Spjegazzjoni tal-baġit fit-tul tal-UE

Kif inhi ffinanzjata l-UE, u fiex jiġu investiti l-flus? Kompli aqra biex tifhem x'inhu l-baġit fit-tul tal-UE u kif jiġi deċiż.

cover picture
Il-baġit fit-tul tal-UE spjegat b'mod sempliċi

Il-baġit fit-tul tal-UE jgħin lil miljuni ta' studenti, eluf ta' riċerkaturi, bliet, negozji, reġjuni u NGOs. Huwa jikkontribwixxi għal ikel aktar tajjeb għas-saħħa u aktar sikur, għal toroq, ferroviji u ajruporti ġodda u aħjar, għal ambjent aktar nadif u għal sigurtà aħjar fil-fruntieri esterni tal-UE.


L-idea warajh hija li l-ġbir ta' riżorsi jwassal biex l-Ewropa tkun aktar b'saħħitha u huwa fundamentali biex tiżdied il-prosperità. Huwa jkompli jagħmel dan billi jiffinanzja proġetti ta' benefiċċju għall-ħajjiet ta' miljuni ta' Ewropej. Hekk kif l-Ewropa qed tħabbat wiċċha mal-impatt soċjali u ekonomiku devastanti tal-pandemija tal-coronavirus, aktar minn qatt qabel, huwa kruċjali, li jitfassal baġit ambizzjuż tal-UE li jilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej .

X'inhu l-baġit fit-tul tal-UE?


Il-baġit fit-tul tal-UE xi drabi jirreferu wkoll għalih bħala l-qafas finanzjarju pluriennali (il-QFP). Huwa jistabbilixxi limiti dwar kemm l-UE tista' tinvesti flus fuq perjodu ta' mhux anqas minn ħames snin f'oqsma ta' politika differenti. Il-baġits fit-tul reċenti ġew stabbiliti għal seba' snin.


Waħda mir-raġunijiet li l-UE għandha baġit fit-tul kif ukoll baġits annwali hija biex l-ippjanar għall-programmi, li l-UE trid tiffinanzja u żżid l-effiċjenza tagħhom, ikun aktar faċli. Din il-prevedibbiltà meħtieġa pereżempju għal riċerkaturi li jaħdmu fuq proġetti xjentifiċi li jieħdu diversi snin biex jitlestew.


Il-baġit fit-tul jeħtieġ ukoll li jkollu grad ta' flessibbiltà biex jindirizza kriżijiet u emerġenzi mhux previsti, bħal pereżempju t-tifqigħa tal-Covid-19. Għalhekk jinkludi għadd ta' strumenti biex jiżgura li l-flus jistgħu jintużaw fejn ikun l-aktar meħtieġ f'ċirkostanzi mhux ippjanati.


Pereżempju, il-fond ta' solidarjetà tal-UE huwa mfassal biex jipprovdi assistenza finanzjarja f'każ ta' diżastru kbir fi Stat Membru. Fih wkoll fond ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni maħsub biex jgħin lill-ħaddiema jsibu impjieg ġdid jekk ikunu ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali fix-xejriet kummerċjali dinjija jew minħabba kriżi ekonomika. Sa mill-bidu tal-kriżi coronavirus, il-fondi tal-UE saru disponibbli biex jiġu miġġielda l-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u biex jingħata appoġġ lis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-pajjiżi tal-UE. Kun af aktar dwar l-iskeda ta' żmien tagħna marbuta mal-azzjoni tal-Covid-19


Għall-kuntrarju tal-baġits nazzjonali, il-baġit tal-UE huwa aktar baġit ta' investiment, pereżempju ma jiffinanzjax l-edukazzjoni primarja jew id-difiża nazzjonali. Minflok, l-enfasi hija l-aktar fuq oqsma fejn l-UE tista' tagħmel id-differenza billi tagħti spinta lit-tkabbir u l-kompetittività, jew tagħmel mezz li s-solidarjetà titwettaq fil-prattika billi tappoġġja lil dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi tal-Covid-19.

Infografika li tisġjega x'inhu l-baġit fit-tul tal-UE
Infografika li tisġjega x'inhu l-baġit fit-tul tal-UE

Fuqhiex tonfoq il-flus l-UE?


Il-baġit jappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni, l-investiment fin-netwerks trans-Ewropej u l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li għandhom l-għan li jagħtu spinta lit-tkabbir u joħolqu l-impjiegi fl-UE.


Il-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE, flimkien mal-politika komuni tas-sajd u l-ambjent, tirċievi l-aktar fondi mill-baġit fit-tul kurrenti. Dan segwit mill-programmi ta' "koeżjoni" li jappoġġjaw reġjuni ifqar. Il-baġit fit-tul jiffinanzja wkoll għajnuna umanitarja internazzjonali u proġetti għall-iżvilupp.


Aqra aktar dwar il-programmi appoġġjati mill-baġit fit-tul u l-proġetti ffinanzjati fir-reġjun tiegħek.


Kif inhu ffinanzjat il-baġit fit-tul tal-UE?


Il-finanzjament tal-baġit fit-tul tal-UE huwa kumpless peress li hemm diversi sorsi ta' introjtu. Dawn jinkludu:

  • kontribuzzjonijiet minn pajjiżi tal-UE
  • dazji tal-importazzjoni fuq prodotti minn barra l-UE
  • multi imposti fuq kumpaniji li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

Biex jgħin lill-pajjiżi tal-UE jiffrankaw il-flus, partikolari fid-dawl tal-impatt tat-tifqigħa tal-coronavirus, il-Parlament irid jirriforma l-mod kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE, u talab sorsi ġodda ta' dħul.


Minħabba t-tnaqqis antiċipat fl-introjtu nazzjonali gross tal-pajjiżi tal-UE fid-dawl tal-pandemija, u biex jiffinanzja l-irkupru, il-Parlament approva ukoll żieda tal-hekk imsejjaħ "limitu massimu tar-riżorsi proprji" – partikolarment l-ammont massimu li l-UE tista' titlob mill-pajjiżi Membri għall-finanzjament tal-baġit.


Aqra aktar: Għaliex il-Parlament qed jitlob għal setgħat ġodda tal-UE li jżidu d-dħul?

https://www.europarl.europa.eu/factsheets/en/sheet/27/the-union-s-revenue

€2 triljun biex tinbena mill-ġdid l-ekonomija wara Covid-19

Kif inhu deċiż il-baġit fit-tul tal-UE?


Qabel jiskadi l-baġit fit-tul li jkun għaddej fil-preżent, il-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta għall-baġit li jmiss. Dan jintuża bħala bażi għan-negozjati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li jlaqqa' l-ministri mill-pajjiżi kollha tal-UE.


Għall-baġit fit-tul li jmiss li jkopri l-perjodu 2021–2027, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha f'Mejju 2018. Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu f'Novembru 2018, u kkonfermaha mill-ġdid f'Ottubru 2019. Il-Kunsill xorta ma għamilx ċara l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus fil-bidu tal-2020.

Biex tiġi indirizzata t-tifqigħa tal-coronavirus u l-konsegwenzi tagħha, fis-17 ta' April u fil-15 ta' Mejju 2020, il-Parlament talab għal pakkett ta' rkupru u rikostruzzjoni biex l-ekonomija tal-Ewropa tiġi riattivata u tassisti lil dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi. Bi tweġiba għat-talbiet tal-Parlament, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ta' stimolu ekonomiku li jiswa EUR 750 biljun marbut ma' baġit tal-UE ta' EUR 1.1 triljun għall-perjodu 2021–2027.


Kun af aktar dwar il-pjan tal-UE għall-irkupru ekonomiku.

Il-mexxejja tal-UE laħqu ftehim dwar il-baġit fit-tul u l-fond għall-irkupru tal-Covid-19 f'Lulju 2020. F'riżoluzzjoni wara dan il-ftehim, il-Parlament iddeplora t-tnaqqis propost għall-programmi ewlenin u appella għal sorveljanza demokratika tal-pjan ta' rkupru kif ukoll rabta ċara bejn ir-rispett għall-istat tad-dritt mill-pajjiżi tal-UE u l-aċċess għall-fondi.


Il-Parlament u l-gvernijiet tal-UE ddiskutew il-proposti tal-Kummissjoni fin-negozjati li bdew fl-aħħar ta' Awwissu.

Kif se jidher il-baġit tal-UE għall-2021–2027?

Wara 10 ġimgħa ta' negozjati intensi, in-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill laħqu ftehim fl-10 ta' Novembru 2020 dwar il-pjan ta' investiment u finanzjament tal-UE għas-seba' snin li ġejjin. Waqt li tkellem wara dan l-iżvilupp, il-President tal-Parlament David Sassoli qal: "Dan huwa ftehim tajjeb għall-Ewropej. Flimkien dan il-pakkett ta' miżuri se jgħin lill-pajjiżi Ewropej jirkupraw mill-kriżi immedjata, filwaqt li jinvestu wkoll fil-futur fit-tul tal-Ewropa."


Fin-negozjati tiegħu, il-Parlament kiseb EUR 15-il biljun addizzjonali (minbarra l-proposta tal-Kunsill ta' Lulju 2020) biex isaħħaħ programmi ewlenin tal-UE bħal Health4EU, Orizzont Ewropa (riċerka u innovazzjoni) u Erasmus+ (edukazzjoni, żgħażagħ u taħriġ) li jtejbu l-ħajja madwar l-Ewropa. EUR 1 biljun addizzjonali se jżid il-flessibbiltà biex jiġu indirizzati ħtiġijiet u kriżijiet futuri.


Il-Parlament iġġieled ukoll b'mod iebes biex jiżgura ftehim legalment vinkolanti dwar l-introduzzjoni ta' flussi ġodda ta' dħul tal-UE. Dan se jiżgura li l-ispejjeż tal-ħlas lura tal-irkupru tal-Covid-19 ma jaqgħux fuq il-kontribwenti Ewropej jew ikunu ta' detriment għall-programmi eżistenti tal-UE. Il-linji ta' finanzjament ġodda jinkludu imposta fuq il-plastik mhux riċiklat, taxxa fuq il-ġganti diġitali u taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji.


Mill-inqas 30 % tal-baġit tal-UE u l-fond ta' rkupru tal-Covid-19 ta' EUR 750 biljun se jappoġġjaw l-azzjoni klimatika. Il-Parlament żgura wkoll skrutinju baġitarju msaħħaħ tal-fond ta' rkupru. Il-baġit 2021–2027 jeħtieġ l-approvazzjoni finali tal-Parlament kif ukoll l-appoġġ unanimu fil-Kunsill. Il-MPE huma mistennija jivvutaw dwar il-ftehim waqt is-seduta tal-Parlament tat-23 u s-26 ta' Novembru.


Separatament, il-MPE u l-Kunsill laħqu wkoll ftehim dwar l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ġdid li jagħmel ir-riċeviment ta' fondi tal-UE kundizzjonali fuq l-Istati Membri li jirrispettaw l-istat tad-dritt. Il-mekkaniżmu l-ġdid se jiġi attivat mhux biss meta ksur jaffettwa direttament il-fondi tal-UE iżda wkoll meta jkun hemm riskju serju ta' ksur bħal dan. Il-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-UE se jkunu protetti. Dan il-ftehim irid jiġi adottat ukoll formalment mill-Parlament u mill-Kunsill. Stħarriġ reċenti kkummissjonat mill-Parlament juri li tmienja minn kull 10 Ewropej iridu li l-fondi tal-UE jkunu marbuta mar-rispett għall-istat tad-dritt.

Ara artikli relatati