Pass 'il quddiem: Kif tapplika għal traineeship fil-Parlament Ewropew

It-traineeships fil-Parlament joffru opportunità unika biex tibda l-karriera tiegħek, tikseb tagħrif siewi dwar kif taħdem l-UE u, fuq kollox, ikollok esperjenza li ma tinsieha qatt. Mill-15 ta' Awwissu se jkollok xahrejn biex tapplika għaċ-ċiklu ta' traineeships li jmiss. Kompli aqra biex issir taf iżjed dwar it-traineeships offruti mill-Parlament u kif tapplika għalihom.

Pass 'il quddiem: Kif tapplika għal traineeship fil-Parlament Ewropew
Traineeship jista' jgħinek tikseb esperjenza siewja

It-trainees fil-Parlament għandhom l-opportunità li jiltaqgħu ma' nies minn madwar l-Ewropa kollha, irawmu ħbiberiji dejjiema u jibnu konnessjonijiet professjonali. Barra minn hekk, kapaċi jiksbu wkoll esperjenza prattika f'oqsma bħalma huma l-komunikazzjoni, it-tfassil tal-politika, it-traduzzjoni u l-amministrazzjoni. It-traineeship jista' jservi wkoll bħala pass 'il quddiem lejn karriera fl-istituzzjonijiet tal-UE u f'postijiet oħra.


Il-Parlament joffri diversi possibbiltajiet ta' traineeships: minn traineeship ġenerali mmirat lejn il-gradwati universitarji sa traineeships aktar speċjalizzati intiżi għall-ġurnalisti u t-tradutturi. Filwaqt li t-traineeship fit-traduzzjoni jdum tliet xhur, it-traineeship ġenerali jdum ħames xhur. It-tnejn li huma jiġu mħallsa. Jeżistu wkoll traineeships għall-istudenti li jkunu għadhom ma ggradwawx.


Kif tapplika

 

Tista' ssib l-informazzjoni kollha dwar it-traineeships u l-perjodi ta' applikazzjoni differenti fuq din il-paġna.


L-applikazzjonijiet għat-traineeships immirati lejn il-gradwati universitarji jiftħu fil-15 ta' Awwissu. Jekk tixtieq tapplika, imla din il-formola ta' applikazzjoni online u ibgħatha sal-15 ta' Ottubru f'nofsillejl. Dawn it-traineeships jibdew fl-1 ta' Marzu 2017.


Biex iżżom ruħek aġġornat, segwi l-Parlament Ewropew fuq il-midja soċjali.

Skopri aktar

Il-Parlament fil-midja soċjali