Droni: Regoli għall-UE kollha għal smewwiet iktar sikuri

L-ewwel regoli li qatt kellha l-UE dwar id-droni ser jipproteġu lill-konsumaturi u lin-negozji, billi jiżguraw is-sikurezza u r-rispett tal-protezzjoni tad-data, il-privatezza u l-ambjent.

Silhouette of drone flying
Silhouette of drone flying - ©AP Images/European Union-EP

Fit-12 ta' Ġunju, il-MPEs adottaw regoli ġodda dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni biex jippermettu lil droni ta' kull daqs jittajru b'mod sikur fl-ispazju tal-ajru tal-UE u jiggarantixxu ċarezza u koerenza madwar l-Ewropa.

Għaliex huma meħtieġa regoli għall-UE kollha dwar id-droni?

 

Filwaqt li l-inġenji tal-ajru jaqgħu taħt regoli ġenerali tal-UE dwar l-avjazzjoni, inġenji mingħajr ekwipaġġ li jiżnu inqas minn 150 kg huma rregolati fil-livell nazzjonali. Standards differenti u frammentati għal kull pajjiż tal-UE jikkumplikaw il-kummerċ transfruntier u huma perikolużi. Id-droni joħolqu għadd ta' riskji ta' sikurezza: dawn jistgħu jagħmlu dannu lil inġenji tal-ajru oħra u jikkawżaw feriti kif ukoll tniġġis tal-arja u tal-istorbju. Barra minn hekk, droni b'kameras jistgħu jkunu intrużivi u jirreġistraw data personali mingħajr kunsens.

X'hemm ġdid?

Ir-regoli l-ġodda se japplikaw għall-partijiet kollha tad-droni (inklużi l-magni, il-kontrolli mill-bogħod) u se jiggarantixxi li l-operaturi u l-produtturi madwar l-UE jirrispettaw is-sikurezza, il-privatezza, id-data personali u l-ambjent:

  • L-operaturi se jkunu meħtieġa jżommu d-droni fl-iktar punt għoli u mbiegħed biex jiġi evitat li jkun hemm periklu għan-nies fuq l-art u l-utenti l-oħra tal-ispazju tal-ajru.
  • L-aċċess għal żoni ġeografiċi speċifiċi bħal ajruporti, ambaxxati, ħabsijiet u impjanti nukleari ser ikun ristrett jew ipprojbit.
  • Ir-reġistrazzjoni tad-droni li jistgħu jagħmlu ħsara lill-persuni se tkun obbligatorja. L-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ huma kkunsidrati ta' dannu meta jkunu jistgħu jittrasferixxu aktar minn 80 joule ta' enerġija kinetika fuq l-impatt. Droni rreġistrati ser ikunu mmarkati biex jiġu identifikati faċilment.
  • Id-droni iridu jkunu ddisinjati b'mod li jnaqqsu kemm jista' jkun it-tniġġis tal-istorbju u tal-arja.

Tabella informattiva

X'inhu dron u kif jista' jintuża?

Droni huma inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, oriġinarjament żviluppati għal użu militari. Issa dawn qed jintużaw għal firxa ta' attivitajiet minn ritratti u ffilmjar għal operazzjonijiet ta' salvataġġ, spezzjonijiet ta' pipelines u tbexxix tal-uċuħ tar-raba'.

Is-suq tad-droni tal-UE

Is-settur tad-droni Ewropew qed jiżviluppa malajr ħafna. Ir-riċerka tissuġġerixxi li s-settur tad-droni se joħloq 'il fuq minn 150 000 impjieg ġdid sal-2050. Ġie wkoll stmat li fi żmien 10 snin, l-industrija tad-droni tista' tkun tirrappreżenta 10 % tas-suq tal-avjazzjoni totali tal-UE (madwar EUR 15 biljun fis-sena).

Il-passi li jmiss

Ladarba l-leġiżlazzjoni l-ġdida tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni Ewropea se jkollha taħdem fuq regoli aktar dettaljati (att ta' implimentazzjoni).