L-UE tiddefinixxi l-investimenti ekoloġiċi għal spinta lill-finanzjament sostenibbli 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-UE tiddefinixxi l-investimenti ekoloġiċi għal spinta lill-finanzjament ©Georgii Timakov/AdobeStock  

Sabiex tiżdied il-bidla lejn investiment favur l-ambjent, l-UE qed tintroduċi regoli biex tiddefinixxi dak li jikkwalifika bħala attivitajiet ekoloġiċi jew sostenibbli.

Matul is-sessjoni plenarja ta' Ġunju, l-MEPs approvaw qafas li jiddetermina liema attivitajiet jistgħu jitqiesu bħala sostenibbli. Dan jistabbilixxi sistema ta' klassifikazzjoni komuni madwar l-UE, jipprovdi lin-negozji u lill-investituri b'ċarezza, u jinkoraġġixxi żieda fil-finanzjament mis-settur privat għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.


In-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill laħqu ftehim proviżorju f'Diċembru 2019. Il-kumitati tal-affarijiet ekonomiċi u tal-ambjent tal-Parlament appoġġjaw il-ftehim fit-28 ta' Mejju.


Ħtieġa ta' definizzjoni komuni


L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali. L-azzjoni klimatika hija aspett importanti, peress li l-ħtieġa li l-effetti tat-tibdil fil-klima jiġu limitati u mnaqqsa qed issir dejjem aktar urġenti.


L-UE hija impenjata li tnaqqas gradwalment l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-inizjattiva prinċipali tal-UE dwar l-azzjoni klimatika, stabbilixxa l-mira ta' emissjonijiet żero netti sal-2050.


Biex jintlaħaq l-għan, l-UE jeħtiġilha tinvesti f'teknoloġiji ġodda. Il-Kummissjoni Ewropea tistma li l-Ewropa teħtieġ madwar €260 biljun f'investiment annwali addizzjonali matul l-għaxar snin li ġejjin.


L-investiment pubbliku mhux se jkun biżżejjed, u l-investituri privati se jkollhom jintervjenu biex jiffinanzjaw proġetti li ma jagħmlux ħsara lill-klima. Dan jirrikjedi kriterji ċari dwar x'inhu eżattament sostenibbli u ekoloġiku; inkella, xi fondi jistgħu jiġu diretti lejn proġetti ta' "greenwashing" li jgħidu li huma "ekoloġiċi", iżda fir-realtà mhumiex.


Xi pajjiżi tal-UE diġà bdew jiżviluppaw sistemi ta' klassifikazzjoni. Kemm il-kumpaniji li qed ifittxu investiment, kif ukoll l-investituri interessati jappoġġjaw proġetti sostenibbli se jibbenefikaw minn standards tal-UE komuni.

L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. ©Romaset/AdobeStock  

Liema attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala "sostenibbli"


Ir-"Regolament dwar it-Tassonomija" jistabbilixxi sitt objettivi ambjentali u jiddikjara li attività tista' titqies bħala ambjentalment sostenibbli jekk tikkontribwixxi għal kwalunkwe wieħed minnhom mingħajr ma tagħmel ħsara sinifikanti lil kwalunkwe waħda mill-oħrajn.


Il-prinċipju "tagħmilx ħsara" (li se jkompli jiġi definit mill-Kummissjoni Ewropea) jiżgura li attività ekonomika li tikkawża aktar ħsara lill-ambjent milli benefiċċji ma tistax tiġi kklassifikata bħala sostenibbli. L-attivitajiet ambjentalment sostenibbli għandhom ukoll jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol.


L-objettivi ambjentali huma:


(a) il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (li jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jew li tiżdied it-tneħħija tal-gassijiet serra)

(b) l-adattament għat-tibdil fil-klima (it-tnaqqis jew il-prevenzjoni tal-impatt negattiv fuq il-klima attwali jew mistennija futura, jew ir-riskji ta' impatt negattiv bħal dan)

(c) l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-ilma u r-riżorsi tal-baħar

(d) it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari (li tiffoka fuq l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tar-riżorsi)

(e) il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis

(f) il-ħarsien u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi

Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li jbigħu prodotti finanzjarji u kumpaniji kbar b'aktar minn 500 impjegat se jkollhom jiżvelaw kif u sa liema punt l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali. Jekk ma jiddikjarawx li huma "sostenibbli", dan għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar.


Xi jmiss


Il-Kummissjoni Ewropea se tiżviluppa kriterji tekniċi għal kull objettiv.


Dawn għandhom ikunu lesti sal-aħħar tal-2020 għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. L-iskadenza hija tmiem l-2021 għall-bqija tal-objettivi. Ir-regoli se japplikaw għal kull objettiv ambjentali sena wara li jkunu ġew stabbiliti l-kriterji tekniċi.