Il-Brexit: l-impatt fuq l-Irlanda  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-Irlanda x'aktarx se tkun l-aktar Stat Membru li se jintlaqat mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Il-Parlament irid itaffi l-effetti tal-Brexit fuq iż-żewġ partijiet tal-gżira.

Tul il-fruntiera kollha tal-Lvant tal-UE – mill-Finlandja sal-Greċja – hemm 137 punt ta' qsim tal-fruntiera; bejn l-Irlanda ta' Fuq u r-Repubblika Irlandiża hemm mal-275. Billi fl-2016 ir-Renju Unit ivvota biex joħroġ mill-UE, dawn il-500 kilometru dalwaqt jistgħu jsiru fruntiera esterna tal-UE. Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari jridu jiġu indirizzati bħala parti mit-taħditiet dwar il-Brexit.

F'Novembru 2018, in-negozjaturi tar-Renju Unit u tal-UE qablu fuq it-test ta' dikjarazzjoni politika u abbozz ta' ftehim dwar il-ħruġ, iżda r-ratifika għadha ma saritx. Il-ftehim jinkludi backstop, dispożizzjoni li sservi ta' salvagwardja li timpedixxi l-ħolqien ta' fruntiera fiżika li tista' tpoġġi l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira f'riskju. L-għan ta' din id-dispożizzjoni hu li jinħoloq territorju doganali wieħed bejn l-UE u r-Renju Unit u jiddaħħlu miżuri biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn it-tnejn. Il-backstop tiġi attivata biss jekk ma tinstab l-ebda soluzzjoni oħra fi tmiem il-perjodu tranżitorju miftiehem.

Il-backstop qajmet kontroversja fir-Renju Unit, għax xi wħud beżgħu li setgħet tintuża biex il-pajjiż jinżamm fl-unjoni doganali tal-UE b'mod indefinit. Fl-2019, il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li ried jerġa' jinnegozja l-ftehim dwar il-ħruġ sabiex titneħħa l-backstop.

In-negozjaturi tal-UE ilhom jagħmlu pressjoni fuq il-gvern tar-Renju Unit biex joħroġ bi pjanijiet konkreti dwar kif qed jipproponi li tinħoloq alternattiva legali u operattiva għal din is-salvagwardja.

Tnaqqis tal-impatt fuq l-Irlanda

Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, ir-Renju Unit mistenni joħroġ mill-UE fl-aħħar ta' Ottubru 2019. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim ikun ta' ħsara kbira għaż-żewġ partijiet. Ċifri uffiċjali juru li d-dannu ekonomiku jkollu effett spoporzjonatament akbar fuq ir-Renju Unit. Fuq in-naħa tal-UE, l-Irlanda tintlaqat b'mod sinifikanti. Bħalissa, ħafna prodotti jiġu impurtati fir-Repubblika Irlandiża mir-Renju Unit u allura l-prezz tagħhom jista' jiżdied minħabba t-tariffi. Il-ktajjen tal-provvista x'aktarx jispiċċaw imfixkla serjament. Barra minn hekk, sitwazzjoni bħal din tista' taffettwa l-esportazzjoni. Fl-2018, madwar 11.5% tal-prodotti kollha esportati mill-Irlanda kienu destinati għar-Renju Unit. Hemm ukoll ir-riskju li tiżdied it-tensjoni fl-Irlanda ta' Fuq.

L-Irlanda tkun tista' tibbenefika minn diversi miżuri introdotti mill-UE biex jittaffa l-impatt ta' ħruġ mingħajr ftehim. Il-finanzjament ta' programmi ta' paċi bilaterali fl-Irlanda ta' Fuq jibqa' għaddej xorta – tal-anqas sal-2020 – b'appoġġ għall-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni li nbeda bil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira.

Immedjatament wara l-attivazzjoni tal-Artikolu 50 min-naħa tar-Renju Unit f'Marzu 2017, il-Parlament esprima t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi tal-Brexit fuq in-naħa ta' fuq u n-naħa t'isfel tal-Irlanda. Il-Membri tal-Parlament Ewropew enfasizzaw ukoll l-importanza li jiġi ppreservat il-ftehim ta' paċi tal-Ġimgħa l-Kbira, li temm tletin sena ta' ġlied fil-pajjiż u ġie approvat mill-votanti tal-gżira kollha fl-1998. Il-Parlament tenna t-tħassib tiegħu f'riżoluzzjoni adottata f'Settembru 2019.

Ebda fruntiera fiżika

F'diversi riżoluzzjonijiet, il-Membri enfasizzaw ripetutament li għandha tiġi evitata fruntiera fiżika fl-Irlanda. Wara għoxrin sena ta' paċi relattiva fl-Irlanda, it-torrijiet tal-għassa u l-kontrolli tal-armata tal-passat issa żżarmaw u, ta' kuljum, għexieren ta' eluf ta' persuni jaqsmu minn naħa għal oħra ta' din il-fruntiera miftuħa. Peress li la l-Irlanda u lanqas ir-Renju Unit ma huma fiż-żona Schengen, iż-żewġ pajjiżi jħaddmu żona komuni għall-ivvjaġġar.

Pazjenti mir-Repubblika Irlandiża jirċievu r-radjoterapija fl-Irlanda ta' Fuq filwaqt li tfal morda minn Belfast imorru Dublin għall-operazzjonijiet tal-qalb. Madwar terz tal-ħalib prodott fl-Irlanda ta' Fuq jiġi pproċessat fir-Repubblika Irlandiża filwaqt li 40% tat-tiġieġ prodott fin-Nofsinhar jiġi pproċessat fit-Tramuntana tal-fruntiera.

Kulħadd jaf li l-Guinness issir f'Dublin, iżda forsi ftit jafu li din il-birra taqsam il-fruntiera biex titferra' fil-flixkien u l-laned qabel ma terġa' lura fin-naħa t'isfel biex tiġi esportata. F'dak li għandu x'jaqsam mal-elettriku, il-pajjiż huwa regolat minn suq wieħed.

"Qatt m'aħna se nħallu 'l-Irlanda tbati"

Huwa u jindirizza l-membri tal-Parlament Irlandiż f'Dublin fil-21 ta' Settembru 2017, il-koordinatur tal-Brexit għall-Parlament Ewropew, Guy Verhofstadt, qal: "Din il-fruntiera ħolqot kaos, mibegħda u vjolenza. Biex naqqasniha għal sempliċi linja fuq mappa kienet kisba kruċjali." Kompla jgħid: "Qatt m'aħna se nħallu 'l-Irlanda tbati mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE."

Kull min jitwieled fl-Irlanda ta' Fuq huwa intitolat għaċ-ċittadinanza Irlandiża, u allura għaċ-ċittadinanza tal-UE. Fir-riżoluzzjoni adottata fit-3 ta' Ottubru 2017, l-MEPs enfasizzaw li "l-ebda ostakolu jew impediment" m'għandu jżomm lill-abitanti tal-Irlanda ta' Fuq milli jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt li jkunu ċittadini tal-UE. Il-Parlament enfasizza wkoll li se jkun hemm bżonn soluzzjoni "unika" biex tiġi evitata fruntiera fiżika.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

L-UE qalet li tixtieq tara progress sinifikanti fuq tliet kwistjonijiet speċifiċi qabel ma tibda diskussjonijiet dwar ir-relazzjoni mar-Renju Unit fil-futur: id-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju u l-Irlanda. Kwalunkwe ftehim dwar il-ħruġ fi tmiem in-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew qabel ma jkun jista' jidħol fis-seħħ.

F'riżoluzzjoni adottata fit-18 ta' Settembru 2019, il-Membri tal-PE tennew li ma kinux se jivvutaw favur ftehim dwar il-ħruġ mingħajr backstop. Madankollu, huma qalu li jkunu lesti jerġgħu lura għall-proposta oriġinali tal-UE għal backstop li tinvolvi l-Irlanda ta' Fuq biss. Ikunu lesti wkoll jeżaminaw kwalunkwe soluzzjoni oħra, basta tkun legalment u operazzjonalment kredibbli u konformi mal-prinċipji gwida tal-UE.