Il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew 

Partiti politiċi f'livell Ewropew


X'inhu partit politiku f'livell Ewropew?


Partit politiku Ewropew huwa organizzazzjoni li ssegwi programm politiku. Dan il-partit huwa magħmul minn partiti nazzjonali u/jew individwi bħala membri, rappreżentati f'diversi Stati Membri u huwa rreġistrat mal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ("l-Awtorità") Kif imsemmi fit-Trattati "il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni".


Waħda mill-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent hija li l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jiġu rappreżentati minn, f'tal-anqas kwart mill-Istati Membri, membri tal-Parlament Ewropew, ta' parlamenti nazzjonali, ta' parlamenti reġjonali jew ta' assemblei reġjonali.


Ara l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea  biex issir taf aktar dwar dan.


Kif inhuma ffinanzjati l-partiti politiċi f'livell Ewropew?


Minn Lulju 2004, il-partiti politiċi Ewropej kellhom il-possibbiltà li jirċievu finanzjament annwali mill-Parlament Ewropew fil-forma ta' għotja operattiva. Din tista' tkopri sa 90 % tan-nefqa ta' partit, filwaqt li l-kumplament jenħtieġ li jiġi kopert mir-riżorsi proprji, bħal miżati tas-sħubija u donazzjonijiet. Regoli ġodda ta' finanzjament għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ġew approvati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' April 2018.


X'jista' u x'ma jistax jitħallas mill-għotja?


L-għotja hija intenzjonata biex titħallas in-nefqa li hija direttament marbuta mal-objettivi stabbiliti fil-programm politiku tal-partit, bħal:

  • laqgħat u konferenzi,
  • pubblikazzjonijiet, studji u riklami,
  • spejjeż amministrattivi, tal-persunal u tal-ivvjaġġar, jew
  • spejjeż tal-kampanja li huma relatati mal-elezzjonijiet Ewropej.

L-għotja ma tistax tintuża għal:

  • spejjeż tal-kampanja għal referenda u elezzjonijiet (ħlief għall-elezzjonijiet Ewropej),
  • finanzjament dirett jew indirett ta' partiti nazzjonali, kandidati għall-elezzjoni u fondazzjonijiet politiċi kemm f'livell nazzjonali u kemm f'dak Ewropew, jew
  • id-djun u l-ispejjeż għall-manutenzjoni tad-djun.

Fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew


X'inhi fondazzjoni politika f'livell Ewropew?


Fondazzjoni politika f'livell Ewropew hija affiljata ma' partit politiku Ewropew u hija l-bażi tal-objettivi ta' dak il-partit u tikkomplementahom. Fondazzjoni politika Ewropea twettaq analiżi u tikkontribwixxi għal dibattivi dwar kwistjonijiet dwar il-politika pubblika Ewropea. Hija tinvolvi ruħha wkoll f'attivitajiet relatati, bħall-organizzazzjoni ta' seminars, taħriġ, konferenzi u studji.


Kif inhi ffinanzjata fondazzjoni politika f'livell Ewropew?


Il-fondazzjonijiet ġew iffinanzjati minn Ottubru 2007 sa Awwissu 2008 permezz ta' għotjiet ta' azzjoni mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea skont proġett pilota. Minn Settembru 2008, il-Parlament Ewropew beda jieħu ħsieb il-finanzjament u issa jagħti għotjiet annwali operattivi. L-għotjiet jistgħu jkopru sa 90 % tan-nefqa tal-fondazzjoni, filwaqt li l-kumplament jenħtieġ li jiġi kopert mir-riżorsi proprji, bħal miżati tas-sħubija u donazzjonijiet.


X'jista' u x'ma jistax jitħallas mill-għotja?


L-għotja tista' tintuża biex titħallas in-nefqa marbuta b'mod dirett mal-attivitajiet stabbiliti fil-programm ta' attivitajiet tal-fondazzjoni, bħal:

  • laqgħat u konferenzi,
  • pubblikazzjonijiet, studji u riklami, jew
  • spejjeż amministrattivi, tal-persunal u tal-ivvjaġġar.

L-għotja ma tistax tintuża biex tiffinanzja nfiq bħal, fost l-oħrajn:

  • spejjeż tal-kampanja għal referenda u elezzjonijiet,
  • finanzjament dirett jew indirett ta' partiti nazzjonali, kandidati għall-elezzjoni u fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, jew
  • id-djun u l-ispejjeż għall-manutenzjoni tad-djun.

Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej


Mill-2016 il-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej ġew irreġistrati u kkontrollati mill-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (l-"Awtorità"), li tista' timponi wkoll sanzjonijiet fuqhom. L-Awtorità hija indipendenti mill-parlament tal-UE. Fejn jitqajmu dubji dwar jekk partit jew fondazzjoni humiex qed jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji, il-PE, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jressqu talba mal-Awtorità biex tiġi vverifikata s-sitwazzjoni. Qabel ma tasal għal deċiżjoni dwar jekk taqtax partit jew fondazzjoni mir-reġistru, l-Awtorità jeħtiġilha tikkonsulta ma' Kumitat ta' persuni eminenti indipendenti. L-Awtorità hija rrappreżentata mid-Direttur tagħha li jieħu d-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità f'isimha.