Niflu sew id-dettalji: kif il-PE janalizza l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni

Bħala koleġiżlatur, il-PE hu involut bis-sħiħ fit-tfassil ta' regoli ġenerali u għażliet politiċi f'varjetà ta' oqsma bħas-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tad-data u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Kif dawn jitqiegħdu fil-prattika hu importanti wkoll, għax ir-rekwiżiti tekniċi jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta' kuljum tal-Ewropej. Għalhekk il-Membri qed jiffukaw dejjem aktar fuq l-atti delegati u ta' implimentazzjoni li jindikaw kif il-leġiżlazzjoni adottata għandha tiġi applikata.

Il-Membri janalizzaw il-mod kif qed tiġi applikata l-leġiżlazzjoni Ewropea.
Il-Membri janalizzaw il-mod kif qed tiġi applikata l-leġiżlazzjoni Ewropea

X'inhuma atti ta' implimentazzjoni u atti delegati

Ħafna drabi l-leġiżlazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji jew il-politiki ġenerali, iżda d-dettalji jitħallew għal atti sussegwenti. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, dawn saru magħrufa bħala atti ta' implimentazzjoni u atti delegati.


Atti ta' implimentazzjoni


L-atti ta' implimentazzjoni jiddeskrivu kif l-atti leġiżlattivi għandhom jiġu implimentati. Normalment dawn jitħejjew mill-Kummissjoni, li tikkonsulta ma' kumitati magħmulin minn rappreżentanti mill-pajjiżi tal-UE.


Il-Membri tal-PE jistgħu joġġezzjonaw għal att ta' implimentazzjoni. Il-Kummissjoni, għalkemm trid tikkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament, mhijiex marbuta biha.


Atti delegati


L-atti delegati jintużaw biex leġiżlazzjoni eżistenti tinbidel jew tiġi supplimentata. Dawn huma mod kif il-Parlament u l-Kunsill jawtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi ċerti elementi mhux essenzjali tal-leġiżlazzjoni, pereżempju biż-żieda ta' anness. Madankollu, il-Parlament u l-Kunsill ma jistgħux jiddelegaw is-setgħat leġiżlattivi tagħhom lill-Kummissjoni biex tbiddel partijiet essenzjali ta' atti leġiżlattivi.


Jekk il-Parlament u l-Kunsill ma jaqblux mal-proposta sussegwenti tal-Kummissjoni, huma għandhom id-dritt jirrifjutawha.


Eżempji reċenti ta' sorveljanza parlamentari

F'Jannar il-Membri tal-PE vvutaw kontra att delegat dwar iz-zokkor fl-ikel tat-trabi għax beżgħu li l-limiti permessi kienu għoljin wisq.


Fi Frar, il-Membri ddeċidew li ma jopponux att delegat li kien qed jipproponi li jiżdiedu temporanjament il-limiti ta' emissjonijiet ta' NOx għall-karozzi diesel wara li l-Kummissjoni wiegħdet li tinkludi klawsola ta' rieżami.


Fi Frar ukoll, il-Membri oġġezzjonaw għal atti ta' implimentazzjoni għall-approvazzjoni ta' tliet tipi ta' sojja ġenetikament modifikata wara li wrew tħassib li s-sojja seta' jkun fiha traċċi ta' erbiċida kklassifikata bħala "x'aktarx karċinoġenika".