Fond Soċjali għall-Klima: L-ideat tal-Parlament għal tranżizzjoni tal-enerġija ġusta

L-UE trid tranżizzjoni tal-enerġija ġusta. Skopri kif il-Fond Soċjali għall-Klima għandu l-għan li jgħin lil dawk li huma l-aktar esposti għall-faqar enerġetiku.

Bħala parti mill-isforzi tagħha biex tikseb in-newtralità karbonika sal-2050, l-UE introduċiet aktar rekwiżiti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-kostruzzjoni u t-trasport. Ir-regoli l-ġodda se jistimulaw lill-Ewropej u lin-negozji jinvestu f’sorsi alternattivi tal-enerġija, iżolament aħjar u trasport nadif.

 

Sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni klimatika tkun ġusta u inklużiva, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li jinħoloq Fond Soċjali għall-Klima (SCF). Il-fond se jgħin lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli, lin-negozji ż-żgħar u lill-utenti tat-trasport li huma partikolarment affettwati mill-faqar fl-enerġija u fit-trasport.

 

Huwa parti mill-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li għandu l-għan li jilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’55 % sal-2030.

 

Ara x’qed tagħmel l-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju

 

L-indirizzar tal-faqar enerġetiku f'unitajiet domestiċi vulnerabbli

 

Ir-rapport mill-kumitati għall-ambjent u l-affarijiet soċjali għandu l-għan li jistabbilixxi definizzjonijiet komuni madwar l-UE għall-faqar enerġetiku u l-faqar fil-mobilità.

 

Il-faqar enerġetiku jfisser li l-familji ma jkunux jistgħu jaċċessaw servizzi essenzjali tal-enerġija li jippermettu livell ta' għajxien deċenti. Il-faqar fil-mobilità jirreferi għal unitajiet domestiċi li għandhom spejjeż tat-trasport għoljin jew aċċess limitat għal modi ta' trasport affordabbli.

 

Matul in-negozjati, il-Parlament fittex li jiffoka fuq l-isfidi li jiffaċċjaw il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ż-żoni inqas żviluppati u remoti. Riedet ukoll timblokka l-aċċess għall-fond għal pajjiżi li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali jew l-istat tad-dritt.

 

Fuq talba tal-Parlament, l-SCF se jibda fl-2026, sena qabel ma s-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tiġi estiża biex tkopri l-bini u t-trasport bit-triq (l-hekk imsejħa “ETS II”). Jekk il-prezzijiet tal-enerġija jkunu eċċezzjonalment għoljin, l-estensjoni tal-ETS tista’ tiġi posposta b’sena.

 

Parti mill-SCF se tkun iffinanzjata mill-irkant tal-kwoti li ġejjin mill-ETS II (sa EUR 65 biljun), b’25 % addizzjonali koperti minn riżorsi nazzjonali (li jammontaw għal total stmat ta’ EUR 86.7 biljun).

 

L-appoġġ se jmur biss għal miżuri u investimenti li jirrispettaw il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u li għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.

 

Wara li laħaq ftehim mal-pajjiżi tal-UE f’Diċembru biex jinħoloq dan il-fond il-ġdid fl-2026, il- Parlament adottah f’April 2023. Dan sar applikabbli u legalment vinkolanti f’Mejju.

Il-Parlament jaħdem biex jgħin lill-Ewropej jaqilbu għal enerġija nadifa

Kif jista' jgħinek il-Fond Soċjali għall-Klima?

 

Il-Fond Soċjali għall-Klima għandu jiffinanzja miżuri konkreti biex jindirizza l-faqar enerġetiku u tal-mobilità, fuq terminu qasir u twil, inkluż:

 

  • tnaqqis fit-taxxi u t-tariffi tal-enerġija jew il-forniment ta' forom oħra ta' appoġġ dirett għad-dħul biex jiġu indirizzati l-ispejjeż li qed jiżdiedu tat-trasport bit-triq u tal-fjuwil għat-tisħin;
  • inċentivi għar-rinnovazzjoni u għall-bidla għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-bini;
  • inċentivi għal bidla minn trasport privat għal trasport pubbliku, car sharing u ċikliżmu;
  • appoġġ għall-iżvilupp ta' suq ta' oġġetti użati għall-vetturi elettriċi.

 

Skopri aktar dwar il-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika:

 

Għal aktar informazzjoni: