Il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni ekonomika fl-Ewropa: fatti u ċifri

Żieda fl-esportazzjonijiet, l-impjiegi, l-opportunitajiet għall-kumpaniji... Skopri kif il-globalizzazzjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju għan-nies u l-intrapriżi fl-UE.

Veduta mill-għoli ta’ folla ta’ nies. ©AP Images/Unjoni Ewropea-PE
©AP Images/Unjoni Ewropea-PE

Il-globalizzazzjoni toħloq ħafna benefiċċji u opportunitajiet, kif ukoll sfidi. L-UE għandha l-għan li tħaddem il-globalizzazzjoni billi timmassimizza l-opportunitajiet tagħha u ttaffi l-effetti negattivi tagħha.

 

Aktar kummerċ għall-kumpaniji Ewropej

 

Ir-reġim kummerċjali Ewropew u l-għadd kbir ta' ftehimiet kummerċjali negozjati mill-UE jagħmluha reġjun tajjeb biex tinnegozja magħha. Hija l-aktar sieħba kummerċjali ewlenija għal 80 pajjiż.

 

B’riżultat ta’ dan, l-UE hija waħda mill-akbar atturi fil-kummerċ internazzjonali. Hija t-tieni l-akbar esportatur ta’ prodotti fid-dinja wara ċ-Ċina u t-tielet l-akbar importatur wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Barra minn hekk, l-UE hija n-negozjant ewlieni tas-servizzi.

Infografika dwar il-kummerċ globali
Infografika dwar il-kummerċ globali

Opportunitajiet ta’ xogħol

 

Il-globalizzazzjoni toħloq ukoll opportunitajiet ta’ xogħol. Fl-2019, aktar minn 38 miljun impjieg (wieħed minn kull ħamsa) fl-UE kienu appoġġati minn esportazzjonijiet lejn pajjiżi barra mill-UE.

 

Pereżempju: f’Malta fl-2019, l-esportazzjonijiet barra mill-UE appoġġaw 53 elf impjieg.

 

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk l-impjiegi relatati mal-esportazzjoni huma mħallsa tajjeb. Bħala medja dawn l-impjiegi jitħallsu 12 % aktar minn impjiegi oħrajn.

 

Aqra aktar dwar l-impatt tal-globalizzazzjoni fuq l-impjiegi

 

Vantaġġi għall-konsumaturi

 

Il-benefiċċji l-kbar tal-globalizzazzjoni u l-kummerċ għall-konsumatur jiġu mill-importazzjonijiet. Ftehimiet kummerċjali jfissru li l-importaturi jħallsu dazji aktar baxxi. Flimkien ma’ żieda fil-kompetizzjoni, dan ifisser prezzijiet aktar baxxi għall-prodotti u s-servizzi.

 

Il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw ukoll minn aktar għażla, hekk kif tiżdied il-varjetà ta’ prodotti u servizzi.

 

Il-benefiċċji ta’ prezzijiet aktar baxxi u aktar għażla ammontaw għal madwar EUR 600 fis-sena għal kull konsumatur tal-UE fl-2017.

 

Il-livell ta’ ġid u kumdità qed jiżdied filwaqt li l-istandards tal-għajxien qed jitjiebu.

 

Il-benefiċċji tal-kummerċ fi ħdan l-UE

 

Fi ħdan l-UE, is-suq uniku għandu l-għan li jneħħi l-ostakli għall-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE.

 

Is-suq uniku Ewropew huwa l-akbar żona ekonomika mingħajr ostakli fid-dinja. Dan il-qasam jinkludi kważi 450 miljun persuna bi prodott domestiku gross ta’ madwar EUR14,5 triljun fl-2021.

 

Huwa stmat li s-suq uniku ħoloq 2.8 miljun impjieg.

 

Aktar dwar il-globalizzazzjoni u l-UE

 

Ara l-artikoli li ġejjin: