Pjanijiet ta' rkupru: l-MEPs iridu użu għaqli tal-flus, sorveljanza demokratika

Skont l-MEPs, il-pajjiżi għandhom jagħmlu użu tajjeb mill-aktar minn €700 biljun f'finanzjament għall-irkupru tal-UE biex jadattaw ruħhom għal realtajiet soċjali u ekonomiċi ġodda.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE ġiet stabbilita fl-eqqel tal-kriżi tal-COVID-19 biex tgħin lill-Istati Membri jsostnu lin-negozji u lill-persuni f'diffikultà. Filwaqt li fl-2021 l-ekonomija tal-UE reġgħet qamet fuq saqajha wara tnaqqis qawwi fl-2020, bil-gwerra fl-Ukrajna u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel qed jitfaċċaw sfidi ekonomiċi u soċjali ġodda.

Aktar milli strument ta' għajnuna fuq terminu qasir, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – li tammonta għal €723.8 biljun – tikkostitwixxi finanzjament orjentat lejn il-futur għar-riformi u l-investimenti proposti mill-pajjiżi tal-UE f'oqsma bħat-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni diġitali, it-titjib fil-qasam tas-saħħa, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika u l-appoġġ għaż-żgħażagħ.

F'rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza s'issa, imħejji mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament, l-MEPs jenfasizzaw li l-flus għandhom jintużaw b'mod effettiv biex jiġu żgurati benefiċċji fit-tul għall-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. Huma jenfasizzaw il-bżonn ta' tisħiħ fl-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea biex tonqos id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati u tiżdied id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija.

Skopri aktar dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Carousel

Progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru

Apparti l-ħlas ta' prefinanzjament ta' massimu ta' 13% tal-fondi allokati, il-pajjiżi tal-UE jirċievu l-bqija tal-pagamenti tagħhom mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza meta jilħqu miri u objettivi intermedji speċifiċi.

S'issa, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi rċevew il-prefinanzjament tagħhom, filwaqt li tmien pajjiżi talbu l-ewwel pagament u Spanja talbet it-tieni wieħed.

Il-pjanijiet nazzjonali ta' tliet pajjiżi għadhom ma ġewx approvati: in-Netherlands għadhom ma ssottomettewx il-pjan tagħhom, filwaqt li l-approvazzjoni tal-pjanijiet tal-Polonja u l-Ungerija rat xi dewmien minħabba tħassib dwar l-istat tad-dritt u riskji relatati ma' frodi, kunflitti ta' interess u korruzzjoni.

Il-Kummissjoni tat il-valutazzjoni pożittiva tagħha għall-pjan nazzjonali ta' rkupru tal-Polonja fl-1 ta' Ġunju, li issa jrid jiġi approvat mill-Kunsill. Il-Parlament ikkritika d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u f'riżoluzzjoni tad-9 ta' Ġunju qal li konformità sħiħa mal-valuri tal-UE hija prerekwiżit biex kwalunkwe pajjiż fl-UE jingħata fondi għall-irkupru. Barra minn hekk, l-MEPs stiednu lill-Kunsill ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu sa ma l-Polonja tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha.

Il-finanzjament għall-irkupru jingħata lill-pajjiżi tal-UE bħala għotjiet jew self. L-Istati Membri għamlu pjanijiet għal kważi l-ammont sħiħ tal-għotjiet disponibbli, iżda indikaw li jixtiequ jużaw €166 biljun mill-€385.8 biljun disponibbli f'self.

L-MEPs qed iħeġġu lill-pajjiżi jagħmlu użu mill-potenzjal sħiħ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inkluż is-self, biex jiġu miġġielda l-effetti tal-pandemija u l-isfidi emerġenti.

Sorveljanza parlamentari

Il-Parlament Ewropew huwa involut attivament fl-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-MEPs ikollhom dibattiti fil-plenarja u jadottaw riżoluzzjonijiet dwar is-suġġett, filwaqt li l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament ikollhom diskussjonijiet regolari mal-Kummissarji (saru erba' laqgħat fl-2021) u sikwit isiru laqgħat fil-livell tekniku mal-uffiċjali tal-Kummissjoni (20 laqgħa fl-2021).

L-MEPs jixtiequ jiżguraw li l-fondi jintużaw b'mod trasparenti u f'konformità mar-regoli, u li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u awditjar effikaċi fil-konfront tal-Istati Membri.

Ir-rapport tal-Parlament jinnota li l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jassorbu l-finanzjament kollu fi żmien qasir peress li r-riformi u l-investimenti kollha jridu jsiru sal-2026. L-MEPs jinsistu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti fit-twettiq tal-pjanijiet nazzjonali biex l-implimentazzjoni tkun suċċess u tiġi żgurata responsabbiltà demokratika.

Ir-rapport li jistabbilixxi l-fehmiet tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġie adottat fil-plenarja fit-23 ta' Ġunju. Il-Kummissjoni Ewropea hija mistennija tippreżenta rapport dwar il-progress fil-pjanijiet ta' rkupru f'nofs Lulju.

Ara artikli relatati