Il-postazzjoni tal-ħaddiema: “Il-liġi qiegħda hemm, jonqos biss li npoġġuha fil-prattika”

Is-Suq Uniku Ewropew jippermetti lill-kumpaniji jibagħtu l-ħaddiema tagħhom f’pajjiżi oħra tal-UE sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom hemmhekk. Iżda ħafna qed jibżgħu li din il-possibilità qed tiġi abbużata biex jiġu evitati r-regoli tax-xogħol fis-suq lokali. Din il-ġimgħa l-MPE se jivvutaw biex jitwaqqaf dan l-abbuż u jipproteġu aħjar id-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati.

ITW with Danuta Jazlowiecka
Danuta Jazlowiecka

Tkellimna mar-rapporteur tal-PE Danuta Jazłowiecka (PPE, Polonja) qabel id-dibattitu tal-15 ta’April u l-votazzjoni fis-16 ta’ April fil-plenarja.



Ħafna jitħasbu dwar il-possibilità li l-istazzjonar tal-ħaddiema jista’ jwassal għal nuqqas fl-istandards tas-sigurtà soċjali u għall-kompetizzjoni inġusta. Kif nistgħu nassiguraw ruħna li dan ma jkunx il-każ?


Il-liġi hemm qiegħda, jonqos biss li npoġġuha fil-prattika. Fid-direttiva tal-infurzar, li se nivvutaw fuqha nhar l-Erbgħa, insibu bosta strumenti li se jgħinu jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema u jiżguraw li t-termini u l-kundizzjonijiet minimi tal-impjieg qed jiġu applikati. Barra minn hekk dawn l-istrumenti se jiżguraw li l-istandards tas-sigurtà soċjali huma fis-seħħ f’kull Stat Membru.


Inti ġejja mill-Polonja, wieħed mill-pajjiżi li huwa magħruf li jibgħat ħafna ħaddiema stazzjonati. B’din il-leġiżlazzjoni, dawn se jkollhom aktar protezzjoni?


Din mhix biss dwar il-ħaddiema Pollakki. Franza u l-Ġermanja huma wkoll fost dawk il-pajjiżi li jibgħatu ħafna ħaddiema stazzjonati. Din id-direttiva se tobbliga lill-Istati Membri sabiex joħolqu mekkaniżmi li jippermettu l-ħaddiema stazzjonati jirċievu xi intitolamenti li jkunu dovuti lilhom. Fil-każ tal-kostruzzjoni, kemm il-kuntratturi kif ukoll is-sottokuntratturi se jkunu responsabbli f’każ ta’ xi problemi.


Se noħolqu siti nazzjonali uffiċjali sabiex nipprovdu d-dettalji kollha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiżi rispettivi. Barra minn hekk, kull Stat Membru se jadotta mekkaniżmi effettivi ta’ kontrol.


Fis-settur tal-kostruzzjoni, kemm il-kuntratturi kif ukoll is-sottokuntratturi se jkunu responsabbli għal kwalunkwe abuż possibbli. Imma x’se jkun il-każ fis-setturi l-oħra tal-ekonomija?


Dan l-obbligu fis-settur tal-kostruzzjoni kien importanti minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ dan is-settur u l-katina twila ta’ sottokuntratturi involuti. Se jkun possibbli għall-Istati Membri li jestendu l-mekkaniżmu għal setturi oħra jekk dan ikun meħtieġ. Ħaġa verament importanti hi li din id-direttiva tal-infurzar ma tikkontestax mekkaniżmi li huma diġà fis-seħħ fil-pajjiżi tal-Ġermanja, Franza jew l-Italja.