Kemm hemm Membri tal-Parlament Ewropew? 

Il-MPE waqt li qed jivvutaw  

Il-Parlament huwa kompost minn 705 MPE u jirrappreżentaw il-pajjiżi kollha tal-UE.


Abbażi ta' proposta tal-Parlament Ewropew fi Frar 2018, il-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2018 adotta deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew. Din tistabbilixxi n-numru ta' rappreżentanti f'kull Stat Membru li għandu jiġi elett fil-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura 2019-2024.


Qebel it-tluq tar-Renju Unit, il-Parlament kellu 751 MPE.  Mit-73 siġġu li tħallew vojta mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, 27 siġġu ġew allokati mill-ġdid sabiex jiġi rifless aħjar il-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva.


Is-27 siġġu ġew distribwiti lil Franza (+5), Spanja (+5), l-Italja (+3), in-Netherlands (+3), l-Irlanda (+2), l-Iżvezja (+1), l-Awstrija (+1), id-Danimarka (+1), il-Finlandja (+1), is-Slovakkja (+1), il-Kroazja (+1), l-Estonja (+1), il-Polonja (+1) u r-Rumanija (+1). L-ebda Stat Membru ma tilef siġġu.


Ir-ridistribuzzjoni żgurat li s-siġġijiet ingħataw "b'mod oġġettiv, ġust, dejjiemi u trasparenti". F'konformita mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-distribuzzjoni l-ġdida ta' siġġijiet tirrispetta l-prinċipju ta' "proporzjonalità digressiva", fejn Stati Membri akbar ikollhom inqas siġġijiet minn Stati Membri iżgħar fir-rigward tal-popolazzjoni tagħhom; Membri tal-Parlament Ewropew minn Stati Membri akbar jirrappreżentaw aktar ċittadini minn dawk minn Stati Membri iżgħar.