Il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni: ir-risponsi tal-UE 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-UE hija waħda mill-akbar atturi fil-kummerċ internazzjonali. Ritratt ta' Alexandre Gonçalves da Rocha minn Pixabay  

Minħabba l-globalizzazzjoni, id-dinja kulma jmur qed issir aktar interkonnessa. Aqra kif l-UE u l-Parlament qed jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li toffri l-globalizzazzjoni.

Il-politika kummerċjali tal-UE


L-eżistenza ta' politika kummerċjali tal-UE tagħti aktar saħħa lill-pajjiżi tal-UE meta jinnegozjaw fil-livell bilaterali u f'korpi multinazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).


Il-politika kummerċjali tal-UE tiddependi fuq tliet tipi ta' għodod:

  • Ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi mhux membri tal-UE biex jinfetħu swieq ġodda u jiżdiedu l-opportunitajiet kummerċjali għall-kumpaniji tal-UE
  • Regolamentazzjoni tal-kummerċ, li tipproteġi lill-produtturi tal-UE mill-kompetizzjoni inġusta (eż. regoli tal-antidumping)
  • Is-sħubija tal-UE fid-WTO, li tistabbilixxi regoli internazzjonali tal-kummerċ. Il-pajjiżi tal-UE huma membri, iżda l-Kummissjoni Ewropea tinnegozja f'isimhom.

Fir-rigward tal-kummerċ u tal-investiment, il-Parlament Ewropew jiddeċiedi flimkien mal-Kunsill, li jirrappreżenta lill-Istati Membri. Il-Parlament irid jivvota favur il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali qabel ma dawn ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ. Il-Parlament jista' jinfluwenza n-negozjati billi jadotta riżoluzzjonijiet.

Aqra aktar dwar il-politika tal-kummerċ tal-UE

Il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni fl-UE


L-UE hi waħda mill-akbar atturi fil-kummerċ internazzjonali, flimkien mal-Istati Uniti u ċ-Ċina, u l-esportazzjonijiet mill-UE jirrappreżentaw aktar minn 15% tal-esportazzjonijiet dinjija.


Aktar minn 36 miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea jiddependu fuq l-esportazzjonijiet lil hinn mill-fruntieri tagħha. Bħala medja, kull biljun ewro esportazzjonijiet lejn pajjiżi mhux tal-UE jappoġġa aktar minn 13-il elf impjieg fl-UE.

Il-kummerċ internazzjonali jfisser aktar kompetizzjoni, u dan hu ta' benefiċċju għall-konsumaturi, għax il-kompetizzjoni tbaxxi l-prezzijiet u żżid l-għażla. Il-benefiċċji għall-konsumaturi tal-UE jammontaw għal madwar EUR 600 fis-sena għal kull persuna.


Skopri aktar dwaril-benefiċċji tal-globalizzazzjoni fl-Ewropa


Niġġestixxu l-impatt negattiv fuq l-impjiegi


Il-globalizzazzjoni toħloq ukoll sfidi fir-rigward tal-impjiegi, minħabba t-telf u r-rilokazzjoni tal-impjiegi.


Fl-UE, l-aktar setturi fraġli huma t-tessuti, il-ħwejjeġ, iż-żraben u l-ġilda, il-metalli bażiċi, il-prodotti tal-metall immanifatturat u l-industriji tal-manifattura, li fil-biċċa l-kbira joffru impjiegi b'livell baxx ta' ħiliet.


Sabiex jittaffa dan l-impatt negattiv tal-globalizzazzjoni, l-UE ħolqot il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2006. L-iskop ta' dan il-fond ta' emerġenza hu li jgħin lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg minħabba l-globalizzazzjoni.

Dan il-fond jikkofinanzja sa 60% tal-politiki tax-xogħol għall-impjegar mill-ġdid tal-ħaddiema jew għall-ħolqien ta' impriżi ġodda. Il-proġetti ffinanzjati mill-Fond jinkludu edukazzjoni u taħriġ, pariri dwar il-karrieri, kif ukoll għajnuna fit-tiftix ta' impjieg, mentoring u ħolqien ta' impriżi.

Aqra aktar dwar l-impatt tal-globalizzazzjoni fuq l-impjiegi u l-UE

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-kummerċ


L-UE għandha żewġ għodod tal-politika kummerċjali biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem: ftehimiet kummerċjali preferenzjali u restrizzjonijiet kummerċjali unilaterali.


L-UE ħadet passi biex tipprojbixxi l-importazzjoni ta' minerali relatati mal-kunflitti, kif ukoll l-esportazzjoni ta' oġġetti u servizzi li jaf jikkontribwixxu għat-tortura jew qtil, u oġġetti b'użu doppju li jistgħu jintużaw għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bħal spyware.

Fl-2017, il-Parlament ippropona regoli tal-UE li jobbligaw lill-fornituri tat-tessuti u tal-ħwejjeġ jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema. Fl-2016, il-Parlament talab f'riżoluzzjoni li jkun hemm modi biex tiġi traċċata l-evidenza ta' tħaddim furzat u ta' tħaddim tat-tfal, filwaqt li jingħataw preferenzi kummerċjali lil pajjiżi li jissodisfaw ċerti standards tax-xogħol u tkun projbita l-importazzjoni ta' prodotti magħmula mit-tfal.


Aqra aktar dwar il-politika kummerċjali tal-UE u d-drittijiet tal-bniedem