Pjan ta' rkupru mill-COVID-19: il-Parlament jospita dibattitu dwar it-tagħlimiet għall-kriżijiet li jmiss

Konferenza fil-Parlament Ewropew eżaminat il-progress tal-pjanijiet ta' rkupru mill-COVID-19 u dwar kif it-tagħlimiet meħuda japplikaw għall-kriżi tal-Ukrajna u kriżijiet oħra.

L-għan tal-laqgħa tas-16 ta' Marzu kien li jinsiltu tagħlimiet mill-ewwel passi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-mekkaniżmu tal-UE li jappoġġa l-investiment u r-riforma fil-pajjiżi tal-UE u jgħin lis-sidien tan-negozji u lill-ħaddiema jegħlbu l-kriżi tal-COVID-19.

Il-kelliema, inkluż il-Prim Ministru Portugiż António Costa u l-membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, innutaw li l-UE diġà qed tiffaċċja kriżi ġdida, biż-żieda fil-prezzijiet u bl-attakk tar-Russja fuq l-Ukrajna li wassal għal influss massiv ta' rifuġjati.

Fl-istess waqt, ħafna insistew li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru jappoġġaw u jipprovdu qafas tajjeb biex jiġu indirizzati sfidi bħat-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika u t-twettiq ta' riformi strutturali.

Nużaw l-għodod eżistenti, isostnu l-Membri tal-PE

Siegfried Mureșan (PPE, ir-Rumanija), wieħed mit-tliet korapporteurs tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru, qal li peress li l-ħolqien ta' strumenti ġodda għall-appoġġ tal-UE jieħu ż-żmien, l-istrumenti li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha – il-baġit UE 2021-2027 u l-fondi ta' rkupru li jammontaw għal €1,8 triljun – għandhom jintużaw biex jingħelbu l-isfidi attwali.

Huwa enfasizza l-importanza tal-ħidma tal-Parlament fl-iskrutinju tal-pjanijiet ta' rkupru: "Nemmnu li minħabba li fis-snin li ġejjin l-Unjoni Ewropea se tonfoq aktar flus minn qatt qabel, jeħtieġ li niżguraw li l-flus jaslu għand il-benefiċjarji maħsuba għalihom."

"Il-pjan ta' rkupru kiser diversi tabujiet," qalet il-korapporteur Eider Gardiazábal (S&D, Spanja), fejn indikat il-ħruġ ta' dejn komuni u l-ftehim dwar riżorsi ġodda għall-baġit tal-UE biex ikun jista' jitħallas lura d-dejn. "Għalkemm l-ebda kriżi mhi identika għal dik ta' qabilha u s-soluzzjonijiet iridu jkunu differenti, l-għodod żviluppati jistgħu jgħinuna."

Dragoş Pîslaru (Renew Europe, ir-Rumanija) sejjaħ il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza "l-inkorporazzjoni u r-rispons mill-isbaħ tas-solidarjetà riżultat ta' wieħed mill-aktar mumenti diffiċli li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE."

Il-Faċilità tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri sa €335 biljun f'għotjiet u sa €385.8 biljun f'self. Għalissa, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ma pprevedewx li jieħdu self. Pîslaru, li huwa korapporteur, issuġġerixxa li ammonti ta' self mhux użati jistgħu jiġu riallokati "għall-prijoritajiet urġenti u ġodda kkawżati mill-aggressjoni Russa".

Céline Gauer, kap tat-task force għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Kummissjoni Ewropea, enfasizzat l-"implimentazzjoni estremament mgħaġġla" tal-pjan ta' rkupru tal-UE u qalet li sal-aħħar ta' April €100 biljun kellhom jiġu żborżati. Hija qalet li l-enfasi ekoloġika qawwija fil-pjanijiet nazzjonali fuq l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, l-idroġenu u t-tisħiħ tan-networks tal-enerġija għandhom jippermettu diversifikazzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili tar-Russja.

Is-solidarjetà u l-għaqda huma t-triq 'il quddiem

Il-Prim Ministru Costa faħħar ir-rwol ta' SURE, l-istrument temporanju tal-UE ta' appoġġ għall-impjiegi matul il-pandemija, u appella għall-istabbiliment ta' strument permanenti simili.

Huwa indika l-oqsma tas-semikondutturi, tas-saħħa, diġitali, tal-ikel u tal-agrikoltura bħala oqsma ewlenin li jeħtieġu investimenti konġunti. Costa nnota li s-solidarjetà u l-ħidma flimkien għenu lill-UE tindirizza l-kriżi tas-saħħa. "Dan huwa l-mod kif jeħtieġ li nindirizzaw il-gwerra li tinsab fuq l-għatba tagħna."

Ġimgħa Parlamentari Ewropea

Il-Konferenza kienet parti mill-Ġimgħa Parlamentari Ewropea, organizzata mill-Parlament Ewropew, l-Assemblea Nazzjonali u s-Senat Franċiż, li laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

Huma jiddiskutu l-isfidi relatati mal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali fl-UE taħt il-qafas tas-Semestru Ewropew.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta' €723.8 biljun hija l-istrument ewlieni tal-pjan ta' rkupru tal-UE. Dan il-pjan hu ffinanzjat permezz ta' dejn li l-Kummissjoni Ewropea tieħu fuq is-swieq internazzjonali.

Il-flus imorru għand il-pajjiżi tal-UE, li jħejju pjanijiet nazzjonali ta' rkupru li jipproponu proġetti ta' investiment u riformi f'sitt oqsma: it-tranżizzjoni ekoloġika; it-trasformazzjoni diġitali; it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; il-koeżjoni soċjali u territorjali; il-bini tar-reżiljenza u t-tħejjija għall-kriżijiet; u l-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Hekk kif il-Kunsill japprova l-pjanijiet tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jirċievu sa 13% tal-ammont totali fi prefinanzjament; il-bqija jitħallas biss wara li jintlaħqu l-objettivi miftiehma.

F'Marzu 2022, 22 pajjiż tal-UE kellhom il-pjanijiet tagħhom approvati u tnejn (Spanja u Franza) irċevew l-ewwel pagamenti talli laħqu l-istadji importanti.

Il-Parlament Ewropew waqqaf grupp ta' ħidma biex jiskrutinizza l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru. Il-Membri tal-PE sikwit jorganizzaw laqgħat mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni dwar il-progress u l-Kumitati għall-Affarijiet Ekonomiċi u tal-Baġit ikollhom diskussjonijiet pubbliċi mal-Kummissarji Valdis Dombrovskis u Paolo Gentiloni.