Għaliex Strasburgu ġie nnominat is-sede uffiċjali tal-Parlament Ewropew? 

Il-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu © Unjoni Ewropea 2018 - PE.  

Id-deċiżjoni fl-1992 ifformalizzat sitwazzjoni li diġà kienet teżisti dak iż-żmien u li rriflettiet kompromessi milħuqa tul numru ta' snin.


Meta twaqqfet il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) ftit snin wara t-tieni Gwerra Dinjija, fl-1952, li stabbiliet ġestjoni konġunta tar-riżervi tal-azzar u l-faħam ta' sitt pajjiżi, inklużi l-Ġermanja u Franza, l-istituzzjonijiet tagħha kienu jinstabu fil-Lussemburgu. Il-Kunsill tal-Ewropa (korp intergovernattiv għad-drittijiet tal-bniedem u l-kultura ta' 47 pajjiż li ġie stabbilit ukoll immedjatament wara l-perjodu tat-tieni Gwerra Dinjija), kien diġà bbażat fi Strasburgu u offra l-kamra plenarja tiegħu għal-laqgħat tal-"Assemblea Komuni" tal-KEFA, li kienet se tiżviluppa fil-Parlament Ewropew. Strasburgu gradwalment sar is-sede primarja tas-seduti plenarji tal-Parlament, għalkemm sessjonijiet addizzjonali kienu jiġu organizzati wkoll fil-Lussemburgu fis-sittinijiet u fis-sebgħinijiet.


Wara li ġiet stabbilita l-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1958, ħafna mill-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ministri bdiet issir fi Brussell. Ladarba x-xogħol tal-Parlament jinvolvi monitoraġġ u interazzjoni mill-qrib ma' dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, matul iż-żmien il-Membri ddeċidew li jwettqu iktar xogħol minn tagħhom fi Brussell. Fil-bidu tad-disgħinijiet, l-arranġament preżenti kien bejn wieħed u ieħor stabbilit, ladarba l-laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi politiċi bdew jitwettqu fi Brussell u s-seduti plenarji ewlenin fi Strasburgu. Parti ewlenija tal-persunal tal-Parlament huwa bbażat fil-Lussemburgu.