermettewx l-użu effikaċi ta’ miżuri komuni ta’ politika monetarja). Fl-2011, l-UE stabbiliet il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) – proċedura ta’ sorveljanza u infurzar intiża biex tiffaċilita l-identifikazzjoni bikrija u l-korrezzjoni ta’ tali żbilanċi fl-Istati Membri, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk l-iżbilanċi b’effetti konsegwenzjali potenzjali fuq Stati Membri oħra.

Il-bażi ġuridika

  • L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);
  • l-Artikoli 119, 121 u 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

Il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) hija mekkaniżmu ta’ sorveljanza u infurzar bil-għan li jipprevjeni u jikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE. Is-sorveljanza mwettqa hija parti mis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (2.6.4).

Din is-sorveljanza tiddependi minn:

  1. Rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija (AMR), li jitħejja mill-Kummissjoni u huwa bbażat fuq tabella ta’ indikaturi u limiti minimi. L-indikaturi tat-tabella ta’ valutazzjoni jirreferu għal żbilanċi esterni (kontijiet kurrenti, pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta, rata tal-kambju effettiva reali, bidliet fil-kwoti tal-esportazzjoni, kost ta’ unità lavorattiva) u għal żbilanċi interni (prezzijiet tad-djar, fluss ta’ kreditu tas-settur privat, dejn tas-settur privat, dejn pubbliku, rata tal-qgħad u bidliet fl-obbligazzjonijiet tas-settur finanzjarju, kif ukoll indikaturi oħra relatati mal-impjieg u l-qgħad). Kull indikatur huwa assoċjat ma’ limitu minimu li jissenjala li tista’ tinqala’ problema speċifika; xi limiti minimi huma differenzjati għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro u għal dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro. Jekk Stat Membru jeċċedi diversi limiti minimi, il-Kummissjoni twettaq rieżami fil-fond, jiġifieri analiżi ekonomika ulterjuri intiża biex jiġi determinat jekk huwiex probabbli li jinqalgħu jew jekk diġà jeżistux żbilanċi makroekonomiċi, u jekk l-iżbilanċi eżistenti ġewx korretti;
  2. Rakkomandazzjonijiet preventivi. Jekk, abbażi tar-riżultati tar-rieżami fil-fond, il-Kummissjoni tiskopri li jeżistu żbilanċi makroekonomiċi, jeħtiġilha tinforma lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Grupp tal-Euro. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jista’ jindirizza r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Istat Membru kkonċernat, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 121(2) tat-TFUE. Dawn il-miżuri preventivi tal-MIP jiffurmaw parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lil kull Stat Membru f’Lulju ta’ kull sena mill-Kunsill bħala parti mis-Semestru Ewropew;
  3. Rakkomandazzjonijiet korrettivi taħt il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (EIP). Jekk, abbażi tar-rieżami fil-fond, il-Kummissjoni tiskopri li l-Istat Membru kkonċernat huwa affettwat minn żbilanċi eċċessivi, jeħtiġilha tinforma lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro, lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej rilevanti u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jista’, skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, jadotta rakkomandazzjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv u li tirrakkomanda li l-Istat Membru kkonċernat jieħu azzjoni korrettiva. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill trid tistabbilixxi n-natura u l-implikazzjonijiet tal-iżbilanċi u tispeċifika sett ta’ rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu segwiti u skadenza sa meta l-Istat Membru kkonċernat jeħtieġlu jissottometti pjan ta’ azzjoni korrettiva;
  4. Pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva. L-Istat Membru li fil-konfront tiegħu tinfetaħ EIP jeħtieġlu jissottometti pjan ta’ azzjoni korrettiva sal-iskadenza speċifikata fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Kunsill, abbażi ta’ rapport tal-Kummissjoni, jeħtieġlu jivvaluta l-pjan ta’ azzjoni korrettiva fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tiegħu;
  5. Valutazzjoni tal-azzjoni korrettiva. Il-Kunsill jeħtieġlu jivvaluta, abbażi ta’ rapport tal-Kummissjoni, jekk l-Istat Membru kkonċernat ħax l-azzjoni korrettiva rakkomandata. Meta jikkunsidra li l-Istat Membru ma ħax tali azzjoni, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jeħtieġlu jadotta deċiżjoni (abbażi ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata inversa (RQMV)) li tistabbilixxi n-nonkonformità, flimkien ma’ rakkomandazzjoni li tistabbilixxi skadenzi ġodda biex tittieħed azzjoni korrettiva;
  6. Sanzjonijiet finanzjarji potenzjali. L-Istati Membri taż-żona tal-euro li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet li saru skont l-EIP jistgħu jkunu soġġetti għal sanzjonijiet iggradati, li jvarjaw minn depożitu bl-imgħax għal multi annwali. Id-depożitu bl-imgħax jew il-multa għandhom jammontaw għal 0.1% tal-PDG nazzjonali.

Il-proposta għas-sostituzzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika ppubblikata mill-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2023 tinteraġixxi mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi peress li l-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv f’każ li Stat Membru jonqos milli jimplimenta l-impenji ta’ riforma u investiment inklużi fil-pjan fiskali strutturali fuq terminu medju tiegħu biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li huma rilevanti għall-MIP. Barra minn hekk, jekk Stat Membru jkun taħt proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, dan irid jissottometti pjan fiskali strutturali rivedut ta’ terminu medju skont ir-Regolament propost li se jservi bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

Il-kisbiet

Sa mill-ħolqien tal-MIP fl-2012, in-numru ta’ Stati Membri:

  • Meqjusa bħala pajjiżi li qed jesperjenzaw żbilanċi żdied minn 12 għal 16 bejn l-2012 u l-2015, iżda naqas għal 11 fl-2018, għal 10 fl-2019, għal 9 fl-2020 u fl-2021, u għal 7 fl-2022 qabel ma żdied għal 9 fl-2023;
  • Meqjusa bħala pajjiżi li qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi żdied minn 0 għal 6 bejn l-2012 u l-2017, iżda mbagħad naqas għal 3 fl-2018, u baqa’ l-istess mill-2019 sal-2022, qabel ma naqas għal 2 fl-2023.

Il-Kummissjoni għadha ma pproponietx li tinbeda l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, minkejja li l-Kunsill u l-Bank Ċentrali Ewropew talbu li l-proċedura tintuża bil-potenzjal sħiħ tagħha, bil-parti korrettiva applikata fejn xieraq.

Il-pajjiżi kollha bi żbilanċi huma soġġetti għal monitoraġġ speċifiku, li huwa aktar strett għal pajjiżi bi żbilanċi eċċessivi u jinvolvi djalogi mal-awtoritajiet nazzjonali, żjarat minn esperti u rapporti ta’ progress regolari. Dan għandu jgħin ukoll biex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fl-Istati Membri kkonċernati.

Jekk Stat Membru jitqies li jkun f’riskju ta’ żbilanċi makroekonomiċi, uħud mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew ir-rakkomandazzjonijiet kollha adottati mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jistgħu jkunu bbażati fuq l-MIP. Matul is-snin, in-numru ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet żdied, iżda l-livell ta’ implimentazzjoni tagħhom ma żdiedx.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament sar koleġiżlatur fl-istabbiliment ta’ regoli għas-sorveljanza multilaterali (l-Artikolu 121(6) tat-TFUE).

L-atti leġiżlattivi li jikkonċernaw is-sorveljanza makroekonomika jipprevedu djalogu ekonomiku. Sabiex jittejjeb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni – b’mod partikolari l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni – u biex jiġu żgurati aktar trasparenza u responsabbiltà, il-kumitat kompetenti tal-Parlament jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u/jew lill-President tal-Grupp tal-Euro biex jiddiskutu d-deċiżjonijiet tagħhom jew biex jippreżentaw l-attivitajiet tagħhom fis-Semestru Ewropew. Bħala parti minn dan id-djalogu, il-Parlament jista’ jipprovdi wkoll opportunità ta’ parteċipazzjoni fi skambju ta’ fehmiet ma’ Stat Membru li jkun is-suġġett ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-EIP.

Lejn tmiem il-ħarifa, il-Parlament jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar iċ-ċiklu li jkun għaddej tas-Semestru Ewropew (inklużi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill), filwaqt li jitqies ukoll l-eżitu ta’ laqgħa konġunta ma’ rappreżentanti tal-kumitati kompetenti tal-parlamenti nazzjonali.

Skont l-MIP, il-Kummissjoni tikkoopera mal-Parlament u mal-Kunsill fid-definizzjoni tas-sett ta’ indikaturi makroekonomiċi li għandhom jiġu inklużi fit-tabella ta’ valutazzjoni użata għall-monitoraġġ ta’ żbilanċi makroekonomiċi possibbli fl-Istati Membri. Fi Frar 2020, il-Kummissjoni varat rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, inkluża evalwazzjoni tal-effikaċja tar-regolamenti dwar l-MIP u l-progress li sar lejn koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u lejn konverġenza kontinwa tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri.

Il-Parlament jippromwovi l-involviment tal-parlamenti nazzjonali permezz ta’ laqgħat annwali mal-membri tal-kumitati rilevanti ta’ dawk il-parlamenti. Barra minn hekk, u b’konformità mal-arranġamenti ġuridiċi u politiċi ta’ kull Stat Membru, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti kif xieraq fis-Semestru Ewropew u fit-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà, tal-programmi ta’ konverġenza u tal-programmi nazzjonali ta’ riforma, sabiex jiżdiedu t-trasparenza u s-sjieda tad-deċiżjonijiet meħuda, kif ukoll ir-responsabbiltà għalihom.

 

Samuel De Lemos Peixoto / MAJA SABOL