| In-noti huma organizzati taħt l-intestaturi prinċipali bħal Affarijiet Barranin, Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Ambjent jew Suq Intern, għalhekk tista’ tagħżel l-intestaturi li jinteressawk. Minn dawn l-intestaturi tista’ tikklikkja fuq suġġetti individwali, per eżempju taħt "Affarijiet Barranin" ssib suġġetti bħall-Politika tas-Sigurtà u Difiża jew il-Balkani. |
|
| In-noti li jkopru s-setgħat ġenerali u r-responsabilitajiet tal-Parlament huma bbażati fuq it-testi tat-trattati ta’ l-UE. Dawk li għandhom x’jaqsmu mal-leġislazzjoni ta’ l-UE (Direttivi jew Regolamenti) huma bbażati fuq it-testi ta’ dik il-leġislazzjoni. Fl-aħħar ta’ kull nota ssib rabtiet għal dawn it-testi u għal aktar qari. |
|
| Jekk inti tixtieq tistudja l-fażijiet suċċessivi li bihom liġi ta’ l-UE partikolari ġiet adottata, ikklikkja fuq ir-rabtiet taħt l-intestatura "Dehra ġenerali tal-proċedura", fejn huma elenkati r-rapporti parlamentari li fuqhom hija bbażata n-nota. Dawn ir-rabtiet iwassluk għal Osservatorju Leġislattiv, li jipprovdi sommarju pass pass, bl-Ingliż jew bil-Franċiż, tal-fażijiet tal-proċedura. Fih ukoll aktar rabtiet mad-dokumenti relevanti tal-Kummissjoni, tal-Parlament jew tal-Kunsill. |
|
| Jekk il-liġi tkun diġà ġiet adottata, tista’ ssib it-test leġislattiv finali permezz ta’ l-intestatura "Ġurnal Uffiċjali – Att Finali". L-ewwel tiltaqa’ mal-verżjoni Ingliża iżda mbagħad tista’ tikklikkja għal fuq kwalunkwe waħda mill-11-il lingwa uffiċjali ta’ l-UE-15. Jekk it-test finali jkun għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, tingħata l-intestatura "Test adottat mill-Parlament" minflok. Jekk il-proċedura ma tkunx mitmuma, ikun hemm miktub "Proċedura li għadha ma ġietx mitmuma". |
|
| Ir-riżoluzzjonijiet jew konsultazzjonijiet, regolamenti jew direttivi – kollha jeħtieġu rapport minn wieħed mill-kumitati tal-Parlament, u li l-kumitat jaħtar MPE bħala r-‘rapporteur’ sabiex jagħmel l-abbozz tar-rapport tiegħu. Tista’ ssib aktar dwar rapporteur, inkluż il-grupp politiku u l-curriculum vitae tiegħu/tagħha, billi tikklikkja fuq ir-rabtiet taħt "Rapporteurs". |
|
| Il-gruppi politiċi tal-Parlament żiedu l-links tagħhom stess ma’ kull nota. Tista’ tikklikkja fuq dawn sabiex issib aktar dwar ix-xogħol u l-attivtajiet tagħhom u l-ispettru wiesgħa tal-pożizzjonijiet politiċi fil-Parlament. Tista’ taqra d-dikjarazzjonijiet lill-istampa tal-gruppi dwar is-suġġett, issib aktar informazzjoni ta’ l-isfond jew iżżur il- websites prinċipali tal-gruppi. |
|
| In-noti qegħdin jiġu ppubblikati fuq il- website tagħna "Elezzjonijiet Ewropej" kif u meta jiġu prodotti: l-ewwel fil-verżjoni tal-lingwa oriġinali u sussegwentament fit-traduzzjoni fil-bqija tad-19-il lingwa. |
|
| Data ta’ għeluq tal-pubblikazzjoni: 2 ta’ April 2004 |