Hohlmeier: il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hi prijorità għall-baġit UE 2020

Il-baġit tal-UE 2020 għandu jinkludi aktar finanzjament tal-azzjoni klimatika u aktar investiment f'teknoloġiji sostenibbli, skont Monika Hohlmeier, in-negozjatriċi tal-baġit tal-Parlament.

ritratt ta' Monika Hohlmeier
Il-Membru tal-PE Monika Hohlmeier dwar il-baġit

Il-Parlament approva l-baġit għall-2020 fis-27 ta' Novembru, wara ġimagħtejn ta' negozjati mal-Kunsill. Dan imbagħad ġie ffirmat f'liġi mill-President tal-Parlament David Sassoli. Il-Membru Ġermaniż tal-PPE Monika Hohlmeier, President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, titkellem dwar il-pjanijiet fl-intervista tagħna:


Kif tiddeskrivi l-proposta tiegħek għall-baġit tal-UE 2020?


Il-prijorità ewlenija tal-Parlament hija li aħna nixtiequ nindirizzaw il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u b'mod parallel nikkombinawha mal-possibilitajiet li jinħolqu impjiegi ġodda u tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tagħna.

Ridna nagħtu dikjarazzjoni ċara li, bil-baġit tas-sena d-dieħla, il-Parlament irid jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-innovazzjoni, ir-riċerka u teknoloġiji ġodda u ekoloġiċi.


Nixtiequ wkoll nappoġġjaw id-diġitalizzazzjoni minħabba li għar-riċerka dwar il-klima, neħtieġu għodod diġitali tajbin. Id-diġitalizzazzjoni mhux biss tgħin fil-miri tal-UE dwar il-klima, iżda tippermettilna wkoll, pereżempju, li ntejbu r-riċerka dwar mard serju jew metodi agrikoli aktar effiċjenti.


Nixtiequ nagħtu flus lill-universitajiet u lill-istituzzjonijiet ta' riċerka li qed iwettqu din it-tip ta' riċerka u nikkollaboraw b'suċċess mal-industrija.


Il-prijorità tal-ħarsien tal-klima u tal-ambjent tkompli fil-qasam tal-politika agrikola komuni u l-iżvilupp rurali permezz tal-programm LIFE+ ta' suċċess. Qasam ieħor importanti huwa l-politika tal-iżvilupp, fejn irridu nkomplu nnaqqsu l-faqar, iżda nindirizzaw ukoll kwistjonijiet bħall-oċeani mingħajr plastik u t-tneħħija tal-iskart.


Permezz tal-istrumenti baġitarji tagħna, nistgħu ngħinu biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-klima, pereżempju, billi nappoġġjaw l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli f'pajjiżi fejn huma jistgħu jgħinu biex tissolva l-kwistjoni tal-aċċess għall-enerġija sostenibbli u biex tiġi indirizzata l-problema tal-enerġija.


Inti żidt EUR 2 biljun mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-infiq relatat mal-klima għall-2020. Dan se jkun biżżejjed biex jintlaħaq l-għan ta' 20 % tan-nefqa tal-UE relatata mal-klima għall-2014-2020?


Le, mhux se nilħqu l-mira minħabba li fl-2014 kellna kontribut ta' inqas minn 14 % tan-nefqa relatata mal-klima, li ma stajniex nikkumpensaw għaliha fis-sitt snin ta' wara tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali [il-baġit tal-UE fuq terminu twil].


Madankollu, huwa ċar ħafna li għall-2020, il-proposta tiegħi hija ferm ogħla mill-mira ta' 20 %. Naħsbu li l-ġenerazzjoni żagħżugħa, f'dak li għandu x'jaqsam mal-klima, għandha tassew id-dritt tgħidilna: "Jekk jogħġobkom agħmlu xi ħaġa, agħmluha malajr u mhux sempliċement tiddiskutu dwar x'nistgħu nagħmlu."


Nixtiequ wkoll inżidu l-appoġġ finanzjarju għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ta' suċċess. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ qed tonqos u dan il-programm qed jikkontribwixxi biex jgħinhom isibu xogħol. Nixtiequ wkoll inżidu l-finanzjament għall-Erasmus+ biex aktar żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jistudjaw barra minn pajjiżhom.


Se tkun tista' tikkonvinċi lill-Kunsill jaqbel mal-prijoritajiet relatati mal-klima, iż-żgħażagħ u l-futur?


Bla dubju, naħseb li se nkunu nistgħu nikkonvinċu lill-Kunsill jaqbel magħna. Għandna sfida speċjali għaliex din hija l-aħħar sena [tal-baġit fuq terminu twil] attwali. Xi pajjiżi li jħallsu b'mod nett iridu jnaqqsu l-baġit, filwaqt li Stati Membri oħra jixtiequ jaraw aktar flus fil-qasam tal-koeżjoni jew l-agrikoltura.


Fl-istess ħin, qed iseħħ il-Brexit u ma nafux x'se jiġri wara l-31 ta' Ottubru. Għadni nittama li se jkollna Brexit bla xkiel. L-ispiża ta' Brexit iebes għall-UE se tkun ta' EUR 11-il biljun sa tmiem [il-baġit fuq terminu twil] attwali, xi ħaġa li lkoll irridu nevitaw akkost ta' kollox.


Tista' telabora dwar x'jista' jsir mill-baġit tal-UE fil-każ ta' Brexit mingħajr ftehim?


Aħna ppreparati. Ir-Renju Unit ma jistax ipoġġina taħt pressjoni. Jekk ikun hemm Brexit iebes, ikollna nbiddlu l-baġit, iżda diġà nafu li t-timijiet ta' riċerka fir-Renju Unit qed jitħabtu biex ikomplu bil-proġetti u bil-kooperazzjoni tagħhom mal-UE.


Naħseb li r-Renju Unit se jispiċċa jikkontribwixxi għal ħafna programmi, pereżempju fil-qasam tas-sigurtà u l-agrikoltura. Hemm ħafna oqsma fejn ir-Renju Unit irid ikun parti mill-UE, sabiex il-flus jerġgħu jidħlu fil-baġit tal-UE bl-istess mod kif isir man-Norveġja, mal-Iżvizzera, mal-Liechtenstein u ma' pajjiżi terzi oħra.

Il-Parlament irid jiżgura li ma hemm l-ebda għażla selettiva għar-Renju Unit, għaliex qatt ma jista' jiġi aċċettat li pajjiż li jħalli l-UE jikseb ftehim aħjar.

Ritratt tal-President tal-Parlament David Sassoli jiffirma l-baġit tal-UE għall-2020 f'liġi
Il-President tal-Parlament David Sassoli jiffirma l-baġit tal-UE għall-2020 f'liġi