It-trasparenza tat-taxxa fir-rigward tal-kumpaniji multinazzjonali 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©Sasirin Pamai/123RF/Unjoni Ewropea – PE  

It-trasparenza tat-taxxa: il-Membri tal-PE jiddeploraw in-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kunsill fir-rigward tal-kumpaniji multinazzjonali.

Il-Membri tal-PE ħeġġew lill-pajjiżi tal-UE biex jaqblu dwar abbozzi ta' regoli biex il-kumpaniji multinazzjonali jiżvelaw pubblikament il-profitt tagħhom u t-taxxa mħallsa f'kull pajjiż, f'riżoluzzjoni adottata fl-24 ta' Ottubru.

Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea pproduċiet proposta dwar rapportar pajjiż b'pajjiż ta' informazzjoni relatata mat-taxxa min-negozji l-kbar, li jeħtieġ li tiġi approvata kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill qabel ma tkun tista' tidħol fis-seħħ. Il-Parlament qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni f'Lulju 2017, iżda minn dak iż-żmien għadu qed jistenna li l-Kunsill jaġixxi sabiex ikunu jistgħu jibdew in-negozjati. Il-Membri tal-PE kellhom dibattitu dwar il-kwistjoni fit-22 ta' Ottubru u adottaw riżoluzzjoni dwarha fl-24 ta' Ottubru.


Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tikkonċerna kumpaniji kbar b'fatturat dinji ta' mill-inqas EUR 750 miljun, li qed joperaw f'bosta pajjiżi. Jekk jiġu adottati, ir-regoli jintroduċu rekwiżit biex dawn il-kumpaniji jiżvelaw pubblikament informazzjoni dwar kemm qalgħu u kemm ħallsu taxxa f'kull pajjiż tal-UE.


L-UE diġà adottat leġiżlazzjoni li tobbliga lill-kumpaniji jagħtu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, iżda l-Membri tal-PE qed jargumentaw li jekk l-informazzjoni tinħareġ pubblikament dan jagħti spinta lit-trasparenza u jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jittrasferixxu l-profitti li jkunu għamlu madwar id-dinja lejn reġimi b'rata baxxa ta' taxxa biex jipprovaw jevitaw tassazzjoni ġusta.


Matul id-dibattitu fil-plenarja tat-22 ta' Ottubru, il-Membri tal-PE insistew li l-pubbliku għandu d-dritt li jkun jaf aktar dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji multinazzjonali. Evelyn Regner (S&D, l-Awstrija) qalet: "Dawn il-kumpaniji kbar ħafna mhux qed iħallsu biżżejjed taxxa. Qed joħolqu kunċetti fittizji sabiex ikunu jistgħu jnaqqsu l-piż tat-taxxa tagħhom. Il-kumpaniji għandhom id-dover lejn iċ-ċittadini li jkunu ċari dwar fejn u kemm ħallsu taxxa."


"Huwa mod kif jinxteħet dawl fuq l-evitar tat-taxxa", qal Othmar Karas (PPE, l-Awstrija). Huwa nnota li l-UE kienet introduċiet b'suċċess ir-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż għall-banek. "Għaliex ma nagħmlux l-istess fir-rigward tal-kumpaniji multinazzjonali? X'qed nippruvaw naħbu?"


Oħrajn argumentaw li n-nuqqas ta' trasparenza dwar kif il-kumpaniji multinazzjonali qed iħallsu t-taxxa qed ikun ta' ħsara għall-kumpaniji ż-żgħar. "Din [il-proposta] mhijiex biss ta' benefiċċju għall-awtoritajiet tat-taxxa, iżda hija wkoll ta' benefiċċju għan-negozji lokali, li ħafna minnhom huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, li jikkompetu lokalment ma' tali kumpaniji minkejja li m'għandhomx il-vantaġġ li jistgħu jifirxu l-infiq tat-taxxa tagħhom f'ġurisdizzjonijiet multipli", qal Ondřej Kovařík (Renew Europe, ir-Repubblika Ċeka).


Madankollu, il-pajjiżi tal-UE batew biex jaqblu dwar pożizzjoni. Tytti Tiuppurinen, li tkellmet f'isem il-presidenza attwali tal-Kunsill tal-UE, qalet lill-Membri tal-PE li l-ħidma dwar dan kienet qed tavvanza u li kienu qed jiġu ppjanati aktar laqgħat, u żiedet tgħid li: "Min-naħa tal-Kunsill, probabbilment se jkollna bżonn aktar ħin biex niċċaraw il-pożizzjoni tagħna."


Il-Kunsill għandu wkoll dubji dwar il-bażi ġuridika tal-proposta tal-Kummissjoni, li tiġġustifika l-azzjoni tal-UE u li għandha impatt fuq kif tittieħed id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni kklassifikatha bħala kwistjoni tas-suq uniku, li tkun teħtieġ li l-Parlament u l-Kunsill jaqblu dwar it-test skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, filwaqt li s-servizz legali tal-Kunsill qed jargumenta li din hija kwistjoni ta' tassazzjoni fejn id-deċiżjonijiet jirrikjedu l-unanimità fil-Kunsill u l-Parlament jiġi kkonsultat biss.


Matul id-dibattitu l-Membri tal-PE kkritikaw in-nuqqas ta' aġir min-naħa tal-Kunsill. Sven Giegold (Verts/ALE, il-Ġermanja) qal: "Bosta Ewropej ma jistgħux jifhmu għaliex għandna dawn ir-rifuġji tat-taxxa fejn jispiċċaw il-flus tat-taxxa. Hemm proposta rigward it-trasparenza li tressqet tliet snin ilu. Il-gvernijiet qegħdin ikunu ta' ostaklu għat-tassazzjoni ġusta u l-kompetizzjoni ġusta."