Il-futur tal-Ewropa: nirriformaw l-UE

L-MEPs ħadu l-inizjattiva li jqajmu diskussjoni dwar kif l-UE għandha tadatta ruħha biex tindirizza l-isfidi tal-lum bħall-migrazzjoni, l-ekonomija u s-sigurtà.

Il-futur tal-Ewropa
Il-futur tal-Ewropa

L-UE varat l-inizjattiva tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa biex tara kif l-UE għandha tevolvi biex tindirizza aħjar l-isfidi l-ġodda. Fis-snin li għaddew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni kienu diġà involuti f'inizjattivi biex jesploraw ideat differenti.


Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa


Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija inizjattiva ġdida li tħares lejn x'bidliet legali hemm bżonn biex l-UE tkun aktar ippreparata għall-futur. Il-Konferenza hija mistennija ddum sentejn u tinvolvi kampjun rappreżentattiv tas-soċjetà biex in-nies jingħataw iċ-ċans jikkontribwixxu.


F'riżoluzzjoni adottata fil-15 ta' Jannar, u li fiha stabbilew il-viżjoni tagħhom għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-MEPs qalu li ċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar kif għandha tiġi riformata l-UE.


Madankollu, minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, il-proċess waqa' lura. F'riżoluzzjoni adottata fit-18 ta' Ġunju, il-Parlament ħeġġeġ lill-Kunsill jipproponi pożizzjoni dwar il-format u l-organizzazzjoni tal-Konferenza f'qasir żmien. L-MEPs jemmnu li l-Konferenza għandha tibda kemm jista' jkun malajr. Huma tennew l-appell tagħhom biex in-nies ikunu fil-qofol ta' dan il-proċess.


Il-Parlament kien l-ewwel mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE li adotta pożizzjoni dwar l-istruttura u l-ambitu tal-Konferenza li jmiss. Xi ppropona l-Parlament Ewropew


F'dawn l-aħħar snin, il-Parlament kien qed jirrifletti dwar il-bidliet li hemm bżonn biex l-UE tħejji ruħha għall-futur. Bħala parti minn inizjattiva minnhom, il-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE ġew mistiedna jiddiskutu mal-MEPs il-pjanijiet tagħhom għall-futur tal-UE.


Barra minn hekk, fi Frar 2017 l-MEPs adottaw tliet rapporti li fihom stabbilew kif jaħsbu li l-UE hemm bżonn tiġi riformata sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi, terġa' tinkiseb il-fiduċja tan-nies u tiżdied ir-reżiljenza tal-ekonomija.

Ir-rapport ta' Reimer Böge (PPE, il-Ġermanja) u Pervenche Berès (S&D, Franza) spjega kif l-ekonomiji tal-pajjiżi li adottaw l-euro jistgħu joqorbu lejn xulxin u jsiru aktar reżiljenti.

Il-Futur tal-Ewropa: Nisfruttaw it-Trattat ta' Lisbona (Elmar Brok)

Ir-rapport ta' Mercedes Bresso (S&D, l-Italja) u Elmar Brok (PPE, il-Ġermanja) ta ħarsa lejn x'titjib diġà jista' jsir bis-sistema eżistenti.

Il-Futur tal-Ewropa: L-Ewropa "għaddejja minn kriżi eżistenzjali" (Guy Verhofstadt)

Ir-rapport ta' Guy Verhofstadt (ALDE, il-Belġju) eżamina x'bidliet jista' jkun hemm bżonn isiru fit-trattat għal aktar riformi.

Il-Futur tal-Ewropa: iż-żona tal-Ewro teħtieġ li ssaħħaħ il-muskoli tagħha (Pervenche Berès/Reimer Böge)

Ir-rapport ta' Reimer Böge (PPE, il-Ġermanja) u Pervenche Berès (S&D, Franza) spjega kif l-ekonomiji tal-pajjiżi li adottaw l-euro jistgħu joqorbu lejn xulxin u jsiru aktar reżiljenti.

Dokumenti ta' riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Fl-2017 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat White Paper dwar il-futur tal-Ewropa.

Barra minn hekk, fl-2017 il-Kummissjoni ppubblikat ħames dokumenti ta' riflessjoni biex tagħti bidu għal dibattitu dwar il-futur tal-integrazzjoni Ewropea. Kull dokument jittratta tema speċifika: id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, il-globalizzazzjoni, l-unjoni ekonomika u monetarja, id-difiża u l-finanzi. Id-dokumenti fihom ideat u xenarji dwar x'bixra jista' jkollha l-Ewropa fl-2025, iżda ma fihomx proposti speċifiċi. Dawn id-dokumenti ta' riflessjoni ġew diskussi mill-MEPs waqt is-sessjonijiet plenarji.