Negozjati dwar il-Brexit: teħid ta' deċiżjonijiet dwar ir-relazzjonijiet ġodda bejn l-UE u r-Renju Unit  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Mindu ħabbar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ, ir-Renju Unit beda taħditiet mal-UE biex jiddeterminaw it-termini tar-relazzjoni l-ġdida tagħhom.

Direzzjonijiet ġodda għar-Renju Unit u għall-UE  

Il-Parlament Ewropew se jkollu rwol fundamentali fid-determinazzjoni tal-eżitu ta' dawn in-negozjati.

Fit-23 ta' Ġunju 2016, maġġoranza ta' votanti fir-Renju Unit ivvutaw favur li pajjiżhom joħroġ mill-UE. Il-gvern beda l-proċess uffiċjali fid-29 ta' Marzu 2017 billi invoka l-Artikolu 50 tat-Trattat ta' Lisbona, li jistabbilixxi n-negozjati għal ftehim dwar il-ħruġ biex tiġi definita r-relazzjoni futura tal-pajjiż mal-UE.

Attwalment, ir-Renju Unit għandu joħroġ mill-UE fl-aħħar ta' Ottubru 2019. Kwalunkwe estensjoni tkun trid tintalab mill-gvern tar-Renju Unit u tiġi approvata mill-bqija tas-27 pajjiż tal-UE.

Żewġ ftehimiet

L-UE tissottolinja l-ħtieġa ta' ftehim dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, l-Irlanda ta' Fuq u s-saldu finanzjarju qabel jibdew in-negozjati dwar ir-relazzjoni futura, kif ukoll diversi kwistjonijiet oħra rigward is-separazzjoni.

Wara sentejn ta' negozjati, ir-Renju Unit u l-UE qablu dwar żewġ dokumenti biex jiġi żgurat ħruġ ordnat tar-Renju Unit. L-ewwel pass huwa ftehim dwar il-ħruġ li jistabbilixxi l-arranġamenti dwar kif ir-Renju Unit se joħroġ mill-UE, filwaqt li "jitqies il-qafas tar-relazzjoni futura mal-Unjoni".


L-arranġamenti li jistabbilixxu l-qafas għal relazzjonijiet futuri huma parti minn dokument separat, dikjarazzjoni politika, li tħejji l-pedamenti għall-qafas futur tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit.

In-negozjaturi qablu dwar it-test ta' abbozz ta' ftehim dwar il-ħruġ u dikjarazzjoni politika f'Novembru 2018, iżda għadu ma ġiex ratifikat.

X'ikopri l-ftehim dwar il-ħruġ

Il-ftehim dwar il-ħruġ ikopri kwistjonijiet li jinkludu:

  • Id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit
  • Id-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f'partijiet oħra tal-UE
  • L-impenji finanzjarji tar-Renju Unit meħuda bħala Stat Membru
  • Kwistjonijiet rigward il-fruntieri (speċjalment il-fruntiera bejn ir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Irlanda)
  • Impenji internazzjonali meħuda mir-Renju Unit bħala Stat Membru (pereżempju l-Ftehim ta' Pariġi)
  • Kwistjonijiet oħra marbuta mas-separazzjoni

Id-dikjarazzjoni politika dwar il-qafas futur tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit tiddeskrivi l-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni dwar għadd ta' kwistjonijiet, li jvarjaw mid-difiża u l-ġlieda kontra t-terroriżmu għall-ambjent, ir-riċerka, l-edukazzjoni, eċċ.

Waħda mit-taqsimiet ewlenin tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-prinċipji għall-kummerċ futur, inklużi l-kwistjonijiet ta' tariffi possibbli, standards tal-prodotti, kundizzjonijiet ekwi u kif jissolva t-tilwim.

Kif isiru n-negozjati

Il-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE fil-Kunsill Ewropew ħarġu linji gwida biex iservu bħala l-bażi għan-negozjati. L-ex Kummissarju Michel Barnier imexxi n-negozjati f'isem l-UE, għalkemm il-Kunsill dejjem jista' jiċċara jew jaġġorna l-linji gwida.

X'jiġri jekk ma jintlaħaqx ftehim

Jekk ma jintlaħaqx ftehim u ma jkunx hemm qbil dwar l-estensjoni ulterjuri tal-iskadenza, ir-Renju Unit joħroġ awtomatikament mill-UE fi tmiem Ottubru 2019. Jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali, il-pajjiż ikollu jinnegozja mal-UE skont ir-regoli tad-WTO (l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ).

Aqra dwar il-miżuri fis-seħħ biex jittaffa l-impatt ta' Brexit mingħajr ftehim.


Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Il-Membri tal-PE għandhom rwol fundamentali fir-rigward tal-eżitu ta' dawn it-taħditiet peress li kwalunkwe ftehim irid jiġi approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Guy Verhofstadt huwa l-koordinatur tal-Parlament dwar il-Brexit. Huwa jitlob l-għarfien espert tal-kumitati parlamentari u huwa assistit mil-bqija tal-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Brexit tal-Parlament.

Il-Membri tal-PE kapaċi jinfluwenzaw in-negozjati billi jadottaw riżoluzzjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Parlament.

Aqra aktar dwar ir-rwol tal-Parlament hawnhekk.

Il-pożizzjoni tal-Parlament

Il-Membri tal-PE adottaw il-pożizzjoni tal-Parlament fil-5 ta' April 2017, li tipprovdi l-linji gwida tiegħu għan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-prijoritajiet jinkludu r-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE, is-salvagwardja tal-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq u l-issodisfar tal-impenji finanzjarji meħuda mir-Renju Unit.

Fit-8 ta' Diċembru 2017, in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit qablu dwar rapport konġunt dwar il-progress rigward il-Brexit. Fit-13 ta' Diċembru, il-Membri tal-PE adottaw riżoluzzjoni li laqgħat b'sodisfazzjon ir-rapport, iżda enfasizzat ħames kwistjonijiet li għad iridu jiġu riżolti:

  • l-estensjoni tal-kopertura tad-drittijiet taċ-ċittadini għal sħab futuri
  • proċedura amministrattiva "light-touch" dikjaratorja għandha tkun disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit li japplikaw għal status ta' residenza permanenti
  • id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini għandhom ikunu vinkolanti u r-rwol tal-ombudsman maħluq biex jieħu azzjoni rigward l-ilmenti taċ-ċittadini għandu jiġi definit
  • id-dritt ta' moviment liberu għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li bħalissa jirrisjedu fis-27 Stat Membru għandu jiġi garantit
  • l-impenji tar-Renju Unit rigward l-Irlanda ta' Fuq għandhom jiġu implimentati.

Il-Membri tal-PE ddiskutew ukoll il-kwistjonijiet involuti waqt dibattitu qabel il-votazzjoni fil-plenarja.