Żjarat fil-Parlament Ewropew 

Żjara fil-Parlament Ewropew hija opportunità unika biex iċ-ċittadini jitgħallmu kif taħdem id-demokrazija parlamentari tal-UE u kif id-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament Ewropew huma rilevanti għall-ħajja ta' kuljum. Il-Parlament joffri firxa wiesgħa ta' possibilitajiet biex il-viżitaturi jiffamiljarizzaw ruħhom mal-ħidma, l-istorja u l-funzjonament tal-Istituzzjoni u tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew jilqa' għadd kbir ta' viżitaturi fid-diversi postijiet, ċentri tal-viżitaturi u mużewijiet li għandu.

L-offerta tal-PE għall-viżitaturi hija varjata u indirizzata lil gruppi u viżitaturi individwali.

Kull sena, madwar nofs miljun persuna mill-UE u lil hinn minnha jżuru l-Kamra tal-Plenarja (l-Emiċiklu) tal-Parlament Ewropew fi Brussell u Strasburgu. Ħafna minn dawn il-viżitaturi jiġu bħala parti minn grupp (fuq stedina ta' MEP jew waħedhom), iżda l-għadd ta' viżitaturi individwali żdied f'dawn l-aħħar snin. Il-gruppi jintlaqgħu mill-membri tal-persunal tal-Parlament, li jkellmuhom dwar il-ħidma u r-rwol tal-Parlament Ewropew. Il-gruppi jistgħu jiltaqgħu mal-MEPs u jżuru l-Emiċiklu. Viżitaturi individwali jistgħu jżuru l-Emiċiklu bi gwida multimedjali interattiva b'24 lingwa, isegwu sessjoni plenarja jew jibbukkjaw taħdita fl-Emiċiklu ma' wieħed mill-kelliema tal-Parlament.

Il-Parlament Ewropew jemmen li l-pubbliku għandu jkollu aċċess faċli għall-proċedimenti u l-bini tiegħu, għax iqis li t-trasparenza hija importanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi fl-Unjoni Ewropea. Peress li, għal ħafna ċittadini tal-UE, l-ispiża tal-ivvjaġġar lejn Brussell u Strasburgu tista' tkun projbittiva minħabba d-distanzi twal involuti, f'xi każijiet il-Parlament jgħin billi jkopri parti mil-ispejjeż tal-gruppi.

Viżitaturi fil-Parlament fi Brussell  

Il-viżitaturi li jiġu Brussell jistgħu jżuru wkoll il-Parlamentarium u Dar l-Istorja Ewropea, li huma barra l-bini tal-Parlament Ewropew u jkunu miftuħin fi tmiem il-ġimgħa. Fil-Parlamentarium issir ukoll logħba tar-rwoli popolari għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji, li hija mfassla fuq il-mod kif jaħdem il-Parlament Ewropew u li fiha l-parteċipanti jagħmluha ta' MEPs u jinnegozjaw leġiżlazzjoni li taffettwa l-ħajja ta' kuljum tal-Ewropej.

Parti miż-żjara fi Strasburgu tinkludi l-ispazju għall-wirjiet magħruf bħala l-Parlamentarium Simone Veil , li fih ċinema ta' 360 grad u għodod interattivi. Il-bini tal-Parlament ta' Strasburgu jospita wkoll il-programm tal-istudenti Euroscola, li joffri lil eluf ta' studenti bejn is-16 u t-18-il sena l-esperjenza li jsiru MEP għal ġurnata.

Il-Parlament Ewropew fetaħ ċentri tal-viżitaturi oħrajn iżgħar fl-Istati Membri biex ikompli joqrob lejn iċ-ċittadini. Huwa ppjanat li jkun hemm ċentru f'kull Stat Membru. L-għan ta' dawn l-Europa Experiences hu li jġibu l-Ewropa qrib in-nies, joffrulhom informazzjoni u jħeġġuhom jinvolvu ruħhom.


Il-viżitaturi mhumiex offruti biss żjarat fiżiċi. Il-Parlament Ewropew żied l-offerta online/diġitali tiegħu u issa qed joffri, pereżempju, Taħditiet Online mal-PE u Seminars għaż-Żgħażagħ Ewropej online.

Waqt it-Taħditiet Online mal-PE, il-viżitaturi jistgħu japprofondixxu l-għarfien tagħhom dwar is-setgħa, ir-rwol u l-attivitajiet ta' din l-istituzzjoni bi preżentazzjoni online u sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet adattati għall-interessi tal-grupp. Taħdita Online mal-PE tkun disponibbli b'waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Waqt is-Seminars għaż-Żgħażagħ Ewropej online, żgħażagħ minn pajjiżi differenti tal-UE jingħaqdu flimkien biex iħabbtu l-ideat, jiddiskutu u jiddibattu l-isfidi soċjali. Bħala parti minn grupp multikulturali, ikunu qed jaħdmu fuq suġġetti rilevanti għall-Ewropa tal-lum. Il-parteċipanti joħorġu b'soluzzjonijiet innovattivi u jippreżentawhom lil xi Membru tal-Parlament Ewropew. Is-Seminars għaż-Żgħażagħ Ewropej online ġeneralment ikunu disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Kull sena, fil-bidu ta' Mejju, il-Parlament jiċċelebra Jum l-Ewropa b'diversi attivitajiet fi Strasburgu u Brussell organizzati mis-servizzi u l-gruppi politiċi differenti tal-Parlament.