Il-coronavirus: il-Parlament japprova €37 biljun bħala rispons għall-kriżi

Fis-26 ta' Marzu, il-Membri tal-PE approvaw li €37 biljun mill-Fondi Strutturali jsiru disponibbli għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriżi tal-coronavirus.

A sign on a windows shop: "Closed for coronavirus" ©Antic/AdobeStock
©Antic/AdobeStock

Il-miżura, proposta mill-Kummissjoni Ewropea, hija element ewlieni fir-rispons tal-UE għall-pandemija, u ġiet imħaffa fil-Parlament.

Minn fejn jiġu l-flus?

Il-proposta tikkonċerna l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' reġjuni, is-sajjieda u azzjonijiet ta' politika soċjali bħal taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati.

Kull sena, l-Istati Membri jirċievu flus minn dawn il-fondi bħala prefinanzjament tal-proġetti. Jekk xi prefinanzjament jibqa' mhux użat, dan għandu jirritorna lura fil-baġit tal-UE s-sena ta' wara.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jirritornaw kważi €8 biljun fi prefinanzjament mhux użat għall-2019, għalhekk il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li dawn iżommu l-flus u jużawhom għal proġetti ġodda li jtaffu l-effetti tal-kriżi tal-coronavirus.

Parti mill-flus għal proġetti ġejjin mill-Istati Membri, u l-bqija huma kofinanzjati mill-fondi tal-UE. Is-sehem tal-ispejjeż koperti mill-baġit tal-UE jvarja – jekk proġett jikkonċerna reġjun inqas żviluppat, il-kontribuzzjoni tal-UE tilħaq 85 % tal-ammont totali.

Il-flus li l-Istati Membri jistgħu jżommu se jippermettulhom ikopru sehemhom fi proġetti għal ammont ħafna akbar, bil-bqija tal-fondi jiġu mill-baġit tal-UE.

Il-Kummissjoni tikkalkula li t-€8 biljun jistgħu jiġu supplimentati b'madwar €29 biljun f'kofinanzjament mill-UE. Dan iwassal għal total ta' €37 biljun li jistgħu jintużaw f'investimenti madwar l-UE.

It-€8 biljun se jkollhom jiġu rritornati fl-għeluq tal-programmi taħt il-baġit 2014-2020, li jista' jkun bejn wieħed u ieħor fl-2025.

Il-Parlament jieħu azzjoni urġenti

Il-proposta tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata fit-13 ta' Marzu. Hi għandha tiġi approvata mill-Parlament u l-Kunsill u ġiet imħaffa permezz tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament. Il-proċedura urġenti tippermetti votazzjoni fil-plenarja mingħajr rapport jew b'rapport orali mill-kumitat responsabbli.

Wara li rċieva l-proposta, il-President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Younous Omarjee (GUE/NGL, FR) fis-17 ta' Marzu qal: "Irridu nirrispondu b'mod kemm jista' jkun malajr, billi niddirezzjonaw il-mezzi kollha disponibbli taħt il-politika ta' koeżjoni, sabiex tittaffa s-sitwazzjoni katastrofika kkawżata mill-epidemija tal-coronavirus. Kwalunkwe dewmien iwassal għal telf ta' aktar ħajjiet u għal aktar diffikultajiet għar-reġjuni, il-kumpaniji u ċ-ċittadini Ewropej."

Fis-sessjoni plenarja, il-Parlament se jivvota wkoll dwar miżuri oħra biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-coronavirus, inkluża proposta li tippermetti lill-Istati Membri jitolbu appoġġ mill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE f'każ ta' kriżijiet tas-saħħa pubblika.