Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa wieħed mill-istrumenti finanzjarji ewlenin tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. L-għan tiegħu huwa li jgħin biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni Ewropej u li jtejjeb l-istandards ta' għajxien tar-reġjuni li huma inqas favoriti. Tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħar-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda, li għandhom densitajiet ta' popolazzjoni baxxi ħafna, u reġjuni insulari, transfruntiera u muntanjużi.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 174 sal-Artikolu 178 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

L-Artikolu 176 tat-TFUE jipprevedi li l-FEŻR hu maħsub biex jgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fl-Unjoni Ewropea. Huwa jagħmel dan permezz ta' appoġġ:

  • għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li jinsabu lura f'termini ta' żvilupp;
  • għat-trasformazzjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura.

Il-FEŻR għandu żewġ għanijiet ewlenin, b'mod partikolari:

  • l-investiment fit-tkabbir u l-impjiegi – bil-għan li jissaħħu is-suq tax-xogħol u l-ekonomiji reġjonali;
  • il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali fi ħdan l-UE.

Ir-riżorsi assenjati lill-ewwel għan ġew allokati lil tliet kategoriji differenti ta' reġjuni:

  • ir-reġjuni aktar żviluppati, li l-PDG per capita tagħhom hu iktar minn 90 % tal-medja tal-UE;
  • ir-reġjuni fi tranżizzjoni, li l-PDG per capita tagħhom hu bejn il-75 % u d-90 % tal-medja tal-UE;
  • ir-reġjuni inqas żviluppati, li l-PDG per capita tagħhom hu inqas minn 75 % tal-medja tal-UE;

Il-FEŻR jappoġġja wkoll żvilupp sostenibbli urban. Fil-perjodu 2014-2020, mill-inqas 5 % tal-allokazzjoni tal-FEŻR għal kull Stat Membru kellha tkun allokata għal azzjonijiet integrati għal żvilupp sostenibbli urban ħalli jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi, demografiċi u soċjali li jaffettwaw żoni urbani.

Id-dettalji tal-allokazzjoni u l-użu futur tal-fondi tal-FEŻR huma stabbiliti fil-Ftehimiet ta' Sħubija. Dawn huma dokumenti strateġiċi mfassla minn kull Stat Membru bl-assistenza tas-sħab reġjonali u soċjali.

Il-konċentrazzjoni tematika

L-infiq tal-FEŻR huwa ffokat fuq il-prijoritajiet speċifikati f'din l-istrateġija. Fil-perjodu 2014-2020, il-prijoritajiet ewlenin kienu:

  1. Ir-riċerka u l-innovazzjoni;
  2. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;
  3. L-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);
  4. Il-promozzjoni ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

Il-livell ta' konċentrazzjoni meħtieġ ivarja skont il-kategorija tar-reġjuni li tkun qed tingħata appoġġ. Reġjuni aktar żviluppati jridu jallokaw mill-inqas 80 % tar-riżorsi tal-FEŻR tagħhom għal tal-inqas tnejn minn dawn il-prijoritajiet u mill-inqas 20 % għall-promozzjoni ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Reġjuni fi tranżizzjoni jridu jallokaw mill-inqas 60 % tar-riżorsi tal-FEŻR tagħhom għal tal-inqas tnejn minn dawn il-prijoritajiet u mill-inqas 15 % għall-promozzjoni ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Reġjuni inqas żviluppati jridu jallokaw mill-inqas 50 % tar-riżorsi tal-FEŻR tagħhom għal tal-inqas tnejn minn dawn il-prijoritajiet u mill-inqas 12 % għall-promozzjoni ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

Il-baġit u r-regolamenti finanzjarji

Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-UE se tkun allokat aktar minn EUR 350 biljun għall-politika ta' koeżjoni. Dan jirrappreżenta 32,5 % tal-baġit globali tal-UE għall-perjodu. Madwar EUR 199 biljun kienu allokati lill-FEŻR. Dan kien jinkludi EUR 9,4 biljun għall-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u EUR 1,5 biljun f'allokazzjonijiet speċjali għar-reġjuni ultraperiferiċi u sottopopolati.

Il-livell ta' kofinanzjament meħtieġ għal proġetti ffinanzjati mill-FEŻR huwa adattat għall-iżvilupp tar-reġjuni kkonċernati. Fir-reġjuni inqas żviluppati (u fir-reġjuni ultraperiferiċi), il-FEŻR jista' jiffinanzja sa 85 % tal-ispejjeż tal-proġett. Fir-reġjuni fi tranżizzjoni, din iċ-ċifra tista' tasal sa 60 % tal-ispejjeż tal-proġett, u fil-pajjiżi l-aktar żviluppati, sa 50 %.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fil-perjodu 2021-2027

Fl-2021, l-UE daħlet f'perjodu ta' programmazzjoni pluriennali ġdid. Ir-regoli għall-FEŻR fil-perjodu 2021-2027 huma stabbiliti permezz ta':

  • Regolament dwar il-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni;
  • Regolament dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Interreg).

Dawn ir-regolamenti jżommu ż-żewġ għanijiet attwali tal-FEŻR: "Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir" u l-"Kooperazzjoni Territorjali Ewropea".

Huma jżommu wkoll il-konċentrazzjoni tematika għaż-żewġ prijoritajiet ewlenin: l-appoġġ għall-innovazzjoni, l-ekonomija diġitali u l-SMEs mogħtija permezz ta' strateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (PO1); u ekonomija aktar ekoloġika, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u ċirkolari (PO2). Il-politika ta' koeżjoni l-ġdida introduċiet ukoll lista ta' attivitajiet li ma għandhomx jiġu appoġġjati mill-FEŻR. Din tinkludi d-dekummissjonar jew il-kostruzzjoni ta' impjanti tal-enerġija nukleari, infrastruttura tal-ajruporti (ħlief fir-reġjuni ultraperiferiċi) u xi operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-iskart (eż. landfill).

Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, madwar EUR 200,36 biljun ġew allokati għall-FEŻR (inkluż EUR 8 biljun għall-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u EUR 1,93 biljun ta' allokazzjonijiet speċjali għar-reġjuni ultraperiferiċi). Ir-reġjuni inqas żviluppati se jibbenefikaw minn rati ta' kofinanzjament sa 85 % tal-ispejjeż tal-proġett. Ir-rati ta' kofinanzjament għar-reġjuni fi tranżizzjoni u għar-reġjuni aktar żviluppati se jkunu sa 60 % u 40 % rispettivament.

Wara l-2020, l-appoġġ għall-bliet se jissaħħaħ. Mill-inqas 8 % tar-riżorsi tal-FEŻR (fil-livell nazzjonali) se jiġu allokati għall-iżvilupp urban sostenibbli u għall-ħolqien tal-Inizjattiva Urbana Ewropea.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew jinsab fuq l-istess livell mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'dak li jirrigwarda t-tħejjija tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Ir-Regolament tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 kien soġġett għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li permezz tagħha l-Parlament għandu d-drittijiet kollha biex jipproponi bidliet. Matul in-negozjati dwar il-politika ta' koeżjoni tal-UE għall-perjodu 2021-2027, il-Parlament Ewropew irnexxielu jżid il-livell ta' kofinanzjament għal proġetti u jtejjeb il-flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli. Barra minn hekk, huwa saħħaħ l-appoġġ ipprovdut mill-FEŻR għall-bliet u għall-politiki urbani integrati.

 

Marek Kołodziejski