Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

L-Unjoni Ewropea qed issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha biex tippromwovi l-iżvilupp armonizzat ġenerali tagħha. B’mod partikolari, l-UE għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni tagħha. Tingħata attenzjoni speċjali liż-żoni rurali, iż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali, u r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti, bħal pereżempju r-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b’densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna, kif ukoll ir-reġjuni insulari, transfruntiera u muntanjużi.

Il-bażi ġuridika

L-Artikoli 174 sa 178 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-isfond

Il-politika ta’ koeżjoni hija l-politika ewlenija ta’ investiment tal-Unjoni Ewropea. Hija tipprovdi benefiċċji għar-reġjuni u l-bliet kollha fl-UE u tappoġġja t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozju, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent.

Sa mill-bidu tagħha, fil-Komunità Ewropea (issa magħrufa bħala l-Unjoni Ewropea) kien hemm disparitajiet territorjali u demografiċi kbar, li setgħu jikkostitwixxu ostakli għall-integrazzjoni u l-iżvilupp fl-Ewropa. It-Trattat ta’ Ruma (1957) stabbilixxa mekkaniżmi ta’ solidarjetà fil-forma ta’ żewġ fondi: il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (it-Taqsima Gwida tal-FAEGG). Fl-1975, ġew introdotti aspetti reġjonali permezz tal-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Fl-1994, inħoloq ukoll il-Fond ta’ Koeżjoni.

Bl-Att Uniku Ewropew tal-1986, il-koeżjoni ekonomika u soċjali saret kompetenza tal-Komunità Ewropea. Fl-2008, it-Trattat ta’ Liżbona introduċa t-tielet dimensjoni tal-koeżjoni tal-UE: il-koeżjoni territorjali. Dawn it-tliet aspetti ta’ koeżjoni huma appoġġjati mill-politika ta’ koeżjoni u l-Fondi Strutturali.

L-objettivi

It-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE. L-Unjoni tiddedika proporzjon sinifikanti mill-attivitajiet u l-baġit tagħha biex tnaqqas id-disparitajiet fost ir-reġjuni, b’referenza partikolari għaż-żoni rurali, iż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi li huma gravi u permanenti.

L-UE tappoġġja l-kisba ta’ dawn l-objettivi permezz tal-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-FSE, il-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)), u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF).

Mill-2021, il-Fond Soċjali Ewropew (magħruf bħala l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)) huwa l-istrument ewlieni tal-Unjoni li jappoġġja l-miżuri li għandhom l-għan li jipprevjenu u jiġġieldu l-qgħad, jiżviluppaw ir-riżorsi umani u jrawmu l-integrazzjoni soċjali fis-suq tax-xogħol. Jiffinanzja l-inizjattivi li jippromwovu livell għoli ta’ impjiegi, opportunitajiet indaqs għall-irġiel u għan-nisa, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni ekonomika u soċjali.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jgħin fir-rimedju tal-iżbilanċi reġjonali ewlenin fl-UE. Jappoġġja r-reġjuni li għadhom lura f’termini ta’ żvilupp, flimkien mal-konverżjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura.

Il-Fond ta’ Koeżjoni jikkontribwixxi b’mod finanzjarju għall-proġetti marbuta mal-ambjent u man-networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport. Dan il-fond jista’ jiġi aċċessat biss minn dawk l-Istati Membri li l-introjtu nazzjonali gross tagħhom għal kull abitant huwa inqas minn 90% tal-medja tal-UE.

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) huwa għodda ewlenija ta’ appoġġ għat-territorji l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u ta’ prevenzjoni kontra ż-żieda fid-disparità bejn ir-reġjuni. Sabiex jilħaq l-objettiv tiegħu, il-JTF jappoġġja investimenti f’oqsma bħall-konnettività diġitali, it-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet, ir-riġenerazzjoni ta’ siti industrijali, it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u l-assistenza teknika.

Sabiex jiġi garantit l-użu effiċjenti tal-Fondi Strutturali, għandhom jiġu garantiti l-prinċipji li ġejjin:

  • l-organizzazzjoni tal-fondi skont l-objettivi u r-reġjuni;
  • is-sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-użu tagħhom;
  • il-programmazzjoni tal-assistenza;
  • l-addizzjonalità tal-kontribuzzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali.

L-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni ddedikati għall-politika ta’ koeżjoni hija ffukata fuq żewġ għanijiet ewlenin:

  • l-investiment fit-tkabbir u l-impjiegi – biex jissaħħu s-suq tax-xogħol u l-ekonomiji reġjonali;
  • il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – li tappoġġja l-koeżjoni tal-UE permezz ta’ kooperazzjoni fil-livell transfruntier, tranżnazzjonali u interreġjonali.

Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE fil-perjodu 2021-2027

Fil-perjodu 2021-2027, il-finanzjament tal-UE ġej minn żewġ sorsi: il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) “klassiku”, li jiddeskrivi l-limiti tan-nefqa annwali tal-UE, u l-pjan ta’ rkupru tan-NextGenerationEU, inizjattiva ta’ rkupru straordinarja mfassla biex tgħin lill-Istati Membri fl-irkupru tagħhom mill-pandemija tal-COVID-19. Il-politika ta’ koeżjoni se tkun iffinanzjata kemm mill-QFP kif ukoll, f’ċerti każijiet, min-NextGenerationEU.

Ir-riżorsi għall-mira ta’ “Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir” tal-politika ta' koeżjoni se jammontaw għal total ta’ EUR 322.3 biljun (fil-prezzijiet tal-2018, li jfisser fil-valur tal-munita tal-2018) u se jiġu allokati kif ġej:

  1. EUR 202.3 biljun għar-reġjuni inqas żviluppati;
  2. EUR 47.8 biljun għar-reġjuni fi tranżizzjoni;
  3. EUR 27.2 biljun għar-reġjuni aktar żviluppati;
  4. EUR 42.6 biljun għall-Istati Membri appoġġjati mill-Fond ta’ Koeżjoni (li minnhom EUR 10 biljun se jintefqu fuq l-istrument Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa);
  5. EUR 1 928 miljun bħala finanzjament addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi;
  6. EUR 500 miljun għall-investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni.

Ir-riżorsi mill-FEŻR għall-mira “Kooperazzjoni territorjali Ewropea” (Interreg) se jammontaw għal total ta’ EUR 8 050 miljun u se jitqassmu kif ġej:

  1. EUR 5 812-il miljun għall-kooperazzjoni transfruntiera marittima u fuq l-art;
  2. EUR 1 466 miljun għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali;
  3. EUR 490 miljun għall-kooperazzjoni interreġjonali;
  4. EUR 281 miljun għall-kooperazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi.

Il-JTF li jappoġġja t-territorji l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u li għandu l-għan li jipprevjeni ż-żieda fid-disparitajiet reġjonali se jkollu baġit ta’ EUR 17.5-il biljun. EUR 7.5 biljun se jiġu mill-QFP u EUR 10 biljun addizzjonali se jiġu min-NextGenerationEU.

Strument ġdid ieħor, ReactEU, ġie adottat f’Diċembru 2020. Se jaġixxi bħala żieda għall-programmi ta’ koeżjoni 2014-2020 u se jkun addizzjonali għall-allokazzjonijiet ta’ koeżjoni għall-2021-2027. ReactEU se jappoġġja l-aktar setturi importanti biex dawn jirkupraw sew wara l-kriżi tal-COVID-19. L-allokazzjoni tiegħu (sal-2023) hija ta’ EUR 47.5 biljun.

Fil-perjodu 2021-2027, il-politika ta’ koeżjoni għandha ħames objettivi ta’ politika għall-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMS:

  • Ewropa aktar intelliġenti – trasformazzjoni ekonomika u intelliġenti.
  • Ewropa aktar ekoloġika u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
  • Ewropa aktar konnessa – mobbiltà u konnettività tal-ICT reġjonali.
  • Ewropa aktar soċjali – li timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
  • Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini – żvilupp sostenibbli u integrat ta’ żoni urbani, rurali u kostali permezz ta’ inizjattivi lokali.

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jiddeskrivi r-regoli li jridu jiġu segwiti sabiex jintużaw dawn il-fondi. F’Ottubru 2022, ir-regolament ġie emendat biex jiffaċilita l-użu tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni mill-Istati Membri u r-reġjuni u biex tiżdied il-flessibbiltà tagħhom sabiex jiġu appoġġjati miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tar-Russja, introdotti taħt il-programmi 2014-2020 u 2021-2027.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament għandu rwol attiv ħafna fl-appoġġ għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE. Il-leġiżlazzjoni marbuta mal-politika ta’ koeżjoni u l-Fondi Strutturali titħejja skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li fiha l-Parlament għandu l-istess setgħa li għandu l-Kunsill.

Il-Parlament kien involut b’mod attiv fin-negozjati għar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2021-2027. Din ir-riforma tiddefinixxi l-prijoritajiet u l-istrumenti tal-azzjoni tal-UE futura li għandhom l-għan li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Il-Parlament appoġġja bil-qawwa l-proposti għal politika ta’ koeżjoni effiċjenti u b’firxa wiesgħa, li teħtieġ ukoll riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

Il-Parlament stqarr ukoll mingħajr ekwivoki dwar l-użu tal-politika ta’ koeżjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, pereżempju permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-istrateġiji ambjentali reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Parlament appella għal żieda fl-użu ta’ investimenti ekoloġiċi u blu fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u appella għal sinerġiji akbar bejn is-sorsi differenti ta’ finanzjament fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali. Barra minn hekk, il-Parlament adotta riżoluzzjoni fid-9 ta' Mejju 2023 dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali multidimensjonali fil-baċir tal-Mediterran. Din tissuġġerixxi l-użu tal-fondi ta’ koeżjoni biex isir investiment f’teknoloġiji u infrastruttura mfassla speċifikament biex jirkupraw materjali mill-iskart residwu għall-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari u biex tiġi limitata u ġestita ż-żieda fit-tniġġis tal-plastik u l-iskart domestiku.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali.

 

Kelly Schwarz