Ombudsman Ewropew: “Kuntent li nista’ naqdi ċ-ċittadini”

Meta Nikiforos Diamandouros, l-Ombudsman Ewropew, ippreżenta r-rapport annwali tiegħu għall-2010 lill-plenarja fi Strasburgu li saret f’Ottubru 2011, l-MEPs ferħulu għall-ħidma tiegħu iżda ddeploraw l-għadd kbir ta’ ilmenti li qed jiżdiedu kontra l-Kummissjoni. Is-Sur Diamandouros kellimna dwar ir-rwol tiegħu u l-ilmenti li t-tim tiegħu jirċievi.

Nikiforos Diamandouros, Ombudsman Ewropew
Nikiforos Diamandouros, Ombudsman Ewropew

Fl-2010, l-Ewropej ilmentaw inqas mis-sena ta‘ qabel, għalfejn?


Ħafna ċittadini ma jifhmux x’jaqa’ taħt il-mandat tiegħi u x’ma jaqax. Biex jasal għandi, ilment irid jissodisfa żewġ kundizzjonijiet: irid ikun dwar ksur tal-liġi tal-UE minn istituzzjoni tal-UE. Madwar 70 % tal-ilmenti li jaslu għandi kellhom imorru għand l-Ombudsmen nazzjonali.  Biex dan jiġi evitat, għamilt reviżjoni profonda tal-websajt tiegħi. Issa fiha gwida interattiva b’saħħitha, li tagħti tweġibiet dwar ilmenti possibbli. Kien hemm tnaqqis ta’ 23 % fl-għadd ta’ ilmenti mhux ammissibbli, li issa qed imorru fil-post it-tajjeb – li huwa suċċess.


X’kienu l-aktar allegazzjonijiet komuni li eżaminajt fl-2010?


L-allegazzjonijiet jiġu f'ħames kategoriji prinċipali:  1. in-nuqqas ta’ trasparenza, 2. is-sejħiet għall-offerti u l-għotjiet, 3. l-ilmenti tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE (qabel jew flok imorru l-qorti), 4. l-EPSO (Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal ) u 5. ir-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattati. Kull ċittadin jista’ jilmenta jekk hu jew hi jqis li l-Kummissjoni ma indirizzatx proċedura ta' ksur b'mod adegwat, f'każijiet fejn Stat Membru jkun naqas milli jikkonforma mal-liġi tal-UE.


Hemm każ wieħed li jispikka fuq l-oħrajn?


L-arma deċiżiva li għandi hi li rressaq rapport speċjali quddiem il-PE. Is-sena l-oħra għamilt hekk wara li kummissarju rrifjuta l-aċċess għal dokumenti marbuta mal-produttur tal-karozzi Ġermaniż Porsche għal 15-il xahar - meta l-obbligu legali huwa 3 xhur.


L-istituzzjonijiet Ewropej jikkonformaw sew mad-deċiżjonijiet tiegħek, iżda xorta tirċievi għadd ta’ tweġibiet mhux sodisfaċenti għar-rimarki tiegħek. Kif tindirizza din il-problema?


Nissorvelja kif l-istituzzjonijiet ikunu segwew il-kritika tiegħi. Sitt xhur wara li nkun għamilt il-kritika tiegħi, nistedinhom jgħiduli x'azzjoni ħadu u b'hekk inġegħelhom jagħtu rendikont.


Fl-istrateġija l-ġdida, introduċejt djalogu kontinwu mal-petizzjonanti. Għaliex huwa importanti?


It-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ id-djalogu maċ-ċittadini. Bħala istituzzjoni li tieħu ħsieb l-ilmenti, huwa loġiku għalija li nippruva nilħaq iċ-ċittadini b’mod sistematiku u anki neduka l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jagħmlu l-istess. 


X’jogħġbok l-aktar mix-xogħol tiegħek?


Huwa ta' pjaċir għalija li jkolli x'naqsam ma' servizz ċivili professjonali tajjeb li jaf ir-regoli tal-logħba. Anki meta l-istituzzjonijiet tal-UE ma jkunux jafu l-liġi biżżejjed, nista’ ninvolvi ruħi fi djalogu sinifikanti magħhom. Jogħġobni xogħli wkoll għaliex jagħtini l-opportunità li nilħaq iċ-ċittadini tas-27 Stat Membru kif ukoll lil dawk fil-pajjiżi kandidati. Jogħġobni li nista’ naqdi ċ-ċittadini u mmexxi kultura ta’ servizz.

Iktar informazzjoni