Verifika tal-Membri tal-Parlament Ewropew l-ġodda
Il-kredenzjali tal-Membri tal-Parlament Ewropew li għadhom kemm ġew eletti huma verifikati biex jiġi stabbilit li huma ma jkollhomx kariga oħra li ma tkunx kompatibbli mas-sħubija tal-membri tal-Parlament Ewropew. Karigi inkompatibbli jinkludu li wieħed ikun membru ta' gvern jew ta' parlament ta' Stat Membru tal-UE, membru tal-Kummissjoni Ewropea, membru tal-Qorti tal-Ġustizzja, membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali Ewropew, membru tal-Qorti tal-Awdituri, jew membru tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Uffiċjali attivi tal-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-UE stabbiliti skont it-trattati tal-UE biex jimmaniġġjaw il-fondi tal-Komunità lanqas ma jitħallew ikunu Membri tal-Parlament Ewropew.
Wara li jkunu uffiċjali r-riżultati tal-elezzjoni, l-Istati Membri tal-UE jikkomunikaw l-ismijiet ta' dawk li rebħu siġġu lill-PE u l-President jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata kwalunkwe inkompatibilità fil-karigi.
Qabel ma jieħdu s-siġġijiet tagħhom, il-Membri tal-Parlament Ewropew l-ġodda li l-elezzjoni tagħhom tkun ġiet notifikata lill-Parlament jeħtiġilhom jiddikjaraw bil-miktub li m'għandhom l-ebda kariga li hija inkompatibbli ma' dik ta' Membru tal-Parlament Ewropew. Din id-dikjarazzjoni teħtieġ li ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem qabel is-seduta kostituttiva tal-Parlament.
Il-kredenzjali ta' Membri tal-Parlament Ewropew l-ġodda jiġu vverifikati ex post mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament li jfassal deċiżjoni bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Id-deċiżjoni mbagħad tiġi mgħoddija lill-President li jinforma lill-plenarja matul is-seduta li jmiss. Minbarra l-verifika tal-kredenzjali, il-Parlament jiddeċiedi wkoll dwar kwalunkwe tilwim skont l-Att tal-20 ta' Settembru 1976, ħlief dak ibbażat fuq liġijiet elettorali nazzjonali.
Fejn jiġi stabbilit li Membru tal-PE għandu kariga inkompatibbli, il-Parlament "għandu jistabbilixxi li hemm post vakanti."