Covid-19: il-pjan tal-UE għall-irkupru ekonomiku

L-UE qed tħejji investimenti kbar biex tappoġġa persuni u negozji kontra reċessjoni ekonomika tal-Covid-19.

Il-Parlament ma jistax jaċċetta il-baġit b'terminu fit-tul tal-UE kif inhu

Fis-27 ta' Mejju l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat fil-Parlament pjan ta' stimulu ekonomiku ta' EUR 750 biljun li, flimkien ma' proposta riveduta għall-baġit tal-UE għall-2021-2027, għandu jgħin biex jimmitiga x-xokk mill-pandemija tal-coronavirus u jwitti t-triq lejn futur sostenibbli.


In-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill fl-10 ta' Novembru laħqu ftehim dwar il-baġit fit-tul tal-UE li jinkludi pjan direzzjonali legalment vinkolanti għall-introduzzjoni ta' sorsi ġodda ta' dħul tal-baġit u witta t-triq għall-implimentazzjoni tal-pjan.


Next generation EU: il-pjan ta' rkupru tal-Kummissjoni


Fis-27 ta' Mejju l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen svelat pjan ta' rkupru Next Generation EU bil-għan li jindirizza l-ħsara kkawżata mill-pandemija u jinvesti f'UE ekoloġika, diġitali, soċjali u aktar reżiljenti.


Skont il-proposta, il-Kummissjoni tissellef il-flus mis-swieq finanzjarji bl-użu tal-klassifikazzjoni ta' kreditu għolja li għandha, u dan għandu jiżgura kostijiet ta' self baxxi. Il-pjan tal-Kummissjoni ppreveda li EUR 500 biljun jitqassmu f'għotjiet, madankollu l-mexxejja tal-UE naqqsu l-livell tal-għotjiet għal EUR 390 biljun fis-summit tagħhom fis-17-21 ta' Lulju.


Il-fondi se jservu biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE ta' newtralità klimatika u ta' trasformazzjoni diġitali, biex jingħata appoġġ soċjali u tal-impjieg kif ukoll biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala parteċipant globali. Il-flus se jiġu mgħoddija permezz ta' strumenti eżistenti u ġodda tal-UE. L-akbar fosthom ser ikun strument ġdid, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li ser jagħmel EUR 672.5 biljun disponibbli f'self u għotjiet biex jiġu appoġġati r-riformi u l-investimenti mill-Istati Membri.


Il-Parlament u l-Kunsill se jiddeċiedu bħala koleġiżlaturi dwar ir-regoli li jirregolaw l-istrumenti differenti użati għall-implimentazzjoni tal-pjan.


Il-Ftehim li ntlaħaq fl-10 ta' Novembru jinkludi dispożizzjoni għas-sorveljanza baġitarja xierqa tal-fondi mislufa skont il-pjan ta' rkupru. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni se jiltaqgħu regolarment biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-fondi u l-Parlament, flimkien mal-Kunsill, se jiċċekkjaw kwalunkwe devjazzjoni minn pjanijiet miftiehma qabel.

€2 triljun biex tinbena mill-ġdid l-ekonomija wara Covid-19

Rabta mal-baġit fit-tul u l-istat tad-dritt


Il-pjan tal-Kummissjoni għall-fond ta' rkupru kien introdott matul is-sessjoni plenarja ta' Mejju flimkien ma' proposta riveduta għall-baġit 2021-2027 tal-UE li tammonta għal EUR 1,1 triljun. Il-mexxejja tal-UE naqqsu l-baġit propost għal EUR 1,074 triljun fis-summit tagħhom tas-17-21 ta' Lulju.


Fin-negozjati sussegwenti mal-Kunsill, il-Membri tal-PE kisbu EUR 16-il biljun addizzjonali. Madwar EUR 15-il biljun se jsaħħu l-programmi ewlenin tal-UE f'oqsma li jinkludu s-saħħa, ir-riċerka u ż-żgħażagħ, filwaqt li EUR 1 biljun se jitwarrbu għal kriżijiet mhux previsti.


Il-Parlament kien imħasseb li s-self tal-pjan ta' rkupru jista' jżid il-piż tad-dejn fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, u għalhekk kien qed jitlob sorsi ġodda ta' dħul. Fin-negozjati tal-baġit, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar kalendarju għall-introduzzjoni ta' sorsi ġodda ta' dħul biex jitħallas lura d-dejn, inkluża taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, imposta diġitali u taxxi fuq kumpaniji li jniġġsu.


Id-deċiżjoni dwar is-self tal-pjan ta' rkupru teħtieġ unanimità fil-Kunsill u ratifika minn kull Stat Membru. Il-Parlament, li għandu rwol konsultattiv f'din il-proċedura, ta l-approvazzjoni tiegħu fis-16 ta' Settembru.


Il-fajl huwa marbut ukoll mal-istabbiliment ta' mekkaniżmu li jippermetti s-sospensjoni tal-pagamenti tal-baġit lil Stat Membru li jinstab li jkun qed jikser l-istat tad-dritt. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar l-introduzzjoni ta' rabta bħal din fil-5 ta' Novembru.


Skopri x'qed tagħmel l-UE biex tgħin l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa mill-pandemija tal-coronavirus

©Photocreo Bednarek/AdobeStock
©Photocreo Bednarek/AdobeStock

Previżjonijiet ekonomiċi koroh


Il-previżjonijiet ekonomiċi, ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea f'Novembru, juru li l-ekonomija ntlaqtek ferm ħażin minħabba l-kriżi tas-saħħa. Minħabba li l-persuni baqgħu d-dar u setturi sħaħ għalqu minnufih għal diversi xhur, l-ekonomija tal-UE qed tiffaċċja l-possibbiltà ta' kontrazzjoni ta' aktar minn 7 %, li hi ferm agħar mill-waqgħa tal-2009.


Kulħadd huwa affettwat: ħafna persuni għandhom biża' li jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom u mhumiex lesti li jonfqu, filwaqt li n-negozji qed jiffaċċjaw tħarbit fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. Il-gvernijiet qed jaraw id-dħul mit-taxxa jaqa' u l-ispiża tal-welfare tiżdied, u dan iwassal għal defiċits fil-baġit, livelli ogħla ta' dejn u jispara 'l fuq il-kostijiet tas-self.


Skopri aktar x'qed tagħmel l-UE biex tiġġieled il-kriżi tal-Covid-19 u ara l-iskeda tal-miżuri adottati.