Orizzont Ewropa: kif l-UE tinvesti fix-xjenza (infografika)

Il-programm ta' riċerka tal-UE se jkompli jappoġġa l-avvanzi xjentifiċi rivoluzzjonarji biex jagħti spinta lill-irkupru ta' wara l-COVID-19

Horizon Europe
Horizon Europe

Orizzont Ewropa huwa programm għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni b'baġit ta' aktar minn €95 biljun għall-perjodu 2021-2027. Fin-negozjati dwar il-baġit fit-tul tal-UE, il-Membri tal-PE żguraw €4 biljun addizzjonali għall-programm. Ara x'inhu kopert mill-baġit fl-infografika tagħna.


L-għanijiet ewlenin huma t-tisħiħ tax-xjenza u t-teknoloġija, it-trawwim tal-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli fl-UE.


Il-pandemija tal-COVID-19 uriet biċ-ċar li r-riċerka u l-innovazzjoni huma muturi tal-irkupru ekonomiku. Mijiet ta' miljuni ta' euro ġew mobilizzati fi proġetti ta' riċerka dwar il-coronavirus skont il-programm ta' finanzjament tal-UE preċedenti, Orizzont 2020. Il-programm il-ġdid se jkompli jappoġġa r-riċerka fis-saħħa u jgħin lis-sistemi tas-saħħa tal-UE jħejju għall-kriżijiet futuri.


Il-programm ta' finanzjament tar-riċerka l-ġdid tal-UE se jiffinanzja t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, b'mod speċifiku se jgħin lill-industrija tiddekarbonizza, tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u tiżgura li l-irkupru mill-COVID-19 jagħti prijorità lill-klima. Jinkludi wkoll allokazzjoni speċifika għall-industriji kreattivi u kulturali li ġew devastati mill-pandemija. Il-programm ta' riċerka se jiffoka fuq ħames oqsma ta' prijorità:

infografika li tispjega Orizzont Ewropa
infografika li tispjega Orizzont Ewropa

Il-baġit ta' Orizzont Ewropa huwa mqassam f'erba' pilastri. L-ewwel jiffoka fuq l-appoġġ u t-tisħiħ tat-talent Ewropew tar-riċerka u l-innovazzjoni. It-tieni pilastru jiżgura finanzjament għax-xjenza li jindirizza l-isfidi globali marbuta mal-ħames oqsma ta' prijorità. It-tielet pilastru jappoġġa l-imprenditorija mmexxija mir-riċerka, filwaqt li r-raba' pilastru jiffinanzja n-networks ta' riċerka u kollaborazzjoni.


L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), huma ffinanzjati permezz tal-programm Orizzont Ewropa. L-EIT jgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq, u b'hekk jagħmel l-Ewropa aktar innovattiva. L-EIC għandu l-għan li jappoġġa avvanzi teknoloġiċi u innovazzjonijiet rivoluzzjonarji bil-ħolqien ta' swieq ġodda u l-espansjoni internazzjonali.