Brexit: il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Brexit: il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit  

Il-Parlament qed jiġġieled biex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u taċ-ċittadini Brittaniċi fl-UE wara l-Brexit.

Għalkemm ftit minnhom tħallew jivvutaw waqt ir-referendum, il-miljuni ta' ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit se jkunu fost dawk l-aktar milquta mill-Brexit. Id-drittijiet tagħhom huma koperti mill-ftehim dwar il-ħruġ innegozjat mir-Renju Unit u mill-UE, li l-Parlament Ewropew mistenni jivvota fit-29 ta' Jannar.

Fil-15 ta' Jannar, il-Membri tal-PE adottaw riżoluzzjoni li tgħid li hemm bżonn ta' assigurazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini biex ikun żgurat l-appoġġ tal-Parlament għall-ftehim dwar il-ħruġ. Wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni, il-koordinatur tal-Parlament għall-Brexit, Guy Verhofstadt, kiseb kjarifiki waqt laqgħa f'Londra mingħand is-Segretarju għall-Brexit Steve Barclay. L-awtoritajiet tar-Renju Unit

issa qed jesploraw il-possibbiltà li ċittadini tal-UE li jkunu kisbu status ta' stabbilit ikunu jistgħu jistampaw formola li tasserixxi l-istatus tagħhom, kif mitlub mill-Parlament. Verhofstadt ġie infurmat ukoll li mhu se jkun hemm l-ebda deportazzjoni awtomatika taċ-ċittadini tal-UE li għadhom ma applikawx. Huma se jkollhom il-possibbiltà li l-kawża tagħhom tinstema' u li jiksbu status ta' stabbilit.

Madankollu, filwaqt li l-ftehim dwar il-ħruġ jagħti kemm liċ-ċittadini Brittaniċi kif ukoll lil dawk tal-UE d-dritt li jkomplu jaħdmu u jgħixu fil-pajjiż li qed jgħixu fih, hemm kwistjonijiet oħra li għad iridu jiġu deċiżi.

Il-pass li jmiss huwa li l-UE u r-Renju Unit jinnegozjaw ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri, li jkopri kollox mill-kummerċ għall-kollaborazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-ambjent u t-terroriżmu. Dan ikopri wkoll il-kopertura tas-saħħa għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u għall-Brittaniċi li jgħixu fl-UE.

Mill-bidu, il-Parlament kien ħerqan li jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini. Fil-pożizzjoni tal-Parlament adottata f'April 2017, il-Membri tal-PE saħqu fuq l-importanza li jiġi żgurat trattament ugwali u ġust għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u għaċ-ċittadini Brittaniċi li jgħixu fl-UE. Il-pożizzjoni adottata pprovdiet linji gwida għan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-Parlament għandu rwol ewlieni fid-deċiżjoni tal-eżitu ta' dawn it-taħditiet. Aqra aktar dwar ir-rwol tiegħu hawnhekk. Minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm diversi riżoluzzjonijiet adottati u dikjarazzjonijiet mill-grupp ta' tmexxija tal-Parlament dwar il-Brexit li jtennu l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tagħhom.

Check out the facts in our infographic