Sommarju tal-allowances 

Ħafna mill-ħidma tal-Membri tal-Parlament Ewropew tinvolvi li jkunu 'l bogħod mid-dar u mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Għalhekk, huma disponibbli numru ta' allowances biex jiġu koperti l-ispejjeż involuti (il-figuri kollha mill-2020).


Spejjeż tal-ivvjaġġar


Il-parti l-kbira tal-laqgħat tal-Parlament Ewropew, bħas-sessjonijiet plenarji, il-laqgħat tal-kumitati u l-laqgħat tal-gruppi politiċi, issir fi Brussell jew fi Strasburgu. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jingħataw rimborż tal-ispejjeż effettivi tal-biljetti li jkunu użaw għall-vjaġġi biex jattendu dawn il-laqgħat meta jippreżentaw l-irċevuti, sa massimu ekwivalenti għal tariffa ta' biljett "business class" (jew simili) bl-ajru, tariffa ta' biljett tal-ewwel klassi bil-ferrovija jew EUR 0.53 għal kull kilometru għall-vjaġġi bil-karozza (sa massimu ta' 1 000 km), minbarra allowances fissi bbażati fuq id-distanza u t-tul ta' żmien tal-vjaġġ li jkopru l-ispejjeż l-oħra tal-vjaġġi (bħan-nollijiet tal-awtostradi, l-ispejjeż għall-bagalji b'piż eċċessiv jew il-ħlasijiet biex isiru l-prenotazzjonijiet).


Il-Membri ta' spiss ikollhom jivvjaġġaw barra jew ġewwa l-Istat Membru fejn ġew eletti, kemm biex jaqdu d-dmirijiet uffiċjali tagħhom kif ukoll għal skopijiet differenti (pereżempju, biex jattendu konferenza jew jieħdu sehem fi żjara ta' xogħol). Għall-attivitajiet barra mill-pajjiż tagħhom stess, il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jibbenefikaw minn rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ta' soġġorn u spejjeż oħra b'rabta ma' dan sa ammont massimu annwali ta' EUR 4 503. Għall-attivitajiet fl-Istat Membru ta' elezzjoni tagħhom, huma biss l-ispejjeż tat-trasport li jiġu rimborżati, b'ammont massimu annwali stabbilit skont il-pajjiż.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew jingħataw rimborż tal-ispejjeż effettivi tal-biljetti li jkunu użaw għall-vjaġġi tagħhom © Parlament Ewropew  

Allowance kwotidjana (magħrufa wkoll bħala "allowance ta' sussistenza").


Il-Parlament iħallas allowance b'rata fissa ta' EUR 323 biex ikopri l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż relatati għal kull ġurnata li l-Membri tal-Parlament Ewropew jkunu preżenti fi Brussell jew Strasburgu fuq xogħol uffiċjali, bil-kundizzjoni li jiffirmaw reġistru biex jiċċertifikaw il-preżenza tagħhom. L-allowance tkopri l-kontijiet tal-lukandi, l-ikliet u kwalunwe spiża oħra involuta. L-allowance titnaqqas bin-nofs, jekk il-Membri tal-Parlament Ewropew jonqsu milli jattendu għal aktar min-nofs il-votazzjonijiet b'sejħa tal-ismijiet fi ġranet meta jsiru l-votazzjonijiet f'seduti plenarji, anke jekk kienu preżenti u ffirmaw ir-reġistru tal-attendenza.


Għal-laqgħat li jsiru barra mill-UE, l-allowance hi ta' EUR 162 (għal darba oħra bil-kundizzjoni li jiġi ffirmat reġistru) u jingħata rimborż separat għall-kontijiet tal-lukandi.


Allowance għall-Ispejjeż ġenerali


Din l-allowance b'rata fissa hija intiża biex tkopri l-ispiża li tirriżulta mill-attivitajiet parlamentari tal-Membri, bħall-ispejjeż għall-kera u l-ġestjoni ta' uffiċċji, it-telefonati u l-abbonamenti, l-attivitajiet ta' rappreżentazzjoni, kompjuters u telefowns, l-organizzazzjoni ta' konferenzi u wirjiet. L-allowance titnaqqas bin-nofs għall-Membri li, mingħajr il-ġustifikazzjoni dovuta, ma jattendux għal nofs is-seduti plenarji f'sena parlamentari waħda (minn Settembru sa Awwissu).


Fl-2020, l-allowance hija ta’ EUR 4.563 fix-xahar.


Spejjeż mediċi


Il-Membri huma intitolati għal rimborż ta' żewġ terzi mill-ispejjeż mediċi tagħhom. Minbarra l-proporzjon tar-rimborż, ir-regoli u l-proċeduri fid-dettall għal din is-sistema huma l-istess bħal ta' dik li tkopri lill-uffiċjali pubbliċi tal-UE.


Allowance ta' tmiem il-mandat


Fi tmiem il-mandat tagħhom, il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati għal allowance tranżitorja, ekwivalenti għas-salarju tagħhom, għal xahar għal kull sena li kienu fil-kariga. It-tul ta' żmien massimu ta' din l-allowance huwa sentejn. Fejn Membru tal-Parlament Ewropew preċedenti jieħu mandat f'parlament jew uffiċċji pubbliku ieħor, is-salarju li jirċievi minn din il-funzjoni l-ġdida jiġi paċut mill-allowance tranżitorja. Jekk il-Membru tal-Parlament Ewropew ikun intitolat għal pensjoni tal-età jew tal-invalidità simultanjament, ma jistax jirċevihom it-tnejn iżda jkollu jagħżel waħda jew l-oħra.


Intitolamenti oħra


Il-Parlament jipprovdi uffiċċji mgħammra għall-Membri tal-Parlament Ewropew kemm fi Brussell, kif ukoll fi Strasburgu. Il-Membri jistgħu jagħmlu użu mill-vetturi uffiċjali tal-Parlament meta jkunu fuq xogħol uffiċjali fi kwalunkwe waħda minn dawn il-bliet.