Il-Parlament jivvota dwar taxxa diġitali fil-livell Ewropew

L-MEPs ivvutaw dwar l-introduzzjoni ta' taxxa diġitali, l-ewwel waħda tat-tip tagħha, immirata lejn il-kumpaniji teknoloġiċi l-kbar.

Illustration image of digital taxes. ©AP images/European Union-EP
©AP images/European Union-EP

Nhar il-Ħamis 13 ta' Diċembru, l-MEPs ivvutaw fuq żewġ rapporti li jistiednu lill-UE tintroduċi sistema komuni għat-tassazzjoni tas-servizzi diġitali offruti mill-ġganti tat-teknoloġija, li tippermetti lill-Istati Membri jintaxxaw il-profitti ġġenerati fit-territorju tagħhom anki jekk kumpanija ma jkollhiex preżenza fiżika hemmhekk.


Filwaqt li l-ekonomija globali saret dejjem aktar diġitali – li wassal għal modi ġodda ta' kif isir in-negozju – ir-regoli attwali dwar it-tassazzjoni korporattiva ġew żviluppati prinċipalment matul is-seklu 20. Bħalma jgħidu ż-żewġ rapporti, dawn ir-regoli ma jaqbdux il-portata tal-attivitajiet diġitali, fejn il-provvista ta' servizzi diġitali ma tirrikjedix preżenza fiżika.


L-isfidi involuti


Peress li l-problema tal-intaxxar tal-ekonomija diġitali hija ta' natura globali, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem attivament fl-OECD biex tinsab soluzzjoni fil-livell internazzjonali.


Madankollu, sakemm tinstab soluzzjoni, il-Parlament irid jistabbilixxi sistema komuni għal taxxa fuq is-servizzi diġitali.


Ir-rapport miktub mill-membru Olandiż tal-S&D, Paul Tang, jipproponi li t-taxxa tkun immirata lejn il-kumpaniji diġitali l-kbar li jiġġeneraw dħul madwar id-dinja mill-provvista ta' servizzi diġitali, bħall-magni tat-tiftix, il-pjattaformi tal-midja soċjali u s-swieq online.


Rapport ieħor, imħejji mill-membru Pollakk tal-PPE Dariusz Rosati, jgħid li d-deċiżjoni biex jiġi determinat jekk kumpanija għandhiex "preżenza diġitali" taxxabbli fi Stat Membru għandha tkun ibbażata fuq id-dħul mill-provvista ta' servizzi diġitali (dħul annwali ogħla minn €7 miljun), l-għadd ta' utenti (aktar minn 100,000 utent fi Stat Membru wieħed) jew l-għadd ta' kuntratti kummerċjali għal servizzi diġitali (aktar minn 3,000).


Rosati qal li "wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni" u li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem filwaqt li tkompli taħdem ukoll fuq soluzzjoni internazzjonali fil-livell tal-OECD.


Tang qal li jiddispjaċih li l-ministri tal-finanzi tal-UE naqsu milli jadottaw taxxa fuq is-servizzi diġitali waqt il-laqgħa tagħhom il-ġimgħa ta' qabel. Minflok, ippreżentaw proposta ferm inqas b'saħħitha li mhix se tidħol fis-seħħ qabel l-2021.


Tang kompla jgħid li "huwa inġust għall-kontributuri onesti – u dannuż għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi – li deċiżjoni vitali bħal din tiġi posposta".


"Irridu niżguraw li l-kumpaniji multinazzjonali diġitali bħal Google, Facebook u Amazon iħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxi, bħalma jagħmlu ċ-ċittadini ordinarji kollha u l-kumpaniji ż-żgħar. Iġġilidna biex inżidu l-kamp ta' applikazzjoni u r-rata ta' din it-taxxa diġitali u se nkomplu niġġieldu favur tassazzjoni ġusta fl-Ewropa."


Il-passi li jmiss


Il-Parlament għandu rwol konsultattiv biss f'dan kollu: id-deċiżjoni trid tittieħed fil-Kunsill b'unanimità.