Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa wieħed mill-istrumenti finanzjarji ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Inħoloq fl-1975 bil-għan li jikkontribwixxi biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni Ewropej u li jtejjeb l-istandards ta’ għajxien tar-reġjuni li huma anqas favoriti. Tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħar-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda, li għandhom densitajiet ta’ popolazzjoni baxxi ħafna, u reġjuni insulari, transfruntiera u muntanjużi.

Il-bażi legali

L-Artikolu 174 sal-Artikolu 178 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

L-Artikolu 176 tat-TFUE jipprevedi li l-FEŻR hu maħsub biex jgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fl-Unjoni Ewropea. Huwa jagħmel dan permezz ta’ appoġġ:

  • għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li jinsabu lura f’termini ta’ żvilupp;
  • għat-trasformazzjoni tar-reġjuni industrijali li jkunu sejrin lura.

Ir-regoli għall-FEŻR fil-perjodu 2021–2027 huma stabbiliti permezz ta’:

  • regolament dwar il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni;
  • regolament dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Interreg).

Il-FEŻR għandu żewġ għanijiet ewlenin, jiġifieri:

  • l-investiment fit-tkabbir u l-impjiegi – bil-għan li jissaħħu s-suq tax-xogħol u l-ekonomiji reġjonali;
  • il-kooperazzjoni territorjali Ewropea – bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali fi ħdan l-UE.

Ir-riżorsi assenjati lill-ewwel għan ġew allokati lil tliet kategoriji differenti ta’ reġjuni:

  • ir-reġjuni aktar żviluppati, li l-PDG per capita tagħhom huwa aktar minn 100% tal-medja tal-UE;
  • ir-reġjuni fi tranżizzjoni, li l-PDG per capita tagħhom huwa bejn il-75% u l-100% tal-medja tal-UE;
  • ir-reġjuni anqas żviluppati, li l-PDG per capita tagħhom huwa anqas minn 75% tal-medja tal-UE.

Id-dettalji tal-allokazzjoni u l-użu futur tal-fondi tal-FEŻR jiġu ddeterminati fil-Ftehimiet ta’ Sħubija, li huma ftehimiet bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru dwar kif għandhom jintużaw il-fondi u li jinħolqu bl-assistenza tas-sħab reġjonali (inklużi, fost l-oħrajn, il-gvernijiet reġjonali u lokali) u tas-sħab soċjali (pereżempju, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions).

Il-qafas ġenerali għat-twettiq u l-implimentazzjoni tal-FEŻR huwa stabbilit fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li jkopri diversi fondi oħra tal-UE u jidentifika objettivi speċifiċi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ possibbli.

Il-konċentrazzjoni tematika

Fil-perjodu 2021-2027, il-politika ta’ koeżjoni għandha ħames objettivi ta’ politika (POs) għall-FEŻR, il-Fond Soċjali Ewropew+ u l-Fond ta’ Koeżjoni:

  • Ewropa aktar intelliġenti – trasformazzjoni ekonomika u intelliġenti (PO1);
  • Ewropa aktar ekoloġika u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (PO2);
  • Ewropa aktar konnessa – mobbiltà u konnettività tal-ICT reġjonali (PO3);
  • Ewropa aktar soċjali – li timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (PO4);
  • Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini – żvilupp sostenibbli u integrat ta’ żoni urbani, rurali u kostali permezz ta’ inizjattivi lokali (PO5).

Kull reġjun u Stat Membru għandhom jidderieġu mill-anqas 30% tal-allokazzjoni tal-FEŻR tagħhom għall-PO2, jiġifieri, tranżizzjoni aktar ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju lejn ekonomija b’emissjonijiet netti żero tal-karbonju u Ewropa reżiljenti. Barra minn hekk, abbażi tal-prosperità tagħhom, kull reġjun u Stat Membru għandhom jikkonċentraw l-infiq fuq il-PO1, jiġifieri Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti. Il-finanzjament irid jitqassam kif ġej:

  • ir-reġjuni jew l-Istati Membri anqas żviluppati għandhom jiddedikaw mill-anqas 25% lill-PO1;
  • ir-reġjuni jew l-Istati Membri fi tranżizzjoni għandhom jiddedikaw mill-anqas 40% lill-PO1;
  • ir-reġjuni jew l-Istati Membri aktar żviluppati għandhom jiddedikaw mill-anqas 85% tal-allokazzjoni tagħhom lill-PO1 u l-PO2.

Il-FEŻR jappoġġja wkoll żvilupp sostenibbli urban. Fil-perjodu 2021–2027, mill-anqas 8% tar-riżorsi tal-FEŻR (fil-livell nazzjonali) huma allokati għall-iżvilupp urban sostenibbli u għall-ħolqien tal-Inizjattiva Urbana Ewropea, u dan jippermetti liż-żoni urbani jesperimentaw b’soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi urbani.

Il-politika ta’ koeżjoni l-ġdida tinkludi lista ta’ attivitajiet li ma għandhomx jiġu ffinanzjati mill-FEŻR. Din tinkludi d-dekummissjonar jew il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari, infrastruttura tal-ajruporti (ħlief fir-reġjuni ultraperiferiċi), xi operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-iskart (eż. landfill) u appoġġ għall-industrija tat-tabakk.

Il-baġit u r-regolamenti finanzjarji

Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, l-UE se tkun allokat aktar minn EUR 392 biljun għall-politika ta’ koeżjoni. Madwar EUR 226 biljun kienu allokati lill-FEŻR. Dan kien jinkludi EUR 9 biljun għall-kooperazzjoni territorjali Ewropea u EUR 1.9 biljun f’allokazzjonijiet speċjali għar-reġjuni ultraperiferiċi u sottopopolati.

Ir-reġjuni anqas żviluppati jibbenefikaw minn rati ta’ kofinanzjament sa 85% tal-kostijiet tal-proġett. Ir-rati ta’ kofinanzjament għar-reġjuni fi tranżizzjoni u għar-reġjuni aktar żviluppati jlaħħqu 60% u 50% rispettivament.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew jinsab fuq l-istess livell mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda t-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, li l-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni huma parti kbira minnhom. Ir-Regolament dwar il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 kien soġġett għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li permezz tagħha l-Parlament għandu d-drittijiet kollha biex jipproponi bidliet. Matul in-negozjati dwar il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għall-perjodu 2021-2027, il-Parlament Ewropew irnexxielu jżid il-livell ta’ kofinanzjament għal proġetti u jtejjeb il-flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli. Barra minn hekk, saħħaħ l-appoġġ tal-FEŻR għall-bliet u għall-politiki urbani integrati.

F’Settembru 2025, bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw emendi għar-Regolament dwar il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni biex jallinjaw il-politika ta’ koeżjoni ma’ prijoritajiet strateġiċi ġodda, inklużi l-investiment f’kapaċitajiet industrijali relatati mad-difiża, l-akkomodazzjoni affordabbli, it-tranżizzjoni tal-enerġija u r-reżiljenza tal-ilma. L-Istati Membri li jirriallokaw ir-riżorsi għal dawn il-prijoritajiet ġodda jistgħu jirċievu rati ogħla ta’ kofinanzjament, pagamenti bil-quddiem u skadenzi estiżi għall-implimentazzjoni. Għal informazzjoni dettaljata dwar il-bidliet wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu, ara l-iskeda informattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (3.1.1).

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat tal-Iżvilupp Reġjonali.

 

Kelly Schwarz / Rubin Johann HAGELS