L-indirizzar determinat tal-kontenut dannuż jew illegali online: L-ideat tal-Parlament 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©AdobeStock_vegefox.com  

Sir af kif il-Membri tal-Parlament Ewropew iridu li jindirizzaw il-kontenut dannuż jew illegali online filwaqt li jipproteġu l-libertà tal-espressjoni.

L-UE qed taħdem fuq Att dwar is-Servizzi Diġitali biex, fil-livell tal-UE, issawwar l-ekonomija diġitali li qed tiżviluppa b'mod rapidu u tistabbilixxi standards għall-bqija tad-dinja. Waħda mill-kwistjonijiet fundamentali li l-Membri tal-Parlament Ewropew iridu jindirizzaw hija l-protezzjoni tal-utenti mill-kontenut dannuż jew illegali. Kompli aqra biex issir taf x'jipproponi l-Parlament fi tliet rapporti li ġew adottati fl-20 ta' Ottubru.

 

Distinzjoni ċara bejn kontenut illegali u kontenut dannuż

Il-Parlament irid li ssir distinzjoni ċara bejn kontenut illegali u kontenut dannuż. Xi tipi ta' kontenut, pereżempju ċ-ċaħda tal-Olokawst, jistgħu jkunu illegali f'xi Stati Membri, iżda mhux f'oħrajn. Il-kontenut dannuż, bħalma huma d-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni, mhux dejjem ikun illegali. Hija meħtieġa distinzjoni stretta, peress li ż-żewġ tipi ta' kontenut jeħtieġu approċċi differenti – il-kontenut illegali għandu jitneħħa, filwaqt li l-kontenut dannuż jista' jiġi megħlub b'modi oħra. 

 

It-tneħħija tal-kontenut illegali filwaqt li jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet

Il-Membri tal-Parlament Ewropew jgħidu li l-azzjoni volontarja min-naħa tal-pjattaformi mhijiex biżżejjed. Huma jridu regoli ċari għall-UE kollha għall-moderazzjoni tal-kontenut, bl-applikazzjoni tal-hekk imsejjaħ mekkaniżmu ta' “avviż u azzjoni”. Ir-regoli għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmu:

  • huwa effettiv – l-utenti għandhom ikunu jistgħu jinnotifikaw faċilment lill-intermedjarji online dwar kontenut online potenzjalment illegali sabiex ikunu jistgħu jneħħuh malajr
  • ma jiġix abbużat – f'każ li l-kontenut jiġi mmarkat jew imneħħi, l-utenti affettwati għandhom jiġu nnotifikati u jkollhom il-possibbiltà li jappellaw id-deċiżjoni quddiem korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim
  • jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet tal-utenti, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, sabiex l-intermedjarji online ineħħu l-kontenut illegali b'mod diliġenti, proporzjonat u nondiskriminatorju u ma jneħħux il-kontenut li mhuwiex illegali

Il-Membri tal-Parlament Ewropew iridu li d-deċiżjoni finali dwar il-legalità tal-kontenut iġġenerat mill-utenti għandha tittieħed minn ġudikatura indipendenti u mhux minn entitajiet kummerċjali privati;

Minbarra li jitneħħa, fejn il-kontenut illegali online huwa kriminali, dan għandu jingħata segwitu mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mill-ġudikatura. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll li tobbliga lill-pjattaformi online jirrappurtaw ir-reati serji lill-awtorità kompetenti.

 

Modi kif jiġi indirizzat il-kontenut dannuż

Biex tiġi indirizzata l-problema tal-kontenut dannuż bħad-diskors ta' mibegħda jew id-diżinformazzjoni, il-Membri tal-Parlament Ewropew jipproponu, minn naħa waħda, obbligi aktar stretti tat-trasparenza għall-pjattaformi u, min-naħa l-oħra, it-tisħiħ tal-litteriżmu medjatiku fost l-utenti.

Il-Parlament innota li waħda mir-raġunijiet għala d-diżinformazzjoni tinfirex b'tant ħeffa hija li l-mudelli tan-negozju ta' xi pjattaformi jiffavorixxu t-turija ta' kontenut sensazzjonali/li jista' jiġi kklikkjat lill-utenti biex iżidu l-profitti. Biex jiġu indirizzati b'mod determinat l-effetti negattivi ta' din il-prattika, il-Membri jridu li jkun hemm trasparenza dwar il-politiki tal-monetizzazzjoni tal-pjattaformi online.

 

Aktar għażla għall-utenti dwar dak li jaraw online

Il-Membri tal-Parlament Ewropew iridu jagħtu lill-utenti aktar kontroll fuq il-kontenut li huma jaraw u l-possibbiltà li jagħżlu li ma jipparteċipaw xejn affattu fil-kurazija tal-kontenut.

Huma qed jappellaw għal regolamentazzjoni aktar stretta tar-reklamar immirat favur reklamar kuntestwalizzat inqas intrużiv li jkun ibbażat fuq dak li l-utent ikun qed iħares lejh f'mument partikolari, u mhux fuq l-storja tal-ibbrawżjar.

Barra minn hekk, huma jridu li l-Kummissjoni teżamina aktar għażliet għar-regolamentazzjoni tar-reklamar immirat, inkluża projbizzjoni eventwali.

Il-Kummissjoni mistennija toħroġ bi proposta għall-Att dwar is-Servizz Diġitali sa tmiem l-2020.