Is-salarji u l-pensjonijiet 

Kemm jitħallsu l-Membri tal-Parlament Ewropew?

Skont l-istatut uniku għall-Membri li ilu fis-seħħ minn Lulju 2009, il-Membri tal-Parlament Ewropew lkoll jirċievu l-istess salarju.


Is-salarju gross ta’ kull xahar tal-Membri tal-Parlament Ewropew skont l-istatut uniku, huwa EUR 8.932,86 qabel ma tinqata' t-taxxa (minn Lulju 2019). Dan is-salarju jiġi mill-baġit tal-Parlament. Il-Membri tal-Parlament Ewropew kollha jħallsu kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tal-assigurazzjoni tal-UE, u wara dan is-salarju huwa EUR 6.962,95. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE jobbligaw lill-Membri tal-Parlament Ewropew tagħhom iħallsu taxxa nazzjonali addizzjonali lill-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Is-salarju finali (salarju wara t-taxxi) għal Membru individwali għalhekk jiddependi fuq ir-regoli dwar it-tassazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini tal-Membru.


Hemm ftit eċċezzjonijiet għall-istatut uniku: Il-Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-Parlament qabel l-elezzjonijiet tal-2009 jistgħu jagħżlu li jżommu s-sistema nazzjonali preċedenti tagħhom għas-salarju (li fiha tħallsu l-istess ammont bħal Membri Parlamentari nazzjonali), l-allowances u l-pensjonijiet tranżitorji, għat-tul kollu li huma MPE.


Il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati għal pensjoni? Kemm hija?


Il-Membri huma intitolati għal pensjoni tal-età minn meta jagħlqu 63 sena. Il-pensjoni hija ugwali għal 3.5 % tas-salarju għal kull sena sħiħa ta' eżerċizzju tal-mandat, iżda ma tistax tkun aktar minn total ta' 70 %. Dawn il-pensjonijiet jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.


Skema ta’ pensjoni addizzjonali, li kienet ġiet introdotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew fl-1989, minn Lulju 2009 ma baqgħetx tilqa' membri ġodda, u qed titneħħa gradwalment.