skip to content
 
 
 

Il-Projbizzjoni tal-Plastik li Jintuża Darba Biss

Sessjoni ta' informazzjoni pubblika mal-MPE Roberta Metsola

08-02-2019
 .

“Kullħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu fil-ġlieda kontra l-plastik,” saħqet il-MPE Metsola f’sessjoni t’informazzjoni pubblika dwar il-projbizzjoni tal-plastik li jintuża darba biss. “Hawn alternattivi għal oġġetti bħal platti u pożati li jintużaw darba biss, u tajjeb li nużawhom jew innaqqsu l-użu tal-plastik li m’għandniex bżonnu.”.

F’kuntest tal-ħsara kbira li jagħmel il-plastik fil-baħar hi spjegat li bużżieqa li titħalla fl-ajru f’Malta, wara siegħa tispiċċa fil-baħar.

F’diskussjoni fejn kien hemm ukoll preżenti għaqdiet ambjentali, akkademiċi u kunsilliera lokali mal-pubbliku in ġenerali, ħareġ qbil mifrux dwar il-bżonn li jkun hemm aktar edukazzjoni fuq kull livell, kemm fost il-pubbliku ġenerali imma wkoll fost l-industrija.

Il-MPE Metsola sostniet ukoll dwar l-bżonn ta’azzjoni urġenti sabiex nevitaw li nkomplu nżidu mal-plastik li diġà jinsab f’nofs ta’ l-oċean. Iffukat fuq id-dħul fis-seħħ fi żmien sentejn tad-direttiva għall-projbizzjoni tal-plastik li jintuża darba biss malli jitlesta l-proċess leġislattiv, fil-ġimghat li ġejjin, għaliex is-sitwazzjoni tal-iskart tal-plastik fil-baħar hija gravi ħafna.

Jekk ma jsir xejn, studji juru li fl-2050 se jkun hemm aktar plastik milli ħut fl-oċeani.

Għalhekk l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tikkumbatti l-iskart tal-plastik bi strateġija dwar il-plastik fl-ekonomija ċirkulari. Id-direttiva għall-projbizzjoni tal-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss hija l-iktar leġiżlazzjoni ambizzjuża fil-livell globali kontra l-iskart fil-baħar.

Dwarha f’Diċembru li għadda ntlaħaq ftehim fuq livell Ewropew bejn il-Parlament u l-Kunsill għall-projbizzjoni tal-plastik li jintuża darba biss, fost oħrajn ta’ frieket u skieken, platti u straws tal-plastik, sal-2021. Dawn huma fost l-10 prodotti li jikkostitwixxu 70% tal-oġġetti kollha ta’ skart marittimu.

Id-diskussjoni kienet organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Dar L-Ewropa, l-belt Valletta.

Għal aktar informazzjoni:

http://www.europarl.europa.eu/news/mt/press-room/20181018IPR16524/il-plastik-li-jintuza-darba-biss-ghandu-jkun-ipprojbit-sal-2021-jghidu-l-meps

http://www.europarl.europa.eu/news/en/press-room/20181219IPR22301/parliament-and-council-agree-drastic-cuts-to-plastic-pollution-of-environment

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-6867_en.htm

https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2018/12/19/single-use-plastics-presidency-reaches-provisional-agreement-with-parliament/