Tassonomija tal-UE: investimenti ekoloġiċi biex tingħata spinta lill-finanzjament sostenibbli

Sabiex tiżdied il-bidla lejn investiment favur l-ambjent, l-UE introduċiet regoli biex tiddefinixxi dak li jikkwalifika bħala attivitajiet ekoloġiċi jew sostenibbli.

L-UE tiddefinixxi l-investimenti ekoloġiċi għal spinta lill-finanzjament ©Georgii Timakov/AdobeStock
L-UE tiddefinixxi l-investimenti ekoloġiċi għal spinta lill-finanzjament ©Georgii Timakov/AdobeStock

Għaliex l-UE teħtieġ definizzjoni komuni għal investimenti sostenibbli

 

L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali. L-azzjoni klimatika hija aspett importanti, peress li l-ħtieġa li l-effetti tat-tibdil fil-klima jiġu limitati u mnaqqsa qed issir dejjem aktar urġenti.

 

L-UE hija impenjata li tnaqqas gradwalment l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-inizjattiva prinċipali tal-UE dwar l-azzjoni klimatika, stabbilixxa l-mira ta' emissjonijiet żero netti sal-2050.

 

Biex jintlaħaq l-għan, l-UE jeħtiġilha tinvesti f'teknoloġiji ġodda.

 

L-investiment pubbliku mhux se jkun biżżejjed, u l-investituri privati se jkollhom jintervjenu biex jiffinanzjaw proġetti li ma jagħmlux ħsara lill-klima. Dan jirrikjedi kriterji ċari dwar x'inhu eżattament sostenibbli u ekoloġiku; inkella, xi fondi jistgħu jiġu diretti lejn proġetti ta' "greenwashing" li jgħidu li huma "ekoloġiċi", iżda fir-realtà mhumiex.

 

Xi pajjiżi tal-UE diġà bdew jiżviluppaw sistemi ta' klassifikazzjoni. Kemm il-kumpaniji li qed ifittxu investiment, kif ukoll l-investituri interessati jappoġġjaw proġetti sostenibbli se jibbenefikaw minn standards tal-UE komuni.

L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali.  ©Romaset/AdobeStock
L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. ©Romaset/AdobeStock

Liema attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala sostenibbli

 

F’Ġunju 2020, il-Membri tal-PE approvaw ir-Regolament dwar it-Tassonomija — qafas li jiddetermina liema attivitajiet jistgħu jitqiesu sostenibbli. Dan jistabbilixxi sistema ta’ klassifikazzjoni komuni madwar l-UE, jipprovdi lin-negozji u lill-investituri b’ċarezza, u jinkoraġġixxi żieda fil-finanzjament tas-settur privat għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

 

Ir-regolament jistabbilixxi sitt objettivi ambjentali u jiddikjara li attività tista' titqies bħala ambjentalment sostenibbli jekk tikkontribwixxi għal kwalunkwe wieħed minnhom mingħajr ma tagħmel ħsara sinifikanti lil kwalunkwe waħda mill-oħrajn.

 

Il-prinċipju "tagħmilx ħsara" (li se jkompli jiġi definit mill-Kummissjoni Ewropea) jiżgura li attività ekonomika li tikkawża aktar ħsara lill-ambjent milli benefiċċji ma tistax tiġi kklassifikata bħala sostenibbli. L-attivitajiet ambjentalment sostenibbli għandhom ukoll jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol.

 

L-objettivi ambjentali huma:

 

  • il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (li jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jew li tiżdied it-tneħħija tal-gassijiet serra)
  • l-adattament għat-tibdil fil-klima (it-tnaqqis jew il-prevenzjoni tal-impatt negattiv fuq il-klima attwali jew mistennija futura, jew ir-riskji ta' impatt negattiv bħal dan)
  • l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-ilma u r-riżorsi tal-baħar
  • it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari (li tiffoka fuq l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tar-riżorsi)
  • il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis
  • il-ħarsien u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi

 

Atti tal-Kummissjoni relatati mar-regoli

 

Ir-regolament dwar it-tassonomija, li sar liġi f’Lulju 2020, jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet sostenibbli, iżda jħalli f’idejn il-Kummissjoni Ewropea biex telabora l-kriterji tekniċi li jiddeterminaw jekk il-proġetti jikkontribwixxux għal xi wħud mill-objettivi ambjentali.

 

Il-Kummissjoni ħarġet bl-ewwel sett ta’ kriterji f’April 2021, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2021.

 

Sett ieħor ta’ regoli, propost fi Frar 2022, ippermetta l-inklużjoni tal-enerġija nukleari u tal-gass bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-Parlament iddiskuta l-att tal-Kummissjoni u ddeċieda li ma joġġezzjonax għalih f’Lulju 2022.