Aċċessibbiltà għall-Parlament Ewropew għall-persuni b'diżabilità 

Matul is-snin, bosta miżuri tejbu b'mod qawwi l-aċċessibbiltà għall-Membri, il-persunal u l-viżitaturi b'diżabilità. Il-proġetti kollha l-ġodda biex jiġi estiż, rinnovat jew mgħammar il-bini tiegħu jridu mill-bidu nett jiżguraw aċċessibbiltà għal persuni b'diżabilità bħala prijorità.


Il-bini kollu tal-Parlament irid ikollu tal-anqas entratura waħda li hija aċċessibbli permezz ta' siġġu tar-roti. Il-parkeġġi tal-karozzi fit-tliet ibliet fejn jinstab il-Parlament (Brussell, Strasburgu u Lussemburgu) għandhom spazji riżervati għal sewwieqa b'diżabilità, u l-kafeteriji huma mgħammra b'imwejjed u reġistri tal-flus kontanti aġġustati għal persuni li jużaw siġġu tar-roti. Klieb imħarrġa għal kompitu ta' ħidma partikolari huma permessi fil-bini tal-Parlament.

Aċċessibbiltà għal persuni b'diżabilità fil-Parlament Ewropew © Parlament Ewropew.  

Minbarra dawn il-faċilitajiet b'aċċess faċli, l-aċċessibbiltà diġitali tal-Parlament ittejbet b'mod stabbli matul dawn l-aħħar snin, b'żieda fit-teknoloġiji assistivi disponibbli fuq talba. Għal dawk neqsin mis-smigħ, jistgħu jiġu pprovduti ċirkwiti ta' induzzjoni u interpreti tal-lingwa tas-sinjali jistgħu jintalbu minn qabel. Għal dawk b'vista batuta, l-istampar u d-displejs bil-braille, l-għajnuniet għall-qari u l-programmi li jaqraw l-iskrin huma biss ftit mit-teknoloġiji assistivi użati.


F'konformità mad-Direttiva tal-UE għall-aċċessibbiltà tas-siti web tal-korpi tas-settur pubbliku, is-sit web tal-Parlament ġie adattat biex isegwi l-linji gwida tal-inizjattiva għall-aċċessibbiltà tal-internet (WAI) (https://www.w3.org/WAI/). Il-paġni web saru aktar ċari u aktar faċli biex jintużaw, u l-kontenut jibqa' l-istess meta wieħed jaċċessah permezz ta' programmi li jaqraw l-iskrin. Il-kontenut multimedjali sar aktar aċċessibbli wkoll biż-żieda ta' sottotitoli u traskrizzjonijiet.