Għaliex l-UE trid tirregola l-ekonomija tal-pjattaformi? 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-ekonomija tal-pjattaformi ġġib magħha benefiċċji iżda wkoll riskji. Aqra dwar liema kwistjonijiet l-UE trid issolvi b'regoli ġodda u s-soluzzjonijiet proposti mill-MEPs.

L-aħħar 20 sena kienu kkaratterizzati mill-iżvilupp bla preċedent tad-dinja online – iż-żieda ta' teknoloġiji u kumpaniji ġodda, kif ukoll modi ġodda ta' xogħol, xiri, prenotazzjonijiet ta' akkomodazzjoni jew saħansitra ordnijiet tal-ikel u tat-trasport. Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-pedament tas-suq uniku diġitali, ġiet adottata fl-2000, meta pjattaformi bħal Amazon, Google u Booking.com kienu għadhom kemm bdew, u Facebook, Airbnb u Instagram lanqas biss kienu jeżistu.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ li tlaħħaq mal-iżviluppi online u din hija r-raġuni għaliex l-UE qed taħdem fuq qafas leġiżlattiv ġdid imsejjaħ l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), li se jistabbilixxi linji gwida għax-xenarju online l-ġdid, inklużi l-pjattaformi online, biex jiġi żgurat ambjent diġitali aħjar u aktar sikur għall-utenti u l-kumpaniji fl-UE kollha.

 

L-importanza ekonomika tal-ekonomija tal-pjattaformi

Wieħed mill-aktar żviluppi sinifikanti f'dawn l-aħħar 20 sena huwa ż-żieda fil-pjattaformi online. Dawn jinkludu swieq online, midja soċjali, app stores, siti tal-internet li jqabblu l-prezzijiet, kif ukoll magni tat-tiftix, u huwa diffiċli li wieħed jimmaġina l-ħajja mingħajrhom.

Il-pjattaformi ġabu benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi u fetħu opportunitajiet ġodda għan-negozji u n-negozjanti Ewropej billi ffaċilitaw il-kummerċ transfruntier fl-UE u lil hinn minnha. Skont il-Kummissjoni Ewropea, miljun negozju tal-UE diġà qed ibigħu prodotti u servizzi permezz ta' pjattaformi online, u aktar minn 50% tal-intrapriżi żgħar u medji li jbigħu permezz tas-swieq online jbigħu fuq livell transfruntier.

The last 20 years have been marked by the unprecedented development of the online world ©AdobeStock_vegefox.com  

Kwistjonijiet ta' pjattaformi online li l-UE trid tirregola

Opportunitajiet ġodda jġibu magħhom riskji ġodda. Il-konsumaturi Ewropej ġew esposti għal firxiet ġodda ta' prodotti, attivitajiet u kontenut illegali, filwaqt li negozji online ġodda jsibuha diffiċli biex jidħlu f'suq iddominat minn pjattaformi kbar. Il-konnessjonijiet ta' bosta negozji ma' ħafna konsumaturi permezz tas-servizzi tagħhom u l-aċċess tagħhom għal ammonti kbar ta' data jpoġġi l-pjattaformi l-kbar f'pożizzjoni li jistgħu jikkontrollaw u jistabbilixxu standards għal oqsma importanti tal-ekonomija diġitali. L-UE trid terġa' tieħu l-inizjattiva biex issawwar dawk l-oqsma fil-livell tal-UE u tistabbilixxi standards għall-bqija tad-dinja.

 

L-MEPs kif iridu jindirizzaw dawn il-problemi?

Add PR

L-MEPs spjegaw il-prijoritajiet tagħhom dwar x'inhu li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jinkludi biex itejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku:

  • Għandu japplika għall-kumpaniji tal-UE u għal kumpaniji stabbiliti f'postijiet oħra li jbigħu lill-konsumaturi Ewropej, u għandu japplika għas-servizzi diġitali kollha, mhux biss għall-pjattaformi online.
  • Il-konsumaturi għandhom ikunu daqstant sikuri meta jixtru online daqs meta jixtru minn ħwienet "tradizzjonali" – dak li huwa illegali offline għandu jitqies illegali online u l-pjattaformi għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw in-negozjanti li jbigħu prodotti foloz jew mhux sikuri.
  • L-introduzzjoni ta' regola "kun af il-klijent kummerċjali tiegħek" tirrikjedi li l-pjattaformi jiċċekkjaw u jwaqqfu kumpaniji frodulenti li jużaw is-servizzi tagħhom biex ibigħu prodotti mhux sikuri jew ixerrdu d-diżinformazzjoni.
  • Il-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt li jiġu infurmati jekk servizz ikun qed juża l-intelliġenza artifiċjali u jingħataw aktar kontroll u d-dritt li ma jipparteċipawx, filwaqt li r-reklamar immirat għandu jiġi rregolat aħjar.
  • Id-DSA għandu jagħmilha aktar faċli għal kumpaniji ġodda biex jidħlu fis-suq billi jindirizza s-sitwazzjoni antikompetittiva maħluqa minn atturi diġitali kbar li attwalment jistabbilixxu r-regoli għall-utenti u l-kompetituri tagħhom; ir-regoli ex ante proposti (jiġifieri regoli li japplikaw wara li jiġi adottat ir-regolament) iwaqqfu lill-pjattaformi l-kbar milli jaġixxu bħala "gwardjani" għall-aċċess għas-suq.
  • Ir-regoli għandhom jipprovdu ċarezza u gwida dwar kif il-kontenut online illegali u ta' ħsara għandu jiġi indirizzat.

 

Sfond u passi li jmiss

F'Jannar, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pjanijiet biex tressaq l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid fir-raba' kwart ta' din is-sena, biex toħloq "Ewropa Lesta għall-Era Diġitali". Tliet kumitati parlamentari (għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, għall-Affarijiet Legali u għal-Libertajiet Ċivili) ħejjew rapporti b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni Ewropea dwar aspetti differenti tad-DSA. It-testi miftiehma ġew adottati mill-Parlament fis-sessjoni plenarja tiegħu tad-19 sat-22 ta' Ottubru.