Merħba

 
 

Seduti ta' smigħ taż-żewġ Kummissarji nnominati mill-Bulgarija u mir-Rumanija

Fl-ewwel ta' Jannar ta' l-2007, hu mistenni li jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' l-Adeżjoni mal-Bulgarija u mar-Rumanija rigward l-adeżjoni tagħhom u ladarba dawn jingħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea, in-numru ta' Stati Membri jitla' għal 27.

Il-ħatra ta' żewġ ċittadini mill-Bulgarija u mir-Rumanija fil-Kummissjoni Ewropea ser tkun sinjal importanti ta' l-integrazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea u ser timmarka l-bidu ta' parteċipazzjoni sħiħa fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fuq livell Ewropew għal dawn iż-żewġ Stati Membri ġodda.

Sabiex titjieb it-trasparenza tan-nominazzjonijiet u sabiex il-ħatra taż-żewġ Kummissarji ġodda tingħata aktar leġittimità, il-Parlament Ewropew ser imexxi seduta ta' smigħ mal-Kummissarji nnominati u wara ser issir votazzjoni formali għal approvazzjoni.

Is-seduti ta' smigħ għandhom isiru lejn l-aħħar ta' Novembru 2006. Is-732 Membru tal-Parlament Ewropew u t-53 Membru tal-Parlamenti Nazzjonali tal-Pajjiżi ta' l-Adeżjoni, li ngħataw l-status ta' osservaturi fil-Parlament Ewropew, ser jkollhom ċ-ċans jittestjaw il-kwalifiki tal-kandidati. Sabiex isiru l-preparamenti għas-seduti ta' smigħ, kull kandidat hu mitlub biex iwieġeb għal kwestjonarju bil-miktub.

Fuq bażi ta' dak li jirriżulta mis-seduti ta' smigħ, il-Parlament Ewropew ser jipproċedi għal votazzjoni formali ta' approvazzjoni. Wara approvazzjoni formali tal-Parlament biss, il-Kunsill ser jaħtar formalment lill-Kummissarji l-ġodda.

Għal dettalji dwar il-Kummissarji individwali nnominati, dwar is-seduti ta' smigħ u dwar il-proċedura ġenerali, int mitlub tikklikkja fuq il-menu li jinsab fuq ix-xellug ta' din il-paġna.


Informazzjoni dwar verżjonijiet lingwistiċi ta' din il-websajt:
Din is-sit hu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni Ewropea inkluż bir-Rumen u l-Bulgaru. Il-link għall-verżjonijiet lingwistiċi rispettivi tinsab fin-naħa ta' fuq, fuq il-lemin, tal-paġna fil-menu tal-Europarl:


lv_header

Meta paġna ma tkunx disponibbli bil-lingwa magħżula, il-kontenut tagħha jintwera bl-Ingliż.